EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IE0772

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-libertà ta' assoċjazzjoni fil-pajjiżi msieħba ta' l-Euromed

ĠU C 211, 19.8.2008, p. 77–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 211/77


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-libertà ta' assoċjazzjoni fil-pajjiżi msieħba ta' l-Euromed

(2008/C 211/20)

Nhar is-17 ta' Jannar 2008, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji Opinjoni fuq proprja dwar

Il-libertà ta' assoċjazzjoni fil-pajjiżi msieħba ta' l-Euromed.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Moreno Preciados.

Matul l-444 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta' April (seduta tat-22 ta' April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'99 vot favur, xejn voti kontra u astensjoni waħda.

1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

1.1

Ir-rispett għal-libertà ta' l-assoċjazzjoni huwa inkluż b'mod espliċitu fost l-impenji tal-gvernijiet firmatarji tad-Dikjarazzjoni ta' Barċellona ta' Novembru 1995, li waqqfet is-Sħubija Ewro-Mediterranja.

Il-ftehimiet ta' assoċjazzjoni ffirmati bejn l-UE u kull wieħed mill-Pajjiżi Msieħba Mediterranji (MPC (1)) jinkludu klawsola li tgħid li l-konformità mal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali hija element essenzjali tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni.

Il-pjanijiet ta' azzjoni li l-Unjoni Ewropea kkonkludiet ma' l-MPCs taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat introdotta fl-2004 jinkludu wkoll referenzi għal “gvernanza tajba u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali”.

1.2

Ir-realtà fl-MPCs — għalkemm kull pajjiż huwa differenti — hija li l-libertà ta' assoċjazzjoni m'hijiex garantita u soċjetà ċivili ta' suċċess hija mwaqqfa milli timxi 'l quddiem minħabba ostakoli politiċi u amministrattivi mir-rifjut tal-kostituzzjonijiet ta' assoċjazzjonijiet f'xi każi għall-projbizzjoni jew is-sospensjoni ta' oħrajn.

Assoċjazzjonijiet li huma rikonoxxuti legalment ukoll jiltaqgħu ma' ostakoli meta joperaw b'mod normali, bl-impożizzjoni mill-gvern ta' projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l-aċċess għal assistenza internazzjonali bbażata fuq il-kooperazzjoni. Dawn huma każijiet partikularment serji.

1.3

L-emerġenza ta' assoċjazzjonijiet ħielsa ta' gruppi soċjali f'setturi differenti tas-soċjetà ċivili (ħaddiema, dawk li jħaddmu, bdiewa, l-ekonomija soċjali, nisa, żgħażagħ, konsumaturi, eċċ.) hija prerekwiżit għall-proċess tad-demokratizzazzjoni tal-pajjiż sħab Mediterranji. L-assoċjazzjoni ekonomika Ewro-Mediterranja stabbilita fuq pedamenti sodi, permezz ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni ta' l-UE ma' l-MPCs għandha tiġi estiża għad-dimensjonijiet soċjali u demokratiċi. L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata huwa neċessarju għal dan il-għan.

1.4

L-awtoritajiet politiċi jindaħlu fit-trade unions f'diversi livelli, jillimitaw il-ħarsien tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt li joħorġu fuq strajk.

1.5

Id-dgħjufija tad-djalogu u l-konsultazzjoni soċjali turi li hemm nuqqas fil-ħidma assoċjattiva ta' dawk li jħaddmu u t-trade unions. Dan id-djalogu bilaterali jew trilateri huwa inqas żviluppat fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani milli fl-Afrika ta' Fuq.

1.6

Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li jintlaħqu l-impenji ta' demokratizzazzjoni ta' l-assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja, il-ftehimiet ta' assoċjazzjoni u l-pjanijiet ta' azzjoni fir-rigward il-politika tal-viċinat. Il-Kummissjoni għandha tagħmilha ċara lill-gvernijiet ikkonċernati li assoċjazzjonijiet ma jistgħux ikunu suġġetti għal kwalunkwe miżuri ta' dissoluzzjoni jew sospensjoni amministrattiva, minbarra permezz ta' proċedura ġudizzjarja f'lokha.

1.7

B'mod simili, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-gvernijiet MPC jiggarantixxu li l-membri u l-uffiċjali ta' assoċjazzjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu arrestati għax iwettqu l-kompiti leġittimi tagħhom fir-rigward l-assoċjazzjoni.

1.8

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex meta tfassal il-karti ta' strateġija ta' kull pajjiż li jistabbilixxu l-qafas għal kooperazzjoni Komunitarja skond il-pjanijiet ta' azzjoni, tqis il-livell ta' konformità mill-gvernijiet tal-pajjiżi msieħba fir-rigward tal-libertà ta' assoċjazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem.

Din id-domanda hija msejsa fuq l-Artikolu 1 tal-Programm ta' Azzjoni Komunitarju 2005-2010 għaż-żona Ewro-Mediterranja (assoċjazzjoni politika u s-sigurtà) li jistabbilixxi l-objettivi ewlenin tal-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ċivika: aktar involviment tan-nisa; l-iżgurar tal-libertà ta' l-espressjoni u ta' assoċjazzjoni; il-promozzjoni tar-rwol tas-soċjetà ċivili; l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali.

1.9

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tesiġi l-involviment tas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi MPC bħala parti mis-segwitu għall-ftehimiet ta' assoċjazzjoni u l-pjanijiet ta' azzjoni.

1.10

Fl-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja, fejn il-KESE għandu l-istatus ta' osservatur, il-kumitat ser jipproponi li l-parlamentari tal-pajjiżi msieħba jkunu infurmati dwar il-ħtieġa li ssir riforma ta' kwalunkwe leġislazzjoni li xxekkel il-libertà ta' assoċjazzjoni.

1.11

Bil-kooperazzjoni tan-netwerks Ewro-Mediterranji ta' dawk li jħaddmu, it-trade unions u l-ekonomija soċjali u oħrajn, il-KESE għandu jfassal rapporti regolari u dettaljati dwar il-qagħda tal-libertà ta' assoċjazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi MPC, li għandhom jitressqu lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew. L-opinjoni attwali ser tiġi diskussa fis-summit li jmiss ta' Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u Istituzzjonijiet Simili, li ser isir fil-Marokk fl-2008. Il-fehmiet u l-informazzjoni li tinġabar waqt il-laqgħa ser jikkontribwixxu għas-segwitu.

1.12

Il-KESE ser ikompli b'ħidmietu jappoġġja l-istabbiliment ta' korpi konsultattivi uffiċjali tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi MPC, u li jagħti ħajja mill-ġdid lil dawk li diġà jeżistu fil-Libanu u l-Ġordan, u ser jirrakkomanda wkoll li dawn il-korpi jkunu magħmulin minn organizzazzjonijiet rappreżentattivi mis-setturi ċivili varji, u jkunu mgħammra bir-riżorsi neċessarji sabiex joperaw b'mod indipendenti u effettiv.

1.13

Il-KESE jerġa' jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa fis-soċjetà, u b'mod partikulari fl-attivitajiet ta' assoċjazzjoni tal-pajjiżi msieħba, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet ta' din l-opinjoni dwar il-promozzjoni ta' l-intraprenditorija tan-nisa fir-reġjun Ewro-Mediterranju (2).

B'mod simili, jenfasizza wkoll l-importanza tal-konklużjonijiet tal-konferenza ministerjali Ewro-Mediterranja (3), li tappoġġja l-promozzjoni tar-rappreżentazzjoni u l-parteċipazzjoni tan-nisa f'inkarigi li jinvolvu t-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi, b'mod partikulari f'assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem, unions tal-ħaddiema u strutturi oħra soċjo-ekonomiċi.

1.14

Il-KESE ser jiffaċilita laqgħat u djalogu bejn organizzazzjonijiet ta' min iħaddem (UMCE) u t-trade unions (Forum Ewro-Mediterranju tat-Trade Unions) u jappoġġja l-iżvilupp tagħhom, kif ukoll dak ta' organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili fiż-żona Ewro-Mediterranja bħan-Netwerk Ewro-Mediterranju ta' l-Ekonomija Soċjali (ESMED) u organizzazzjonijiet tan-nisa.

2.   Il-pedamenti tal-libertà ta' assoċjazzjoni bil-għan li jintlaħqu l-objettivi ta' demokratizzazzjoni tal-Proċess ta' Barċellona

2.1

Il-ħtieġa għal din l-opinjoni ġdida toriġina min-nuqqasijiet irrimarkati fil-konklużjonijiet ta' l-ewwel Summit Ewro-Mediterranju tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern (Novembru 2005) fir-rigward tar-rwol tas-soċjetà ċivili, u bħala segwitu għad-Dikjarazzjonijiet Finali tas-summits l-iktar reċenti Ewro-Mediterranji tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u Istituzzjonijiet Simili (Amman, Novembru 2005, Ljubljana, Novembru 2006 u Ateni, Ottubru 2007). Il-għan ta' l-opinjoni fuq inizjattiva proprja attwali huwa li jsir kontribut għall-eżerċizzju sħiħ tad-dritt ta' assoċjazzjoni fil-pajjiżi msieħba tan-nofsinhar tal-Mediterran.

2.2

L-impenji li saru mill-pajjiżi li ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta' Barċellona jinkludu dawn li ġejjin:

li jaġixxu skond il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll obbligi oħrajn taħt il-liġi internazzjonali, b'mod partikulari dawk li joħorġu mill-istrumenti reġjonali u internazzjonali li huma jagħmlu parti minnhom;

li jiżviluppaw l-istat tad-dritt u d-demokrazija fis-sistemi politiċi tagħhom, waqt li jirrikonoxxu fi ħdan dan il-qafas id-dritt li kull wieħed minnhom jagħżel u jiżviluppa b'mod ħieles is-sistema, politika, soċjo-kulturali, ekonomika u ġudizjarza tagħhom stess;

li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jiggarantixxu l-eżerċizzju leġittimu u reali ta' dawn id-drittijiet u libertajiet, inkluża l-libertà ta' l-espressjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni għal finijiet paċifiki u l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, kemm individwalment kif ukoll flimkien ma' membri oħrajn ta' l-istess grupp, mingħajr ma ssir diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-razza, in-nazzjonalità, il-lingwa, ir-reliġjon jew is-sess.

2.3

L-opinjoni ġenerali kienet li l-Ewwel Summit Ewro-Mediterranju tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern, li sar f'Barċellona fl-2005 sabiex jiġu valutati l-ewwel għaxar snin tal-proċess Ewro-Mediterranju kien ta' suċċess, peress li ħaddan fih numru ta' avvanzi meta mqabbel mad-Dikjarazzjoni ta' l-1995, kif ukoll dispożizzjonijiet ġodda fir-rigward ta' l-iżvilupp tar-rwol tas-soċjetà ċivili. Iżda mill-perspettiva tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. għad hemm ħafna tħassib serju, kif ġie espress fis-summit innifsu.

2.4

Bħala konsegwenza ta' dan, is-summit ta' l-2005 impenja ruħu biex jiġu estiżi l-pluraliżmu u l-parteċipazzjoni politika għaċ-ċittadini kollha, b'mod partikulari n-nisa u ż-żgħażagħ, billi jiġi promos qafas politiku kompetittiv, li jinkludi elezzjonijiet ħielsa u ġusti u progress lejn id-deċentralizzazzjoni u ġestjoni pubblika aħjar.

2.5

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni Ewropea għarrfet b'mod impliċitu il-progress fqir li sar fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem. Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew (4), hija semmiet id-drittijiet tal-bniedem forst it-tliet temi ta' prijorità għar-reġjun tal-Mediterran, kif ukoll relazzjonijiet iktar mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi msieħba, li jiffokaw prinċipalment fuq l-objettiv li jiġu avvanzati d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija. Il-KESE jaqsam mal-Kummissjoni din l-opinjoni, u jaħseb li huwa importanti ħafna li jinbdew u jiġu kkonsolidati proċessi ta' demokratizzazzjoni fl-MPCs.

2.6

Fost ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tar-rapport dwar il-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-2004 (UNDP) (5) hemm ċaqliq gradwali lejn gvernanza iktar rappreżentattiva, l-ewwel stadju għandu jkun li jintużaw bis-sħiħ il-vantaġġi tas-soċjetà ċivili u li tkun permessa l-espressjoni tat-tliet libertajiet fundamentali: il-libertà ta' l-opinjoni, il-libertà ta' l-espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni.

F'dan ir-rigward, u sabiex ikun iktar faċli għan-nisa li jipparteċipaw f'kull aspett tal-ħajja pubblika fil-pajjiżi MPC, għandhom isiru bidliet fil-leġislazzjoni, b'mod speċjali liġijiet dwar l-istatus personali, sabiex nisa jkunu jistgħu jagħmlu għażliet ħielsa meta jeżerċitaw il-libertajiet fundamentali tagħhom.

2.7

Id-dikjarazzjonijiet finali ta' l-aħħar żewġ Summits tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u Istituzzjonijiet Simili indirizzaw aspetti li jirrigwardaw it-tema ċentrali ta' l-opinjoni fuq inizjattiva proprja attwali.

2.8

Il-laqgħa f'Ljubljana fl-2006 rrimarkat il-ħtieġa li jissaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet u l-partijiet mhux governattivi fir-reġjun Ewro-Mediterranju, b'mod speċjali assoċjazzjonijiet tan-nisa u ż-żgħażagħ, u organizzazzjonijiet soċjo-okkupazzjonali. F'dan ir-rigward, id-Dikjarazzjoni Finali pproponiet li l-Presidenza Slovena tal-Kunsill (l-ewwel nofs ta' l-2008) għandha torganizza konferenza tripartitika dwar il-progress fid-djalogu soċjali.

2.9

Id-Dikjarazzjoni Finali ta' l-aħħar Summit tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u Istituzzjonijiet Simili (Ateni, 15 u 16 ta' Ottubru 2007) għamlet numru ta' referenzi sinifikanti: (a) sejħa għal monitoraġġ regolari ta' l-involviment tas-soċjetà ċivili fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali, u s-suġġeriment li l-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u Istituzzjonijiet Simili jistgħu jservu bħala mezz kif jiġi faċilitat dan il-monitoraġġ (b) sejħa għal riżorsi, appoġġ u għarfien lill-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali sabiex ikunu jistgħu jitkellmu b'mod indipendenti, u għal impenn min-naħa tagħhom li jibqgħu miftuħa għal rappreżentanti tas-soċjetà ċivili mhux inklużi f'dawn il-korpi (c) punt 12 jitlob b'mod espliċitu li jkun hemm rispett għal-libertà ta' assoċjazzjoni sabiex jiġi faċilitat id-djalogu mas-soċjetà ċivili.

3.   Il-qagħda tal-libertà ta' assoċjazzjoni fil-pajjiżi msieħba fil-Mediterran

3.1

Is-sigurtà u l-isforzi għall-paċi huma essenzjali għall-ħolqien ta' atmosfera li tiffaċilita t-tħaddim ta' proċess ta' demokratizzazzjoni fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran kollha.

Is-sitwazzjoni diżastruża fit-territorji Palestinjani, il-gwerra fl-Iraq u l-emerġenza ta' l-estremiżmu u t-terroriżmu għamlu ħsara kbira għall-prospetti li dawn il-libertajiet jiġu żviluppati. Xi gvernijiet użaw dawn ir-riskji jew theddid minn barra biex jiġġustifikaw li jwaqqfu r-riformi favur id-demokrazija. F'ċerti pajjiżi dan wassal għal deġenerazzjoni tal-libertajiet individwali u d-dritt ta' assoċjazzjoni.

3.2

L-eżerċizzju garantit tad-drittijiet tal-bniedem huwa kondizzjoni minn qabel ta' importanza kbira ħafna sabiex titwettaq l-intenzjoni ddikjarata favur id-demokratizzazzjoni. Il-libertà ta' assoċjazzjoni, flimkien mal-promozzjoni u l-iżvilupp ta' assoċjazzjonijiet, huma fl-interess tas-setturi kollha, u huma fattur ewlieni fl-iżvilupp ta' Sħubija Ewro-Mediterranja, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-involviment tas-soċjetà ċivili u l-korpi varji tagħha.

3.3

Jenħtieġ li jiġi mtenni li d-dritt ta' assoċjazzjoni libera jinkludi d-dritt li wieħed jissieħeb, jassoċja jew joħroġ minn gruppi, assoċjazzjonijiet u soċjetajiet ta' tipi differenti. Jesiġi li ma jkunx hemm involviment mill-Istat fl-istabbiliment u fl-affarijiet ta' l-assoċjazzjonijiet kollha li joperaw b'mod legali. Jirrikjedi wkoll l-appoġġ ta' l-Istat fil-ħolqien u ż-żamma ta' atmosfera fejn id-dritt ta' assoċjazzjoni libera ikun jista' jiġi eżerċitat.

3.4

Id-dritt li tifforma jew tissieħeb ma' assoċjazzjoni ma jistax jiġi iżolat minn drittijiet oħra ċiviki u politiċi, bħal-libertà ta' l-espressjoni u ta' l-opinjoni, il-libertà tal-moviment u ta' ażil. Soċjetà ċivili ta' suċċess ser tikkontribwixxi hi nnifisha għall-introduzzjoni jew il-konsolidazzjoni ta' sistemi politiċi iktar pluralisti.

3.5

Hemm kontradizzjoni fil-maġġoranza tal-pajjiżi MPC bejn il-konvenzjonijiet internazzjonali (li jiggarantixxu d-dritt tal-libertà tal-moviment) iffirmati mill-gvernijiet tagħhom, u l-liġijiet nazzjonali tagħhom, u bejn il-liġijiet u l-fatti kif inhuma fil-prattika. Bl-eċċezzjoni ta' ftit pajjiżi, il-ħolqien ta' assoċjazzjonijiet u l-eżerċitar ta' l-attivitajiet tagħhom huma suġġett għal ħafna restrizzjonijiet fuq il-bażi — jew il-pretest — tas-salvagwardja tas-sigurtà u l-unità nazzjonali.

3.6

Dan il-pretest jintuża ta' siktwit, permezz tal-leġislazzjoni, biex jillimita (u xi kultant anke jipprojbixxi) id-dritt li wieħed joħroġ fuq strajk, li jinġabar fi grupp f'post pubbliku, li jagħmel dimostrazzjoni u li jwaqqaf assoċjazzjoni. Ċentralizzazzjoni qawwija tal-poter eżekuttiv, element komuni fis-sistemi politiċi fil-pajjiżi msieħba, hija riflessi fis-superviżjoni eċċessiva ta' l-assoċjazzjonijiet.

3.7

It-tolleranza, il-kontroll u r-ripressjoni huma t-tliet approċċi użati (xi kultant flimkien) mill-awtoritajiet fil-konfront ta' l-assoċjazzjonijiet. F'xi pajjiżi, hemm livell aċċettabbli ta' libertà għall-assoċjazzjonijiet, u din hija ristretta biss f'ċirkostanzi speċifiċi; f'oħrajn assoċjazzjonijiet indipendenti huma permessi joperaw iżda huma kostretti minn kontrolli amministrattivi u finanzjarji; umbagħad hemm dawk il-pajjiżi fejn assoċjazzjonijiet li huma favur il-gvern biss huma permessi.

3.8

L-interferenza u l-kontroll għandhom impatt negattiv fuq l-istadji differenti fil-ħajja ta' assoċjazzjoni, mit-twaqqif tagħha sakem tisfaxxa. Fejn l-istabbiliment ta' assoċjazzjonijiet huwa selettiv jew diskrezjonali, assoċjazzjonijiet ta' sikwit huma ristretti għal dawk il-persuni li huma qrib ta' l-awtoritajiet, u ġeneralment ikunu sors ta' korruzzjoni. Fejn id-dissoluzzjoni tkun tista' tiġi imposta b'mod arbitrarju, assoċjazzjonijiet jaġixxu b'mod timidu, u jonqsu milli jilħqu l-aspettattivi jew il-potenzjal tagħhom.

3.9

Tliet tipi ta' assoċjazzjoni huma partikularment suġġetti għas-sorveljanza, u għal raġunijiet differenti: l-ewwel nett, assoċjazzjonijiet Islamiċi fundamentalisti, li huma suspettati li jinkoraġġixxu Islamiżmu politiku estrem, li f'xi pajjiżi sar forza ewlenija ta' oppożizzjoni, kemm legali kif ukoll b'mod illegali. It-tieni nett, assoċjazzjonijiet tad-drittijeit tal-bniedem, billi xi kultant ikunu qrib ta' gruppi politiċi alternattivi. U fl-aħħar nett hemm it-trade unions, peress li f'xi każijiet huma organizzazzjonijiet tal-massa li jistgħu jisfidaw il-politika ekonomika u soċjali ta' pajjiż, u għandhom kuntatti mill-qrib ma' organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet internazzjonali.

3.10

Għalkemm dawn ir-restrizzjonijiet huma mifruxa sew, wieħed għandu jinnota li l-livell ta' libertà fir-rigward tad-dritt ta' assoċjazzjoni fil-pajjiżi msieħba m'huwiex l-istess. F'ħafna pajjizi huwa possibbli, għalkemm diffiċli, li ħaddiema, dawk li jaħdmu għal rashom, dawk li jħaddmu, in-nisa, iż-żgħażagħ, il-bdiewa, eċċ. jorganizzaw ruħhom b'mod indipendenti.

4.   Il-qagħda u l-karatteristiċi ta' l-assoċjazzjonijiet ewlenin fil-pajjiżi MPC

4.1

Organizzazzjonjiet tradizzjonali li jirrappreżentaw il-ħaddiema, il-bdiewa, dawk li jħaddmu, l-ekonomija soċjali u attivitajiet oħra varji jkopru l-pajjiżi kollha, iżda huma relattivament dgħajfin u suġġetti għar-restrizzjonijiet imsemmija.

4.2

Tipi oħra ta' assoċjazzjoni huma ta' natura ta' karità u ta' għajnuna soċjali, li jaħdmu mas-sezzjoni tal-popolazzjoni żvantaġġjata sabiex jipprovdu servizzi l-iktar fuq bażi komunitarja, reliġjuża, tribali jew familjali. F'xi każi, dawn huma xejn inqas minn servizzi soċjali reali u organizzati.

4.3

Tipi oħra ta' assoċjazzjoni ambjentali u kulturali ħarġu mis-snin disgħin 'il hawn, li jipprovaw jinvolvu ruħhom f'affarijiet pubbliċi jew ta' l-istat permezz ta' proposti, inkoraġġiment u azzjoni diretta, u mhux biss billi jimlew il-lakuni minħabba nuqqasijiet min-naħa ta' l-istat. Dawn l-assoċjazzjonijiet il-ġodda ta' spiss ikunu taħt suspett u jiġu mxekkla min-naħa ta' l-istrutturi amministrattivi u politiċi.

4.4

Assoċjazzjonijiet oħrajn importanti huma kkonċernati bi kwistjonijiet rigward id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tan-nisa, id-difiża tal-minoritajiet u l-iżvilupp tad-demokrazija in ġenerali.

4.5

Is-sitwazzjoni fil-post tax-xogħol u fil-każ ta' relazzjonijiet industrijali fil-pajjiżi MPC kienet diskussa fl-aħħar Summit tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali, permezz ta' rapport konġunt ippreżentat mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ta' Spanja. Uħud mill-fehmiet f'dan ir-rapport huma inklużi fl-erba' punti li ġejjin.

4.6

Il-prinċipju tal-libertà tat-trade unions huwa mħaddan fil-kostituzzjonijiet tal-pajjiżi MPC. F'dawn l-aħħar snin sar xi progress fir-ratifika tal-konvenzjonijiet soċjali ewlenin ta' l-ILO. Iżda dan m'huwiex il-każ f'termini ta' l-inkorporazzjoni tagħhom fil-leġislazzjoni nazzjonali. Il-Kumitat għal-Libertà tat-Trade Unions ta' l-ILO, li huwa responsabbli biex janlizza l-ilmenti li jagħmlu trade unions u organizzazzjonijiet tan-negozju kontra l-gvernijiet tagħhom fir-rigward ta' ksur tal-prinċipju tal-libertà tat-trade unions, irċieva numru ta' ilmenti minn pajjiżi MPC, u l-iktar li kienu jikkonċernaw kienu l-Marokk u t-Turkija (6).

4.7

Il-mudell għal organizzazzjonijiet tat-trade unions ivarja minn pajjiż għal pajjiż. Uħud għandhom trade union waħda obbligatorja (monopolju) waqt li f'oħrajn din l-unità hija volontarja (trade union waħda), u f'xi pajjiżi hemm firxa ta' organizzazzjonijiet tat-trade unions. Hemm ukoll dipendenza funzjonali ċara fir-rigward tal-poteri politiċi.

4.8

Barra minn hekk, hemm nuqqas ta' leġislazzjoni regolatorja ċara u definita tajjeb dwar ir-rappreżentazzjoni, li jaffettwa kemm l-organizzazzjonijiet tal-unions kif ukoll dawk tan-negozju, u b'hekk hemm ħafna spazju għall-awtoritajiet politiċi biex jeżerċitaw b'mod diskrezzjonali il-poteri tagħhom.

4.9

Il-biċċa l-kbira ta' l-organizzazzjonijiet tat-trade unions fil-pajjiżi MPC jagħmlu parti minn konfederazzjonijiet internazzjonali usa', u jikkoordinaw ħidmiethom mat-trade unions Ewropej permezz tal-Forum Ewro-Mediterranju tat-Trade Unions. Il-Forum iħaddan fih il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC), il-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions (ITUC), il-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions Għarab (ICATU) u l-Konfederazzjoni ta' Trade Unions tal-Ħaddiema Għarab tal-Magreb (USTMA). L-objettivi tagħhom jinkludu kooperazzjoni ikbar bejn it-tramuntana u n-nofs in-nhar, u d-difiża u l-promozzjoni ta' l-interessi tal-ħaddiema fil-Proċess ta' Barċellona.

4.10

Assoċjazzjonijiet tan-negozju huma mifruxa fil-pajjiżi MPC kollha u b'mod ġenerali m'humiex suġġetti għal daqshekk restrizzjonijiet legali, politiċi jew amministrattivi meta jwettqu l-funzjoni rappreżentattiva tagħhom. Organizzazzjonijiet ta' min iħaddem ibbażati f'settur partikulari huma n-norma, u konfederazzjonijiet ta' min iħaddem trans-settorjali bil-mod qed jiġu stabbiliti. Barra minn assoċjazzjonijiet tan-negozju, għandu jiġi rimarkat ir-rwol importanti li jaqdu il-kmamar tal-kummerċ fil-pajjiżi MPC.

Il-Pluraliżmu huwa stabbilit iktar fost l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem milli fost it-trade unions. Organizzazzjonijiet f'kull pajjiż jistgħu jingħaqdu flimkien f'konfederazzjoni tan-negozju waħdanija, bħal fit-Tuneżija, fejn l-UTICA (7) tkopri s-setturi ekonomiċi kollha mhux marbuta mal-biedja, waqt li f'oħrajn teżisti firxa ta' organizzazzjonijiet, bħal fil-Marokk, fejn hemm tliet organizzazzjonijet ta' min iħaddem (8).

4.11

L-organizzazzjonijiet tan-negozju ta' ħdax-il pajjiż li huma msieħba (9) (u Malta) flimkien jifformaw l-Unjoni ta' Konfederazzjonijiet Mediterranji ta' l-Intrapriżi (UMCE), li s-sede tagħha hija fit-Tuneżija, u li l-objettivi tagħha jinkludu l-istabbiliment tal-konsultazzjoni fuq bażi istituzzjonali, bejn organizzazzjonijiet soċjo-okkupazzjonali, u sabiex tagħmel kontribut għall-istabbiliment ta' żona tal-kummerċ ħieles Ewro-Mediterranja.

4.12

L-ekonomija soċjali, fil-forom varji tagħha (kooperattivi, soċjetajiet mutwali, assoċjazzjonijiet ta' żvilupp) jagħtu xogħol għal settur imdaqqas tal-popolazzjoni fil-pajjiżi MPC, u tagħti kontribut deċiżiv għat-tkabbir ekonomiku u l-impjieg, b'mod partikulari fl-SMEs u mikro-negozji, kif ukoll taqdi rwol importanti fil-provvediment tas-servizzi soċjali.

4.13

Attività assoċjattiva fis-setturi ta' l-ekonomija soċjali m'hijiex, bħala prinċipju, ristretta fuq bażi politika, iżda hija affettwata mill-kontrolli amministrattivi indikati fir-rigward ta' gruppi oħrajn. Attività assoċjattiva hija mifruxa b'mod partikulari f'kooperattivi agrikoli f'pajjiżi bħall-Marokk, il-Palestina, it-Turkija, l-Eġittu u l-Israel.

4.14

Il-gruppi varji interessati — imsieħba soċjali u soċjo-okkupazzjonali, organizzazzjonijiet ambjentali, assoċjazzjonijiet tal-familja u organizzazzjonijiet tal-konsumatur, gruppi ta' l-ekonomija soċjali, eċċ. — qegħdin jagħmlu ħilithom biex jaqdu rwol attiv fl-implimentazzjoni ta' politiki ta' sħubija u tal-viċinat, kif imfissra r-rapport ta' informazzjoni reċenti tal-KESE (10).

4.15

In-Netwerk Ewro-Mediterranju ta' l-Ekonomija Soċjali (ESMED) twaqqaf f'Madrid fl-2000. Attwalment jgħaqqad flimkien organizzazzjonijet minn Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall, Spanja, il-Marokk u t-Tuneżija. L-ESMED ikkontribwixxa għal inizjattivi u laqgħad varji tal-KESE u tas-Sħubija Ewro-Mediterranja.

4.16

Għalkemm suġġetti għall-istess diffikultajiet li jaffaċċjaw il-gruppi l-oħra, organizzazzjonijiet mhux governattivi u oħrajn b'għanijiet soċjali wkoll jaqdu rwol sinifikanti, b'mod partikulari fid-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem. Ħidmiethom hija viżibbli ħafna fir-rigward tat-twettiq ta' l-objettivi tal-Proċess ta' Barċellona. Il-Pjattaforma Mhux Governattiva Ewro-Mediterranja, li twaqqfet fl-2005, tħaddan fiha bosta netwerks u NGOs, inkluż in-Netwerk Ewro-Mediterran tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Brussell, it-22 ta' April 2008

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Il-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija, l-Eġittu, il-Ġordan, l-Iżrael, it-Territorji Palestinjani, il-Lebanon, is-Sirja, ir-Turkija, il-Mawritanja u l-Albanija (Il-Mawritanja u l-Albanija ilhom parti mill-proċes ta' Barcelona minn Diċembru 2007).

(2)  REX/233 — CESE 1004/2007.

(3)  Istanbul, 14 u 15 ta' Diċembru 2006.

(4)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-12 ta' April 2005 L-Għaxar Anniversarju tas-Sħubija Ewro-Mediterranja: Programm ta' ħidma sabiex jintlaħqu l-isfidi tal-ħames snin li ġejjin, COM(2005) 139 finali (Mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Arab Human Development Report 2004. UNDP (April 2005).

(6)  Il-kwistjoni ta' drittijiet tat-trejdjunjins fit-Turkija bħalissa qed tiġi indirizzata mill-Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Turkija.

(7)  Unjoni ta' l-Industrija, il-Kummerċ u l-Artiġjanat tat-Tuneżija.

(8)  L-Unjoni Agrikola tal-Marokk; l-Unjoni Ġenerali ta' l-Industrija u l-Kummerċ u l-Konfederazzjoni Ġenerali ta' Intrapriżi Marokkini.

(9)  CGEA-Alġerija, OEC-Ċipru, FEI-Eġittu, MAI-Israel, JCI-Ġordan, ALI-Libanu, MFOI-Malta, CGEM-Marokk, PFI-Palestimna, FSCC-CCI-Sirja, UTICA-Tuneżija, TUSIAD-TISK-Turkija.

(10)  REX/223 — CESE 504/2007 — Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-livell lokali fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni għall-Politika Ewropea tal-Viċinat bl-objettiv ta' żvilupp ibbilanċjat u sostenibbli.


Top