EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1204

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1204 tas-16 ta’ Ġunju 2022 li tistabbilixxi l-Infrastruttura tar-Riċerka dwar ir-Riżorsi Mikrobiċi — il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka (MIRRI-ERIC) (notifikata bid-dokument C(2022) 3894) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (it-testi bl-Olandiż, bil-Franċiż, bil-Latvjan, bil-Portugiż u bl-Ispanjol biss huma awtentiċi)

C/2022/3894

ĠU L 186, 13.7.2022, p. 14–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1204/oj

13.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 186/14


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1204

tas-16 ta’ Ġunju 2022

li tistabbilixxi l-Infrastruttura tar-Riċerka dwar ir-Riżorsi Mikrobiċi — il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka (MIRRI-ERIC)

(notifikata bid-dokument C(2022) 3894)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(it-testi bl-Olandiż, bil-Franċiż, bil-Latvjan, bil-Portugiż u bl-Ispanjol biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Belġju, Spanja, Franza, il-Latvja u l-Portugall ippreżentaw applikazzjoni lill-Kummissjoni biex tiġi stabbilita l-Infrastruttura tar-Riċerka dwar ir-Riżorsi Mikrobiċi – il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka (MIRRI-ERIC) (“l-applikazzjoni”).

(2)

L-applikanti qablu li l-Portugall ikun l-Istat Membru ospitanti tal-MIRRI-ERIC.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 723/2009 ġie inkorporat fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 (2).

(4)

Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament. Matul il-valutazzjoni, il-Kummissjoni kisbet il-fehmiet ta’ esperti indipendenti fil-qasam tal-Infrastruttura tar-Riċerka dwar ir-Riżorsi Mikrobiċi.

(5)

Il-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Infrastruttura tar-Riċerka dwar ir-Riżorsi Mikrobiċi – il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka (MIRRI-ERIC) hija b’dan stabbilita.

2.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti tal-MIRRI-ERIC huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika tal-Latvja u lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kummissjoni

Mariya GABRIEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 tal-20 ta’ Marzu 2015 li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet (ĠU L 129, 19.5.2016, p. 85).


ANNESS

ELEMENTI ESSENZJALI TAL-ISTATUTI TAL-MIRRI-ERIC

L-Artikoli u l-paragrafi li ġejjin tal-Istatuti tal-MIRRI-ERIC jipprevedu l-elementi essenzjali f’konformità mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009.

1.   Isem l-ERIC

(l-Artikolu 1 tal-Istatuti tal-MIRRI-ERIC)

L-isem tal-Infrastruttura tar-Riċerka għandu jkun l-Infrastruttura tar-Riċerka dwar ir-Riżorsi Mikrobiċi – il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka (MIRRI-ERIC), minn hawn ’il quddiem “MIRRI-ERIC”.

2.   Is-sede statutorja

(l-Artikolu 2 tal-Istatuti tal-MIRRI-ERIC)

Is-sede statutorja tal-MIRRI-ERIC għandha tkun fil-belt ta’ Braga fit-territorju tar-Repubblika Portugiża, minn hawn ’il quddiem “il-Membru li jospita s-sede statutorja”.

3.   Il-kompiti u l-attivitajiet tal-MIRRI-ERIC

(l-Artikolu 3 tal-Istatuti tal-MIRRI-ERIC)

1.

Il-missjoni tal-MIRRI-ERIC hija li taqdi lill-utenti tal-Bijoxjenza u tal-Bijoindustrija billi tiffaċilita l-aċċess għal firxa wiesgħa ta’ bijoriżorsi u data ta’ kwalità għolja b’mod konformi legalment. Billi toffri aċċess għall-għarfien espert uman u tipprovdi pjattaforma kollaborattiva għas-sostenibbiltà fit-tul tal-bijodiversità mikrobika, il-MIRRI-ERIC se żżid l-għarfien u tippromwovi l-iżvilupp professjonali.

2.

Il-kompitu prinċipali tal-MIRRI-ERIC għandu jkun li tistabbilixxi, topera u tiżviluppa infrastruttura pan-Ewropea tar-riċerka distribwita, magħmula minn Ċentri ta’ Riżorsi Bijoloġiċi tal-qasam Mikrobiku (mBRCs) biex jiġi żgurat l-aċċess għal riżorsi ta’ kwalità għolja u għas-servizzi relatati, kif ukoll għal faċilitajiet mill-aktar avvanzati.

3.

Il-MIRRI-ERIC għandu jkollha personalità ġuridika mid-data meta tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxiha bħala ERIC. F’kull Stat Membru, din għandu jkollha l-aktar kapaċità ġuridika estensiva f’konformità mar-Regolament tal-UE u mad-dritt nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. Din tista’, b’mod partikolari, takkwista, tippossedi jew tiddisponi minn proprjetà mobbli, immobbli u intellettwali, tikkonkludi kuntratti u tkun parti fi proċedimenti legali.

4.

Il-MIRRI-ERIC għandha twettaq il-kompitu prinċipali tagħha fuq bażi mhux ekonomika. Il-MIRRI-ERIC tista’ twettaq attivitajiet ekonomiċi limitati, dment li dawn ikunu relatati mill-qrib mal-kompitu prinċipali tagħha u li ma jxekklux it-twettiq tiegħu. Kwalunkwe introjtu ġġenerat minn dawn l-attivitajiet ekonomiċi limitati għandu jintuża mill-MIRRI-ERIC biex tappoġġa l-missjoni tagħha.

5.

Il-MIRRI-ERIC għandha twettaq l-attivitajiet li ġejjin:

a.

tippromwovi aċċess protett legalment u konformi mar-regolamenti għal riżorsi mikrobiċi awtentiċi u għad-data assoċjata fl-mBRCs biex tinżamm provvista komprensiva ta’ materjal bijoloġiku għall-komunità tar-riċerka;

b.

tibni l-Ambjent ta’ Xogħol Kollaborattiv (CWE) u s-Sistema ta’ Informazzjoni MIRRI (MIRRI-IS) bl-għan li tipprovdi punt ta’ aċċess uniku għar-riżorsi mikrobiċi u għad-data assoċjata, għal servizzi mikrobiċi mill-aktar avvanzati, inkluż is-servizzi diġitali, u pjattaformi esperti u tekniċi;

c.

tiżgura l-komplementarjetà tal-mBRCs kif ukoll l-interoperabbiltà tal-offerti tad-data tagħhom għall-funzjonament tal-MIRRI-IS;

d.

tistabbilixxi u timplimenta l-ġestjoni tal-kwalità, inkluż proċeduri standardizzati, l-aħjar prattiki u l-għodod xierqa biex ittejjeb il-kwalità tar-riżorsi, id-data assoċjata u s-servizzi mwettqa;

e.

tistabbilixxi relazzjonijiet ma’ Infrastrutturi Ewropej oħra tar-Riċerka u ma’ organizzazzjonijiet rilevanti biex iżżid il-karatterizzazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi miżmuma fil-MIRRI-ERIC u biex ittejjeb il-kwantità u l-kwalità tal-informazzjoni assoċjata mal-Infrastruttura tar-Riċerka;

f.

twettaq servizzi ta’ tqabbil u akkomunament tar-riċerka għall-istituzzjonijiet pubbliċi u privati u tniedi attivitajiet konġunti;

g.

tipprovdi aċċess estern lill-utenti għall-materjal, għall-għarfien espert u għall-faċilitajiet xjentifiċi tas-Sħab tal-MIRRI-ERIC li se jiġu kkoordinati biex jippermettu lir-riċerkaturi jwettqu riċerka interna dwar ir-riżorsi ġenetiċi mikrobiċi;

h.

tipprovdi edukazzjoni u taħriġ lill-persunal, lill-istudenti u lill-utenti tal-mBRCs fil-qasam tal-mikrobijoloġija, bħat-tassonomija, it-tekniki ta’ identifikazzjoni u presevazzjoni u fil-bijoteknoloġija, bħall-bijoprospettar, l-isfruttament, l-ottimizzazzjoni tar-razza u l-fermentazzjoni;

i.

twettaq kwalunkwe azzjoni relatata oħra meħtieġa biex tikseb il-missjoni tagħha.

6.

L-attivitajiet tal-MIRRI-ERIC għandu jkollhom ambitu pan-Ewropew u jrawmu l-eċċellenza fir-riċerka xjentifika u l-bijoindustrija fil-qasam mikrobiku fl-Ewropa u jlaħħqu kontinwament mat-talbiet tal-komunitajiet akkademiċi u industrijali. Għalhekk, il-MIRRI-ERIC għandha tikkontribwixxi għal żieda fl-użu u t-tixrid tal-għarfien, kif ukoll għall-ottimizzazzjoni tar-riżultati tal-attivitajiet tar-riċerka bbażati fuq l-mBRC fl-Ewropa u madwar id-dinja.

7.

L-attivitajiet tal-MIRRI-ERIC għandhom ikunu ggwidati mit-trasparenza, ir-risponsività, is-sensibilizzazzjoni etika, il-konformità legali, il-ftuħ, it-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni.

4.   Tul ta’ żmien

(l-Artikolu 4 tal-Istatuti tal-MIRRI-ERIC)

Il-MIRRI-ERIC hija stabbilita għal perjodu ta’ żmien indefinit. Tista’ tiġi stralċjata f’konformità mal-Artikolu 5 tal-Istatuti.

5.   Stralċ

(l-Artikolu 5 tal-Istatuti tal-MIRRI-ERIC)

1.

L-istralċ tal-MIRRI-ERIC għandu jsegwi deċiżjoni mill-Assemblea tal-Membri f’konformità mal-Artikolu 17(8)(c) tal-Istatuti u f’konformità mal-Liġi Applikabbli kif definit fl-Artikolu 36 tal-Istatuti.

2.

Mingħajr dewmien bla bżonn u fi kwalunkwe każ, fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni biex tiġi stralċjata l-MIRRI-ERIC, il-MIRRI-ERIC għandha tinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deċiżjoni.

3.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 tal-Istatuti, kwalunkwe assi u obbligazzjonijiet li jkun fadal wara li jsir il-ħlas tad-djun tal-MIRRI-ERIC, għandhom jitqassmu fost il-Membri b’mod proporzjonat skont il-kontribuzzjoni attwali tagħhom għall-MIRRI-ERIC fil-ħin tax-xoljiment.

4.

Mingħajr dewmien bla bżonn, u fi kwalunkwe każ, fi żmien għaxart ijiem mill-għeluq tal-proċedura ta’ stralċ, il-MIRRI-ERIC għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan.

5.

Il-MIRRI-ERIC għandha tieqaf teżisti fil-jum meta l-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-avviż xieraq f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

6.   Responsabbiltà tal-Membri u l-Osservaturi

(l-Artikolu 6 tal-Istatuti tal-MIRRI-ERIC)

1.

Il-MIRRI-ERIC għandha tkun responsabbli għad-djun tagħha.

2.

Il-Membri u l-Osservaturi mhumiex responsabbli b’mod konġunt għad-djun tal-MIRRI-ERIC. Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Membri u l-Osservaturi għad-djun tal-MIRRI-ERIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjoni rispettiva tagħhom lill-MIRRI-ERIC kif speċifikat fl-Artikolu 25 tal-Istatuti.

3.

Il-MIRRI-ERIC għandu jkollha assigurazzjoni xierqa li tkopri r-riskji speċifiċi għat-twaqqif u l-operat tal-MIRRI-ERIC.

7.   Politika tal-aċċess

(l-Artikolu 7 tal-Istatuti tal-MIRRI-ERIC)

1.

Il-MIRRI-ERIC għandha tagħmel il-materjal bijoloġiku mikrobiku, id-data assoċjata fil-bażijiet tad-data, l-għarfien u s-servizzi affiljati mas-Sħab tal-MIRRI-ERIC jew żviluppati minnhom disponibbli għar-riċerkaturi, għall-istituzzjonijiet tal-bijoindustrija u għall-Aġenziji deċentralizzati tal-UE bħall-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel jew iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Il-MIRRI-ERIC għandha tiżgura li l-kundizzjonijiet għall-użu tal-materjal bijoloġiku mikrobiku stabbilit mill-fornituri tal-materjal u mill-fornituri tad-data li jaffiljaw il-bażijiet tad-data tagħhom mal-MIRRI-ERIC jiġu rispettati.

2.

L-ebda dispożizzjoni f’dawn l-Istatuti ma għandha tinftiehem li qed tirrestrinġi d-dritt tas-Sħab tal-MIRRI-ERIC li jiddeċiedu dwar l-għoti ta’ aċċess għal kwalunkwe kampjun u data.

3.

Il-materjal mikrobiku għandu jitqassam biss lill-individwi bona fide li joperaw f’ambjent professjonali adattat għall-immaniġġjar ta’ materjal ħaj tal-grupp ta’ periklu bijoloġiku involut. Fejn xieraq, se jiġu promossi miżuri msaħħa ta’ bijosigurtà.

4.

It-talbiet minn individwi u/jew proġetti biex jaċċessaw l-installazzjonijiet xjentifiċi tas-Sħab tal-MIRRI-ERIC għandhom jiġu evalwati. Il-proċedura tal-evalwazzjoni u l-kriterji użati se jiġu stabbiliti fir-Regoli dwar l-Operat li għandhom jiġu adottati mill-Assemblea tal-Membri f’konformità mal-Artikolu 17(7)(c) u (e) tal-Istatuti. Fi kwalunkwe każ, il-proċess tal-evalwazzjoni għandu jqis il-mertu xjentifiku u għandu jkun trasparenti, ġust u imparzjali.

5.

L-aċċess se jiġi mmonitorjat, u l-livell ta’ sodisfazzjon tal-utenti se jitkejjel permezz ta’ mekkaniżmu ta’ rispons bħala parti minn sistema ta’ garanzija tal-kwalità, sabiex l-aċċess jibqa’ jitjieb b’mod kontinwu.

6.

Il-Politika tal-Aċċess se tiġi stabbilita fir-Regoli dwar l-Operat li għandhom jiġu adottati mill-Assemblea tal-Membri f’konformità mal-Artikolu 17(7)(c) u (e) tal-Istatuti.

8.   Politika tal-Evalwazzjoni Xjentifika

(l-Artikolu 8 tal-Istatuti tal-MIRRI-ERIC)

1.

Kull ħames snin, għandha ssir evalwazzjoni xjentifika tal-attivitajiet, is-servizzi u l-pjattaformi tal-MIRRI-ERIC. L-evalwazzjoni għandha ssir minn bord ta’ evalwaturi esterni internazzjonali u indipendenti tal-ogħla kwalità. Dan il-bord se jipproduċi u jippreżenta r-rapport tal-evalwazzjoni lill-Assemblea tal-Membri.

2.

Il-Politika tal-Evalwazzjoni Xjentifika se tiġi stabbilita fir-Regoli dwar l-Operat li għandhom jiġu adottati mill-Assemblea tal-Membri f’konformità mal-Artikolu 17(7)(c) u (e) tal-Istatuti.

9.   Politika dwar it-Tixrid

(l-Artikolu 9 tal-Istatuti tal-MIRRI-ERIC)

1.

Il-MIRRI-ERIC għandha tippromwovi l-attivitajiet tagħha u l-użu tagħha fir-riċerka, fi proġetti innovattivi u fl-edukazzjoni għolja.

2.

Il-Politika dwar it-Tixrid għandha tiddeskrivi d-diversi gruppi fil-mira, u l-MIRRI-ERIC għandha tuża diversi mezzi biex tilħaq lill-gruppi fil-mira, bħas-sit web, il-portal tal-Ambjent ta’ Xogħol Kollaborattiv, sessjonijiet ta’ ħidma u taħriġ, il-preżenza f’konferenzi u l-media soċjali.

3.

Il-Politika dwar it-Tixrid se tiġi stabbilita fir-Regoli dwar l-Operat li għandhom jiġu adottati mill-Assemblea tal-Membri f’konformità mal-Artikolu 17(7)(c) u (e) tal-Istatuti.

10.   Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali

(l-Artikolu 10 tal-Istatuti tal-MIRRI-ERIC)

1.

F’dawn l-Istatuti xejn ma għandu jinqara b’tali mod li jibdel l-ambitu u l-applikazzjoni tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Ftehimiet dwar il-Kondiviżjoni tal-Benefiċċji, kif stabbilit skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-ftehimiet internazzjonali rilevanti tal-Membri.

2.

L-iskambju u l-integrazzjoni tal-Proprjetà Intellettwali bejn il-Membri, l-entitajiet rappreżentattivi u s-Sħab tagħhom permezz ta’ dispożizzjoni kuntrattwali rilevanti għandhom ikunu soġġetti għar-Regoli dwar l-Operat li għandhom jiġu adottati mill-Assemblea tal-Membri f’konformità mal-Artikolu 17(7)(c) u (e) tal-Istatuti.

3.

Id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali tad-data, ir-riżultati u għarfien ieħor prodott u żviluppat bl-attivitajiet tal-MIRRI-ERIC għandhom ikunu jappartjenu għall-entità/ajiet li jkunu ġġenerawhom.

4.

Id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali ġġenerati mill-utenti permezz tal-aċċess għar-riżorsi jew għall-installazzjonijiet xjentifiċi tal-MIRRI-ERIC għandhom jiġu nnegozjati, bil-għan li jsir użu ġust kemm mill-utent bħala MIRRI-ERIC kif ukoll mis-Sieħeb ikkonċernat, filwaqt li jitqies il-kontribut rispettiv tagħhom.

5.

Il-MIRRI-ERIC għandha tipprovdi gwida lir-riċerkaturi biex jiġi żgurat li r-riċerka mwettqa bil-materjal u bid-data magħmula aċċessibbli permezz tal-MIRRI-ERIC tkun saret fi ħdan qafas li jirrikonoxxi d-drittijiet tas-sidien tad-data u l-privatezza tal-individwi.

11.   Politika tal-Impjiegi

(l-Artikolu 11 tal-Istatuti tal-MIRRI-ERIC)

1.

Il-MIRRI-ERIC hija impenjata favur l-ugwaljanza tal-opportunitajiet u ma għandha tiddiskrimina kontra l-ebda persuna abbażi ta’ razza, oriġini etnika, ġeneru, twemmin, diżabbiltà, orjentazzjoni sesswali jew kwalunkwe raġuni oħra.

2.

Il-proċeduri tal-għażla tal-applikanti għall-pożizzjonijiet bħala persunal tal-MIRRI-ERIC għandhom ikunu trasparenti u nondiskriminatorji u se jirrispettaw l-opportunitajiet indaqs.

3.

Il-kuntratti tal-impjieg għandhom isegwu l-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż li fih ikun impjegat il-persunal u li fih normalment iwettaq l-attivitajiet tiegħu.

4.

Il-Politika tal-Impjiegi għandha tiġi stabbilita fir-Regoli dwar l-Operat li għandhom jiġu adottati mill-Assemblea tal-Membri f’konformità mal-Artikolu 17(7)(c) u (e) tal-Istatuti.

12.   Politika tal-akkwist

(l-Artikolu 12 tal-Istatuti tal-MIRRI-ERIC)

1.

Il-MIRRI-ERIC għandha tittratta lill-kandidati tal-akkwisti u lill-offerenti b’mod ugwali u mingħajr diskriminazzjoni. Il-politika tal-akkwist tal-MIRRI-ERIC għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni u l-kompetizzjoni miftuħa.

2.

Il-politika tal-akkwist tal-MIRRI-ERIC għandha tiġi stabbilita fir-Regoli dwar l-Operat li għandhom jiġu adottati mill-Assemblea tal-Membri f’konformità mal-Artikolu 17(7)(c) u (e) tal-Istatuti.

Top