EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0271

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/271 tat-30 ta’ Jannar 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, rigward l-emendar tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informatika) u tal-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE (NIS) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

ST/16140/2022/INIT

ĠU L 39, 9.2.2023, p. 41–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/271/oj

9.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 39/41


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/271

tat-30 ta’ Jannar 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, rigward l-emendar tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informatika) u tal-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE (NIS)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżwali u soċjetà tal-informatika) u l-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE.

(3)

Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(4)

Sabiex il-Ftehim ŻEE jiffunzjona tajjeb, il-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi estiż biex jinkludi l-Grupp ta’ Kooperazzjoni stabbilit bid-Direttiva (UE) 2016/1148.

(5)

Għalhekk, l-Anness XI u l-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(6)

Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emendar propost tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżwali u soċjetà tal-informatika) u tal-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. KULLGREN


(1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(3)  Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …

ta’ …

li temenda l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informatika) u l-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (1) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/151 tat-30 ta’ Jannar 2018 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ speċifikazzjoni ulterjuri tal-elementi li għandhom iqisu l-fornituri tas-servizzi diġitali għall-ġestjoni tar-riskji għas-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni u tal-parametri għad-determinazzjoni dwar jekk inċident għandux impatt sostanzjali (2) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(3)

Sabiex il-Ftehim ŻEE jiffunzjona tajjeb, il-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi estiż biex jinkludi l-Grupp ta’ Kooperazzjoni stabbilit bid-Direttiva (UE) 2016/1148.

(4)

Għalhekk, l-Anness XI u l-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 5cp (ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE:

“5cpa.

32016 L 1148: Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).

Il-modalitajiet ta’ assoċjazzjoni tal-Istati tal-EFTA skont l-Artikolu 101 tal-Ftehim:

L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-Bord Amministrattiv u fi ħdanu għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-Istati Membri tal-UE, ħlief id-dritt għall-vot.

5cpaa.

32018 R 0151: Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/151 tat-30 ta’ Jannar 2018 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ speċifikazzjoni ulterjuri tal-elementi li għandhom iqisu l-fornituri tas-servizzi diġitali għall-ġestjoni tar-riskji għas-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni u tal-parametri għad-determinazzjoni dwar jekk inċident għandux impatt sostanzjali (ĠU L 26, 31.1.2018, p. 48).”

Artikolu 2

Il-punt li ġej jinżdied fil-Protokoll 37 tal-Ftehim taż-ŻEE:

“43.

Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni (Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni).”

Artikolu 3

It-testi tad-Direttiva (UE) 2016/1148 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/151 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li ser jiġu ppubblikati fis-Suppliment dwar iż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […], bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji

tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)  ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.

(2)  ĠU L 26, 31.1.2018, p. 48.

(*1)  [L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.] [Rekwiżiti kostituzzjonali indikati.]


Top