Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0788

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/788 tas-16 ta’ Mejju 2022 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    C/2022/3297

    ĠU L 141, 20.5.2022, p. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/788/oj

    20.5.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 141/7


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/788

    tas-16 ta’ Mejju 2022

    dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, jenħtieġ li l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella ppreżentata fl-Anness jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), bis-saħħa tar-raġunijiet ippreżentati fil-kolonna (3) ta’dik it-tabella.

    (4)

    Huwa xieraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa fir-rigward tal-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jenħtieġ li dak il-perjodu jkun ta’ tliet xhur.

    (5)

    Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma tax opinjoni fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-President tiegħu,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif ippreżentata fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

    Artikolu 2

    L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li mhijiex konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Mejju 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Gerassimos THOMAS

    Direttur Ġenerali

    Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


    (1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


    ANNESS

    Deskrizzjoni

    Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Banju bid-doċċa, fil-forma ta’ trej ċatt, magħmul min taħlita ta’ minerali u plastik u b’kisja esterna bajda tal-plastik. Il-prodott huwa kompost skont il-piż minn dawn li ġejjin:

    65 % karbonat tal-kalċju;

    28 % reżina tal-poliester;

    5 % diossidu tas-siliċju;

    2 % “gel-coat” tal-poliester (superfiċe esterna).

    Il-komponenti minerali (karbonat tal-kalċju u diossidu tas-siliċju) huma magħmulin minn laqx tal-irħam, kwarz jew granit imfarrak fin.

    Il-proċess tal-produzzjoni jinvolvi l-ewwel it-taħlit tal-komponent minerali mal-materjal tal-plastik (reżina ta’ poliester). Dik it-taħlita tiġi mferra’ f’forma, li hi miksija b’“gel-coat” tal-poliester, u r-reżina tal-poliester fl-aħħar tiġi kkurata.

    Ara l-istampa  (*1)

    3922 10 00

    Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1, 3(b) u 6 għal-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-kliem tal-kodiċijiet NM 3922 u 3922 10 00 .

    Sakemm il-kisi tal-plastik ikopri s-superfiċe utli tal-prodott, il-prodott mhuwiex imitazzjoni tal-ġebla naturali. Għalhekk ma jistax jiġi ikkonsidrat bħala oġġett tal-ġebel artifiċjali tat-titlu 6810 (ara ukoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għat-titlu 6810 , it-tielet paragrafu).

    Il-materjal tal-plastik huwa l-komponent l-aktar importanti f’termini tal-użu tal-prodott. Huwa jagħti t-trej tad-doċċa reżistenza għat-tensjoni, reżistenza kimika u impermeabbilità għal-ilma u b’hekk il-karattru essenzjali tiegħu. Il-minerali li jinsabu fih iservu għall-mili.

    Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi ikklassifikat taħt il-kodiċi NM 3922 10 00 bħala banju bid-doċċa magħmul mill-plastik.

    Image 1


    (*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni.


    Top