Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1034

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1034 tat-22 ta’ Mejju 2023 dwar is-sottomissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposta għal emenda tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi fil-kuntest tal-erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet

ST/8784/2023/INIT

ĠU L 139, 26.5.2023, p. 47–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1034/oj

26.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/47


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1034

tat-22 ta’ Mejju 2023

dwar is-sottomissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposta għal emenda tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi fil-kuntest tal-erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (1) (il-“Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE (2) u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1983.

(2)

Skont l-Artikolu XI tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni (il-“Konferenza tal-Partijiet”) tista’ tadotta emendi tal-Appendiċijiet I u II tal-Konvenzjoni.

(3)

Il-Konferenza tal-Partijiet, waqt l-erbatax-il laqgħa tagħha, mit-23 sat-28 ta’ Ottubru 2023, tista’ tadotta tali emendi. Is-Segretarjat tal-Konvenzjoni informa lill-Partijiet għall-Konvenzjoni li kwalunkwe proposta għal emenda għandha tiġi kkomunikata, b’konformità mal-Artikolu XI(3) tal-Konvenzjoni, sas-26 ta’ Mejju 2023. L-Unjoni tista’, bħala Parti għall-Konvenzjoni, tressaq tali proposti.

(4)

L-inklużjoni tad-denfil iswed tal-Baltiku Ċentrali, il-Phocoena phocoena (il-populazzjoni tal-Baltiku Ċentrali biss), fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni se tkun xjentifikament soda minħabba l-istatus ta’ konservazzjoni tagħha fil-Periklu Kritiku, u f’konformità ma’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni u mal-impenn tal-Unjoni għall-kooperazzjoni internazzjonali biex tiġi protetta l-bijodiversità.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tressaq tali proposta biex temenda l-Appendiċi I tal-Konvenzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkomunika l-proposta lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Fil-kuntest tal-erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi, l-Unjoni għandha tressaq proposta għal emenda tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni biex tinkludi d-denfil iswed tal-Baltiku Ċentrali, il-Phocoena phocoena (il-populazzjoni tal-Baltiku Ċentrali biss).

2.   Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, għandha tikkomunika il-proposta msemmija fil-paragrafu 1, lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

E. BUSCH


(1)   ĠU L 210, 19.7.1982, p. 11.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1982 li tirrigwarda l-konklużjoni, tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċje migratorji tal-annimali selvaġġi (ĠU L 210, 19.7.1982, p. 10).


Top