Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IE0757

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Lejn politika komuni ta' l-enerġija

    ĠU C 211, 19.8.2008, p. 17–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.8.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 211/17


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Lejn politika komuni ta' l-enerġija

    (2008/C 211/05)

    Nhar is-27 ta' Settembru 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew idddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq proprja dwar

    Lejn politika komuni ta' l-enerġija.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' April 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Buffetaut.

    Matul l-444 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta' April 2008 (seduta tat-23 ta' April 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'173 vot favur u 13-il astensjoni.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-kwistjoni tal-provvista ta' l-enerġija, id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' l-enerġija u l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli hija fundamentali għall-ġejjieni ta' l-Ewropa, l-ekwilibru globali, u l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima.

    1.2

    Il-KESE jemmen li l-qafas ta' l-Unjoni Ewropea huwa adattat sabiex issir pressjoni fil-konfrontazzjoni dinjija li tiġi mit-tellieqa sabiex jiġu żgurati riżorsi ta' l-enerġija, u sabiex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima, peress li huwa kbir biżżejjed biex ikollu influwenza politika qawwija fin-negozjati internazzjonali.

    1.3

    Huwa bi pjaċir li jinnota li t-Titolu XX dwar l-enerġija ġie inkorporat fl-abbozz tat-Trattat ta' Lisbona, peress li dan ser isaħħaħ il-bażi legali għall-attivitajiet ta' l-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam.

    1.4

    Il-KESE jenfasizza l-importanza kbira tar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tas-sostenibilità enerġetika u ambjentali, u ta' l-allokazzjoni xierqa tar-riżorsi. Sabiex tiġi evitata l-ħela ta' fondi pubbliċi li jissussidjaw teknoloġiji li ma għandhomx futur, għandha tiġi eżaminata bir-reqqa l-promozzjoni ta' l-enerġiji u tat-teknoloġiji li jnaqqsu l-konsum ta' l-enerġija u l-emissjonijiet u li aktarx m'humiex ser jilħqu l-bilanċ ekonomiku. Fuq in-naħa l-oħra, ikun tajjeb li r-riżorsi mmirati lejn ir-riċerka jiġu ddedikati għal teknoloġiji li l-komunità xjentifika tqis li jippromettu. Per eżempju, it-teknoloġiji sabiex jinqabdu jew jitnaqqsu kemm jista' jkun l-emissjonijet ta' gassijiet b'effett ta' serra, l-effiċjenza enerġetika, il-faħam nadif, il-vetturi elettriċi jew dawk li jaħdmu b'enerġiji alternattivi oħrajn, iċ-ċelloli kombustibbli, l-enerġija mix-xemx, l-enerġija mill-iskart, il-fużjoni nukleari,il-ġestjoni ta' l-iskart nukleari, eċċ.

    1.5

    Jenfasizza wkoll l-importanza ta' l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir u l-bini.

    1.6

    Jemmen li fil-livell Ewropew għandha tiġi introdotta politika tax-xiri ġenwina bħala risposta għall-pressjoni mill-produtturi li xi drabi jkunu organizzati ħafna, u jirrakkomanda li l-politiki u l-pożizzjonijiet dwar l-enerġija jkunu kkoordinati fil-livell ta' l-UE fi ħdan korpi internazzjonali bħad-WTO, in-NU, in-NATO u l-OECD.

    1.7

    Jenfasizza l-importanza li jiġu diversifikati s-sorsi tal-provvista u jirrakkomanda li tiġi adottata attitudini kostruttiva iżda prudenti fir-rigward tas-sħubijiet mar-Russja u r-repubbliki Kawkasi u ta' l-Asja Ċentrali.

    1.8

    Jinsisti li jkun xieraq li tiġi eżaminata l-possibilità li jerġgħu jitqajmu programmi ta' l-enerġija nukleari f'pajjiżi fejn hemm kunsens dwar dan il-punt, u li tiżdied ir-riċerka dwar il-fużjoni nukleari fil-qasam ta' l-ipproċessar mill-ġdid ta' l-iskart. Iħeġġeġ ukoll l-iżvilupp tar-riċerka dwar il-fużjoni nukleari taħt is-Seba' Programm Qafas tar-Riċerka ta' l-Euratom u permezz ta' l-inizjattiva ITER.

    1.9

    Jemmen li jenħtieġu aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni fil-politika ta' l-enerġija, fir-rappreżentanza u fl-azzjoni ta' korpi internazzjonali, li l-politika tal-viċinat għandha tiġi żviluppata fil-qasam ta' l-enerġija, u li għandha tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni f'waqtha ta' politika komuni ta' l-enerġijali eventwalment tkun imsejsa fuq l-istituzzjonijiet tagħha stess. Huwa tal-fehma li ż-żjieda fl-interess kummerċjali fl-enerġija rinnovabbli madwar l-UE tirrifletti l-interess tan-nies f'dan il-qasam. Billi s-sitwazzjoni tikkoinċidi mal-politika komuni ta' l-enerġija l-ġdida mwaqqfa fl-abbozz tat-Trattat ta' Lisbona, hi tista' tkun l-opportunità strateġika sabiex il-politika komuni tiġi aċċettata u żviluppata.

    2.   Introduzzjoni: ir-raġunijiet wara politika Ewropea ta' l-enerġija

    2.1   Sitwazzjoni ġeostrateġika diffiċli

    2.1.1

    L-Aġenzija Internazzjonali ta' l-Enerġija qed tbassar żjieda ta' 55 % fid-domanda globali għall-enerġija sa l-2030.

    2.1.2

    L-Unjoni Ewropea hija dipendenti ħafna f'dak li għandu x'jaqsam mal-karburanti fossili solidi, il-prodotti tal-pitrolju u l-gass naturali u din id-dipendenza hija mistennija tiżdied fis-snin li ġejjin. Billi l-UE tiddependi bi 80 % mill-karburanti fossili, l-importazzjoni ta' l-enerġija hija mistennija tiżdied minn 50 % għal 70 % sa l-2030.

    2.1.3

    Mill-2050 'il quddiem, ir-riżorsi taż-żejt li nafu bihom huma mistennija jonqsu, waqt li riżorsi oħrajn li bħalissa ma humiex qed jiġu sfruttati ser ikunu jistgħu jiġu sfruttati b'mod ekonomiku fil-ġejjieni minħabba d-domanda li qed tiżdied u l-progress tekniku.

    2.1.4

    It-transizzjoni għal tipi oħra ta' enerġija hija inevitabbli iżda ser tkun diffiċli. Però d-dinja diġà esperjenzat bidliet simili darb'oħra, b'mod partikulari fis-seklu 19 meta l-karburanti fossili mill-bijomassa (l-iktar l-injam) ġew sostitwiti bil-faħam u wara biż-żejt. Madankollu, għad m'għandniex il-mezzi biex nisfruttaw l-enerġija rinnovabbli b'mod li jista' jinħoloq ċaqliq komparabbli ma' dak li ġie esperjenzat fis-seklu 19.

    2.1.5

    Id-diffikultajiet ġejjin minn għadd ta' fatturi: id-densità ta' l-enerġija, id-daqs ta' l-art meħtieġa sabiex jiġu prodotti l-bijokarburanti (minflok attivitajiet oħrajn, l-iktar agrikoli), in-natura intermittenti u ftit li xejn prevedibbli ta' l-elementi li joħolqu l-enerġija (ir-riħ, l-enerġija mix-xemx, il-marej) li jirrikjedi ppjanar bir-reqqa għal kapaċitajiet ta' ħżin, u d-distribuzzjoni ġeografika ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Fir-rigward ta' l-enerġija nukleari, anke li kieku kellha titniehed politika ambizzjuża ħafna sabiex jitranġaw l-impjanti ta' l-enerġija l-qodma u jinbnew oħrajn ġodda, l-industrija nukleari globali xorta ma tkunx tista' tlaħħaq mad-domanda.

    2.1.6

    L-Ewropa hija kkaratterizzata minn dipendenza kbira mill-enerġija. Attwalment timporta 50 % ta' l-enerġija li jkollha bżonn u din id-dipendenza hija mistennija tilħaq is-70 % sa l-2030. B'hekk l-Ewropa tkun 90 % dipendenti fejn jidħol iż-żejt u 70 % dipendenti fejn jidħol il-gass.

    2.1.7

    F'Marzu 2006, il-Kunsill Ewropew ħareġ rapport inkwetanti, fejn ġie enfasizzat dan li ġej:

    is-sitwazzjoni diffiċli fis-swieq tal-gass u taż-żejt,

    id-dipendenza dejjem tikber ta' l-Unjoni Ewropea,

    iż-żieda u l-intabbiltà fil-prezzijiet ta' l-enerġija, li reġgħu żdiedu minn meta ħareġ ir-rapport 'il hawn,

    iż-żieda fid-domanda globali għall-enerġija,

    ir-riskji għas-sigurtà tal-provvista,

    it-theddid marbut mal-bidla fil-klima,

    il-progress bil-mod fl-effiċjenza enerġetika u fl-użu ta' l-enerġija rinnovabbli,

    il-ħtieġa li tiżdied it-trasparenza fis-swieq ta' l-enerġija u li tinkiseb l-integrazzjoni u l-interkonnessjoni tas-swieq nazzjonali ta' l-enerġija fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni tas-suq ta' l-enerġija,

    il-koordinazzjoni limitata bejn l-azzjonijiet fil-qasam ta' l-enerġija għalkemm jenħtieġu investimenti kbar fl-infrastrutturi ta' l-enerġija.

    Dawn il-fatti ta' tħassib kbir nebbħu l-proposti stipulati fil-pakkett il-ġdid ta' l-enerġija li sa ċertu punt huwa risposta għall-isfidi li għandhom jiġu ffaċċjati.

    2.1.8

    Il-mexxejja Ewropej għalhekk għandhom jiffaċċjaw problema doppja: minn naħa waħda, it-tnaqqis tar-riżorsi primarji tradizzjonali, u min-naħa l-oħra s-sitwazzjoni ġeografika problematika ta' dawn ir-riżorsi, li ħafna minnhom jinsabu f'pajjiżi mhux stabbli mil-lat politiku li jistgħu jużaw ir-riżorsi tagħhom biex jitfgħu pressjoni fuq il-pajjiżi dipendenti minnhom, kif diġà ġara.

    2.2   L-Unjoni Ewropea hija qafas xieraq?

    2.2.1

    Kull Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea huwa konċernat, iżda huwa ċar li azzjoni individwali fframmentata hija ta' żvantaġġ fil-konfront tal-produtturi li s-soltu jkunu organizzati.

    2.2.2

    Għalhekk huwa fl-interess ta' l-Istati Membri li jaġixxu flimkien u jużaw l-Unjoni Ewropea bħala lieva li biha joħolqu qafas għal politika komuni ta' l-enerġija, li l-pedament u l-objettiv tagħha jkunu l-ġestjoni aħjar tal-konsum u d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista.

    2.2.3

    L-Unjoni Ewropea għandha kemm id-dimensjoni xierqa kif ukoll l-istrumenti istituzzjonali. Hija kapaċi tiżviluppa politiki transnazzjonali, tikkoordina l-politiki nazzjonali, trawwem iktar koeżjoni Ewropea fir-rigward ta' l-enerġija, u fl-aħħar nett tiżviluppa politika ta' l-enerġija fir-rigward il-pajjiżi terzi.

    2.2.4

    Fl-aħħar nett, ejjew inżidu li wara r-rifjut ta' l-Abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, u b'konformità mat-Trattat ta' Lisbona, politika Ewropea ta' l-enerġija tista', fl-istess ħin, tkun fattur li jgħaqqad u tipprovdi evidenza ta' l-utilità prattika ta' l-Unjoni Ewropea.

    2.3   Qafas legali li għandu jevolvi

    2.3.1

    Attwalment l-Unjoni Ewropea m'għandhiex kompetenzi fil-qasam ta' l-enerġija. Il-ħolqien ta' kompetenza bħal din hija waħda mill-innovazzjonijiet ewlenin ta' l-abbozz tat-Trattat ta' Lisbona.

    2.3.2

    Huwa minnu li meta l-Komunità Ekonomika Ewropea ġiet stabbilita, l-Euratom u l-KEFA ttrattaw ħafna mill-kwistjonijiet dwar l-enerġija li kien hemm dak iż-żmien.

    2.3.3

    Allura dan ifisser li l-Unjoni Ewropea astjeniet minn kwalunkwe azzjoni fil-qasam ta' l-enerġija?

    2.3.4

    Dażgur li le: fuq il-bażi l-Artikolu 308 tat-Trattat KE żviluppat politika ġenwina ta' l-enerġija, waqt li fuq il-bażi ta' l-Artikolu 154 tat-Trattat KE żviluppat politika fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej ta' l-enerġija (ara d-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE). Fl-aħħar nett, ir-regoli tas-suq intern u tal-kompetezzjoni ġew applikati fis-suq ta' l-enerġija (Direttiva 2003/55/KE dwar il-ftuħ tas-suq tal-gass, Direttiva 2003/54/KE dwar l-elettriku, Direttiva 90/377/KEE emendata mid-Direttiva 93/87/KEE dwar it-trasparenza tal-prezzijiet tal-gass u l-elettriku). L-ewwel effetti ta' dan il-ftuħ tas-swieq u t-tmiem tal-monopolji pubbliċi xi kultant wasslu għal tħassib dwar il-prezzijiet ta' l-enerġija, iżda fil-fatt, iż-żjidiet fil-prezzijiet li ġew innotati l-ewwel nett kienu r-riżultat tad-domanda globali li qed tiżdied għal riżorsi limitati u li xi kultant qed jonqsu wkoll.

    2.3.5

    Għandhom jiżdiedu ma' dan id-dokumenti tal-Kummissjoni rilevanti li strettament ma humiex proposti leġislattivi iżda “liġijiet mhux vinkolanti” (soft law): il-Green Paper dwar Strateġija Ewropea għas-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija (28 ta' Novembru 2000), il-Komunikazzjoni dwar Lejn strateġija Ewropea għas-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija (26 ta' Ġunju 2002), il-Green Paper dwar L-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija jew li jsir aktar b'inqas (22 ta' Ġunju 2005), il-Pjan ta' azzjoni għall-perijodu 2007-2012 (19 ta' Ottubru 2006) u l-Komunikazzjoni dwar il-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta' l-Enerġija u l-Enerġija Rinnovabbli (6 ta' Ottubru 2006).

    2.3.6

    Għalhekk, l-Unjoni Ewropea eżaminat bir-reqqa l-kwistjonijiet relatati ma' l-enerġija iżda l-azzjoni tagħha hija msejsa fuq bażi legali daqsxejn inċerta, jiġifieri l-Artikolu 308 KE, il-“klawsola dwar il-flessibilità”, li tiddikjara li “Jekk ikun jidher meħtieġ li l-Komunità tieħu azzjoni biex jintlaħaq xi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, fit-tħaddim tas-suq komuni, u jekk dan it-Trattat ma jkunx ipprovda għal xi setgħa t'azzjoni hekk meħtieġa għal dan il-għan, il-Kunsill, b'vot unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, għandu jieħu l-passi xierqa”. Indirizzat din il-kwistjoni wkoll b'mod mhux dirett, permezz ta' l-użu tar-regoli dwar is-suq intern, il-kompetizzjoni u l-ambjent. Il-proċess, għall-inqas fl-apparenza, kien iktar tekniku u legali milli politiku.

    2.3.7

    Dan huwa preċiżament għalfejn, fid-dawl ta' l-importanza ewlenija ta' l-enerġija fil-ħajja ta' kuljum ta' l-Ewropej u fl-attività ekonomika u l-istabbiltà tad-dinja, l-abbozz tat-Trattat ta' Lisbona jinkludi l-Artikolu 176 dwar l-enerġija, li jiddefinixxi l-objettivi ta' l-Unjoni fil-qasam ta' l-enerġija “b'kont meħud tal-ħtieġa ta' preservazzjoni u titjib ta' l-ambjent” u “fi spirtu ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri”.

    2.3.8

    Kif inhu ddikjarat fit-trattat futur, il-politika Ewropea ta' l-enerġija ser timmira li:

    tiżgura t-tħaddim tas-suq ta' l-enerġija,

    tiżgura s-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija,

    tippromovi l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u l-iffrankar ta' l-enerġija u l-iżvilupp ta' forom ġodda u rinnovabbli ta' enerġija,

    tippromovi l-interkonnessjoni tan-netwerks ta' l-enerġija.

    2.3.9

    Din il-politika ser taqa' taħt kompetenza maqsuma fejn normalment tintuża l-maġġoranza kwalifikata, minbarra l-kwistjonijiet fiskali li ser ikomplu jesiġu l-unanimità. Madankollu, it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 176 A(2) jistipola li “d-dritt ta' Stat membru li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi ta' enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn riżorsi differenti ta' enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta' enerġija tiegħu” ma jintlaqatx mill-miżuri li jittieħdu sabiex jintlaħqu l-objettivi identifikati fl-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu ġdid.

    2.3.10

    Għaldaqstant, l-Unjoni Ewropea ser ikollha l-kompetenza, li hija l-ewwwel strument meħtieġ sabiex tittieħed azzjoni iktar b'saħħitha u konkreta. Dan l-istrument ser ikun biżżejjed jew għandna nieħdu azzjoni istituzzjonali ulterjuri? Iżda qabel ma nfasslu l-istrument, għandna noħolqu politiki li jistgħu jevolvu taħt l-influwenza magħquda tal-limitazzjonijiet esterni u ta' l-iżvilupp tas-servizzi u tat-teknoloġija.

    3.   Liema politiki?

    3.1

    S'issa l-politiki Ewropej ta' l-enerġija kienu suġġetti għall-esiġenzi ekonomiċi u/jew l-esiġenzi ta' l-iżvilupp sostenibbli: ix-xewqa li jiġi liberalizzat is-suq ta' l-enerġija permezz tad-direttivi u l-politika dwar l-industriji tan-netwerks, il-politika favur l-appoġġ ta' l-effiċjenza enerġetika, il-politika favur il-promozzjoni u l-iżvilupp ta' l-enerġija rinnovabbli, il-ġlieda kontra l-emissjonijiet ta' CO2, eċċ.

    3.2

    Peress li l-Unjoni Ewropea s'issa ma għandhiex kompetenzi fil-qasam ta' l-enerġija, hi indirizzat il-kwistjoni b'mod pjuttost indirett, billi użat ir-regoli dwar is-suq intern, il-kompetizzjoni u l-ambjent. L-azzjoni tagħha kienet, għallinqas fl-apparenza, iktar teknika u legali milli politika.

    3.3

    Dan ma waqqafhiex milli tkun attiva ħafna fit-twaqqif ta' leġislazzjoni u l-istipular ta' linji gwida għas-settur ta' l-enerġija. Fil-fatt, reċentement (fid-19 ta' Settembru 2007), l-Unjoni ħarġet għadd ta' proposti leġislattivi li jemendaw it-testi attwali (emenda għar-Regolament dwar kondizzjonijiet ta' aċċess għan-netwerk għal skambji transkonfinali ta' l-elettriku, ir-Regolament li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koordinazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija, emenda għar-Regolament dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għal netwerks tat-trasport ta' gass naturali, emenda għad-direttivi dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass u l-elettriku).

    3.4

    Jekk it-Trattat ta' Lisbona jiġi ratifikat kif inhu, l-Unjoni ser tkun tista' tittratta dan il-qasam ta' politika ewlieni b'iktar ċarezza u b'mod aktar dirett. Madankollu, il-kompetenza legali waħedha ma teliminax id-diffikultajiet politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha. Huwa fatt magħruf li hemm disparità konsiderevoli bejn l-għażliet ta' politika nazzjonali, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-enerġija nukleari. Minn mindu sar is-summit Ewropew informali f'Hampton Court, il-Kunsill Ewropew identifika l-pedamenti għal politika Ewropea ġenwina ta' l-enerġija, li tingħata forma konkreta fil-pakkett ta' l-enerġija l-ġdid li ġie preparat mid-DĠ Enerġija u d-DĠ Ambjent.

    3.5

    Kif rajna, l-Unjoni Ewropea l-ewwel riedet tuża mekkaniżmi tas-suq, bil-għan li tistabbilixxi suq kompetittiv li suppost kellu jkun iktar effiċjenti, u b'hekk toħloq suq interkonness bis-saħħa tan-netwerks trans-Ewropej ta' l-enerġija.

    3.6

    Xtaqet ukoll tippromovi l-effiċjenza enerġetika, b'mod partikulari fl-iktar setturi li jużaw enerġija: it-tisħin u l-arja kkondizzjonata fil-bini, l-industriji tal-manifattura u l-mezzi tat-trasport.

    3.7

    L-objettiv ambizzjuż tal-pjan ta' azzjoni għall-perijodu 2007-2012 (Ottubru 2006) huwa li jiġi ffrankat 20 % tal-konsum annwali ta' l-enerġija sa l-2020, jiġifieri ffrankar ta' madwar 1.5 % ta' intensità enerġetika kull sena sa l-2020.

    3.8

    L-Unjoni Ewropea għamlet ukoll enfasi kbira fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati l-enerġiji rinnovabbli. L-objettiv tagħha f'dan ir-rigward huwa ambizzjuż ħafna wkoll: 20 % tal-konsum totali ta' l-enerġija sa l-2020, u għandu jiġi stipulat objettiv minimu obbligatorju ta' 10 % għall-bijokarburanti (Road Map għall-Enerġija Rinnovabbli ta' l-10 ta' Jannar 2007).

    3.9

    Madankollu, dawn is-sorsi s'issa kellhom ħafna żvantaġġi meta mqabbla mal-karburanti fossili: inqas densità enerġetika, l-użu ta' l-art (per eżempju “photovoltaic fields”), in-natura intermittenti tal-produzzjoni, u naturalment l-ispiża tat-teknoloġiji kkonċernati. Għalhekk, għalkemm l-iżvantaġġi relattivi tal-prezz qed jonqsu bil-mod, il-bidla lejn dawn it-teknoloġiji aktarx tkun gradwali u ddum sakemm ma jingħatax appoġġ politiku u finanzjarju iktar sinifikanti, u li s-sorsi ta' enerġija ġodda kollha jesiġu studji ta' l-impatt serji — ara l-OECD Observer, Diċembru 2006, Nru 258/259: 21st century energy: Some sobering thoughts (L-Enerġija fis-seklu 21: Xi ħsibijiet li jġagħluna nirriflettu) ta' Vaclav Smil.

    3.10

    Fil-każ ta' l-enerġija għat-trasport, il-Kummissjoni ffokat fuq il-promozzjoni tal-bijokarburanti u fuq iċ-ċelloli tal-karburant u l-idroġenu. Madankollu, l-iskala ta' l-espansjoni prevista għall-bijokarburanti qiegħda toħloq xi ftit problemi. Fil-fatt, iċ-ċelloli tal-karburant jikkonvertu l-enerġija b'mod effiċjenti ħafna u jistgħu jnaqqsu b'mod sinifikanti l-emissjoni ta' gassijiet b'effett ta' serra u ta' sustanzi li jniġġsu. Però dawn it-teknoloġiji aktarx ma jkunx vijabbli kummerċjalment fil-futur qarib.

    3.11

    Għaldaqstant, b'konformità mas-Seba' Programm Qafas għar-riċerka u inizjattiva teknika konġunta sabiex jiġu stabbiliti sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat, il-Kummissjoni pproponiet Regolament li jwaqqaf Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (COM(2007 571 finali). L-għan ta' din il-proposta huwa li tniedi programm ta' attivitajiet marbuta mar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni fil-qasam taċ-ċelloli tal-karburant u l-idroġenu.

    3.12

    Sabiex is-suq tal-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu jkun jista' jiżviluppa, il-Kummissjoni pproponiet ukoll Regolament dwar l-approvazzjoni ta' dan it-tip ta' vetturi (COM(2007) 593 final) sabiex ikun żgurat li l-istandards ma jvarjawx minn Stat Membru għal ieħor, li jista' biss ixekkel it-tixrid ta' din it-teknoloġija.

    4.   Dawn il-linji gwida huma neċessarji, iżda huma biżżejjed?

    4.1

    Id-domanda għal karburanti fossili ser tibqa' b'saħħitha u kritika. Konsegwentement, id-diskussjoni ma tistax tinjora dan il-fatt inevitabbli u għandna nibqgħu realisti fir-rigward ta' l-enerġija rinnovabbli.

    4.2

    F'dan ir-rigward, l-Istati Membri ta' l-UE għandhom jimplimentaw politika waħda flimkien fir-rigward tal-pajjiżi li jipproduċu karburanti fossili “fi spirtu ta' solidarjetà” li jinsab fit-Trattat ta' Lisbona. Politika dwar ix-xiri tista' tkun utli ħafna iżda tiffoka l-iktar fuq kumpaniji multinazzjonali fis-settur taż-żejt.

    4.3

    Is-suq taż-żejt huwa organizzat b'mod uffiċjali mill-OPEC. Taħt dawn il-kondizzjonijiet, is-27 Stat Membru għandu jkollhom iktar piż bħala grupp milli jekk joperaw b'mod individwali, b'mod partikulari billi huma fost l-iktar żviluppati mill-pajjiżi industrijalizzati u għalhekk huma l-konsumaturi ewlenin ta' l-enerġija. Wieħed għandu jżomm f'moħħu li l-UE tirrappreżenta suq integrat ta' kważi nofs biljun konsumatur.

    4.4

    Grupp xerrej bħal dan għandu jkollu influwenza politika qawwija fil-konfront ta' kartell ta' produtturi taż-żejt; is-sitwazzjoni tal-gass hija differenti peress li m'hemmx krietel fl-industrija tal-gass.

    4.5

    Id-diversifikazzjoni hija obbligatorja għas-sigurtà tal-provvista. F'dan ir-rigward, ir-relazzjonijiet mar-Russja, pajjiż Ewropew kbir, huma importanti daqs dawk ma' l-OPEC. B'mod simili, għandha tingħata attenzjoni għall-istabbiliment ta' politika dwar il-provvista mar-repubbliki Kawkasi u ta' l-Asja Ċentrali.

    4.6

    Fil-każ tal-karburanti fossili, l-isforzi għandhom jiġu mmirati lejn l-istabbiliment ta' setturi alternattivi, b'mod partikulari bbażati fuq il-faħam. Ir-riċerka dwar il-“faħam nadif” qed tagħmel progress konsiderevoli, u jeħtieġ li titħaffef iktar jekk ma rridux li l-espansjoni l-ġdida tal-faħam twassal sabiex it-tisħin globali jiħrax. Għandu jiġi żviluppat pjan ewlieni Ewropew tar-Riċerka u l-Iżvilupp f'dan il-qasam, b'mod partikulari peress li l-Ewropa għad għandha riżervi kbar tal-faħam u dan ir-riżors huwa irħas sew miż-żejt fis-suq dinji. Il-metodi ta' tħaffir għall-faħam jibqgħu kwistjoni sensittiva ħafna; il-kondizzjonijiet diffiċli u xi kultant perikolużi fil-minjieri huma magħrufa sew. Il-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol f'dan is-settur għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati b'attenzjoni partikulari.

    4.7

    It-tajers użati jistgħu jintużaw ukoll bħala riżors rinnovabbli bil-kondizzjoni li l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-kombustjoni jinqabdu b'mod effiċjenti. L-impjanti ta' l-elettriku li jieħdu l-enerġija mit-tajers ilhom jaħdmu f'numru ta' pajjiżi għal dawn l-aħħar għexieren ta' snin.

    4.8

    Qed isir progress fir-rigward tat-teknoloġija għall-ħażna tas-CO2 iżda din għadha tqum ħafna flus, hija diffiċli, u tinvolvi riskji ta' “leakage”, per eżempju fil-każ ta' fissuri fil-blat jew terremoti, u tat-tniġġis tas-saff ta' taħt l-art ta' l-ilma. Xi opinjonijiet tal-KESE li qed jitħejjew bħalissa ser jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet fid-dettall.

    4.9

    Barra mill-karburanti fossili, hemm riżors lokali li huwa disponibbli ħafna — jekk mhux wisq: jiġifieri l-iskart. Biljuni ta' tunnellati jiġu prodotti fl-UE. Ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid ta' materjali ta' l-iskart is-soltu jitqiesu bħala l-aħjar użu ta' l-iskart billi jnaqqsu d-domanda għal materja prima ta' kull tip u jevitaw il-produzzjoni ta' gassijiet b'effett ta' serra assoċjata ma' ħafna mit-tipi ta' rimi ta' l-iskart. Iżda fejn dan ma huwiex possibbli, naturalment għandu jiġi kkunsidrat l-użu ta' l-iskart bħala sors ta' enerġija. Ir-riċerka u l-iżvilupp għandhom jitħeġġu f'dan il-qasam ukoll sabiex titjieb l-effiċjenza enerġetika waqt li l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u emissjonijiet oħra li jniġġsu jitnaqqsu kemm jista' jkun.

    4.10

    Il-leġislazzjoni u l-każistika għandhom jiġu żviluppati dwar dan il-punt, peress li l-irkupru ta' l-enerġija mill-iskart ma huwiex rikonoxxut fih innifsu. Il-proposta riveduta għal direttiva qafas dwar l-iskart, li qed tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew, hija sinjal inkoraġġanti.

    4.11

    Fl-aħħar nett, huwa inevitabbli li l-kwistjoni ta' l-enerġija nukleari ser tiġi kkunsidrata. Ser ikun diffiċli li nilħqu l-mira ta' tnaqqis ta' 20 % fl-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra sa l-2020 mingħajr ma nikkunsidraw it-tnedija mill-ġdid tal-programmi ta' impjanti għall-enerġija nukleari tal-ġenerazzjoni l-ġdida fl-Istati Membri li ddeċidew li jużaw din l-enerġija. L-oħrajn għandhom itejbu l-politiki tagħhom ta' l-enerġiji rinnovabbli.

    4.12

    Naturalment, aħna konxji ta' l-isfidi ta' sikurezza, sigurtà u ġestjoni ta' l-iskart marbuta ma' l-iżvilupp ta' din l-industrija. Iżda nistgħu ngħaddu mingħajrha?

    4.13

    L-għażla ta' sorsi ta' enerġija toħloq il-polemiki, iżda mhux daqs kemm joħloq polemiki d-dibattu bejn dawk favur u dawk kontra l-enerġija nukleari. Fil-fatt hemm qasma nukleari reali fl-Ewropa li tindika li jkun ħafna aħjar li l-għażla ta' dan is-sors ta' enerġija titħalla f'idejn l-Istati Membri.

    4.14

    Il-Euratom hija għodda effettiva għall-Ewropa. Din l-għodda għandha tintuża sabiex jinżamm il-vantaġġ tekniku li għandha l-Ewropa, sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tagħha, sabiex tnaqqas id-dipendenza tagħha mill-enerġija u sabiex issaħħaħ l-isforzi u l-kooperazzjoni internazzjonali għas-sikurezza, is-sigurtà u n-non-proliferazzjoni. Jistgħu jitqiesu wkoll linji gwida ġodda għall-Euratom.

    4.15

    Waħda mill-isfidi ewlenin hija r-riċerka dwar il-fużjoni. Is-Seba' Programm Qafas għar-riċerka ta' l-Euratom għandu baġit ta' EUR 2.75 biljun, li minnhom kważi żewġ terzi huma allokati għar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni. Din il-prijorità għandha titħeġġeġ u tinżamm għaliex jekk din it-teknoloġija tista' tiġi kkontrollata tajjeb, tista' tikkontribwixxi ħafna sabiex tiffaċilita l-ġestjoni ta' l-iskart billi tnaqqaslu konsiderevolment it-tul ta' ħajtu. It-tnedija ta' l-ITER madwar l-UE hija inkoraġġanti.

    4.16

    Rigward il-propulsjoni ta' vetturi, l-UE għandha tindaga dwar vetturi ibridi, l-enerġija mix-xemx, iċ-ċelloli tal-karburant u l-propulsjoni ta' l-arja kompressa. Ir-riċerka u l-iżvilupp qed jimxu “l quddiem f'dan il-qasam ukoll, u inġenier Franċiż żviluppa vettura ekonomika ħafna li tista” tilħaq veloċità ta' 150 kilometru fis-siegħa permezz tal-propulsjoni bl-arja kkompressata, u l-produzzjoni hija mistennija tibda fix-xhur li ġejjin. Il-kumpanija magħrufa Indjana, Tata, xtrat id-drittijiet għall-Indja.

    4.17

    F'dan il-kuntest, il-KESE jtenni wkoll ir-rakkomandazzjonijiet li għamel qabel dwar ir-riżorsi ta' l-enerġija ta' l-Unjoni Ewropea, li wittew it-triq u servew ta' appoġġ għall-punti li saru f'din l-opinjoni.

    5.   Liema strumenti?

    5.1

    L-identifikazzjoni u s-selezzjoni ta' politiki huma elementi ewlenin, iżda l-istrumenti politiċi u legali sabiex dawn jiġu implimentati għadhom meħtieġa wkoll. F'dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona, jekk ikun ratifikat, ser ikunu suffiċjenti jew għandna nimxu lil hinn minnhom?

    5.2

    Ċertament il-fatt li ġiet dikjarata l-ħtieġa ta' spirtu ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri fis-settur ta' l-enerġija huwa ħaġa tajba ħafna, u l-identifikazzjoni ta' erba' fergħat ta' din il-politika hija innovazzjoni li tista' biss tintlaqa' tajjeb, anke jekk il-fergħat fihom innifishom ma humiex innovattivi ħafna.

    5.3

    Iżda ma nistgħux ma nħossux li s-serjetà ta' l-isfidi globali fil-qasam ta' l-enerġija jixirqilha iktar.

    5.4

    It-Trattat ta' Lisbona kien kawt wisq, anke jekk politika komuni ta' l-enerġija appoġġjata minn qafas istituzzjonali speċifiku simili għall-KEFA u l-Euratom għad ma hijiex possibbli llum?

    5.5

    Fit-tellieqa dinjija għall-enerġija, il-kompetituri huma ta' daqs kontinentali. Il-qafas Komunitarju jagħti aktar piż, iżda l-ħolqien ta' awtorità speċifika responsabbli għad-“diplomazija” enerġetika, il-politika dwar ix-xiri, u t-tfassil u l-iffinanzjar ta' programmi qafas tar-riċerka u l-iżvilupp, aktarx ipoġġi lill-Ewropa bħala parteċipant ewlieni fil-logħba globali ta' l-enerġija, ħaġa impossibbli għall-Istati Membri individwalment.

    5.6

    Il-qagħda attwali hija karatterizzata minn approċċi nazzjonali differenti ħafna minn xulxin, bla dubju minħabba l-fatt li wara l-ewwel kriżi taż-żejt fl-1973, kulħadd ried jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija tiegħu stess. Hemm ħafna eżempji ta' sforzi mhux koordinati u approċċi differenti.

    5.7

    Sabiex tiġi evitata kwalunkwe diżarmonija li tista' ttellef l-influwenza ta' l-Ewropa, hija meħtieġa politika Ewropea ta' l-enerġija komprensiva, li tkun integrata mill-qrib mal-politika dwar il-bidla fil-klima fejn l-Ewropa qed tagħmel sforz biex tafferma l-pożizzjoni tagħha fuq quddiem fin-negozjati internazzjonali. Din għandha tibda bil-koordinazzjoni b'saħħitha bejn korpi internazzjonali bħad-WTO, in-NU, in-NATO u l-OECD, malli jitressqu l-kwistjonijiet dwar l-enerġija għad-diskussjoni. Għandha ssir flimkien mal-koordinazzjoni tal-politiki ta' l-enerġija u b'mod partikulari l-introduzzjoni ta' politika b'saħħitha dwar ix-xiri, u politika dwar l-interkonnessjoni tan-netwerks li hija impenjata bis-sħiħ, minflok ma tkun empirika biss. Fl-aħħar nett, meta jkun xieraq, din il-politika ta' koordinazzjoni, konsultazzjoni u proġetti komuni tista' tkun ibbażata fuq istituzzjonijiet speċifiċi sabiex l-Ewropa jkollha l-għajnuna biex tirreaġixxi għall-isfida ta' l-enerġija. Ser ikollna l-kuraġġ nagħmlu dan?

    Brussell, it-23 ta' April 2008

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    APPENDIĊI

    ta' l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Din l-emenda, li rċeviet inqas minn kwart tal-voti, ġiet rifjutata matul id-dibattitu:

    Punt 4.11

    Biddel kif ġej:

    Fl-aħħar nett, huwa inevitabbli li l-kwistjoni ta' l-enerġija nukleari ser tiġi kkunsidrata. L-Istati Membri għandhom jindirizzaw din il-kwistjoni fil-livell nazzjonali. Ma nistgħux nittamaw li nilħqu l-mira ta' tnaqqis ta' 20 % fl-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra sa l-2020 mingħajr ma nikkunsidraw it-tnedija mill-ġdid tal-programmi ta' impjanti għall-enerġija nukleari tal-ġenerazzjoni l-ġdida.

    Raġuni

    Il-Ġermanja, li bħalissa għandha 10 impjanti ta' l-enerġija nukleari attivi, ippubblikat programm fejn tbassar tnaqqis ta' kważi 40 % fl-emissjoni ta' gassijiet b'effett ta' serra u fl-istess ħin tabbanduna l-enerġija nukleari sa l-2020. Ir-rapporteur (u l-KESE), qed jiddubita mis-serjetà ta' dan il-programm?

    Riżultat tal-vot

    Voti favur: 46 Voti kontra: 103 Astensjonijiet: 27


    Top