EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1362

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1362 tat-30 ta’ Settembru 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 rigward il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Acer japonicum Thunberg, tal-Acer palmatum Thunberg u tal-Acer shirasawanum Koidzumi, li joriġinaw minn New Zealand

C/2020/6583

ĠU L 317, 1.10.2020, p. 5–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1362/oj

1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 317/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1362

tat-30 ta’ Settembru 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 rigward il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Acer japonicum Thunberg, tal-Acer palmatum Thunberg u tal-Acer shirasawanum Koidzumi, li joriġinaw minn New Zealand

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 42(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskju, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2), stabbilixxa lista ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra b’riskju għoli.

(2)

F’konformità mar-Regolament (UE) 2016/2031, jekk, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju, jiġi konkluż li pjanta, prodott mill-pjanti jew oġġett ieħor li joriġinaw minn pajjiż terz, minn grupp ta’ pajjiżi terzi jew minn żona speċifika tal-pajjiż terz ikkonċernat fih riskju inaċċettabbli ta’ pesti, iżda li dak ir-riskju jista’ jitnaqqas għal livell aċċettabbli jekk jitwettqu ċerti miżuri, il-Kummissjoni trid tħassar dik il-pjanta, dak il-prodott mill-pjanti jew l-oġġett l-ieħor mil-lista stabbilita bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 u żżidhom mal-lista msemmija fl-Artikolu 41(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

(3)

Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 (3) jistabbilixxi l-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tħassru mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019.

(4)

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 jinkludi pjanti tal-ġeneru Acer L. bħala pjanti b’riskju għoli.

(5)

Fid-29 ta’ Awwissu 2019, New Zealand resqet talba biex tesporta lejn l-Unjoni pjanti għat-tħawwil ta’ bejn sena u tliet snin, bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq, imlaqqmin jew imlaqqmin b’għajn, tal-ispeċijiet Acer japonicum Thunberg, Acer palmatum Thunberg u Acer shirasawanum Koidzumi, (“il-pjanti speċifikati”). Dik it-talba kienet sostnuta bid-dossier tekniku rispettiv.

(6)

Fl-20 ta’ Mejju 2020, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ippubblikat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ komodità tal-pjanti tal-Acer spp. minn New Zealand (4). L-Awtorità identifikat il-pesti Eotetranychus sexmaculatus, Meloidogyne fallax, Oemona hirta u Platypus apicalis (“il-pesti speċifikati”) bħala rilevanti għall-pjanti speċifikati, evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji għal dawk il-pesti li hemm deskritti fid-dossier, u stmat il-probabbiltà ta’ ħelsien minn kull pest li hu rilevanti għal dik il-komodità.

(7)

Wara li nħarġet dik l-opinjoni, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1361 (5) [l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet huwa ġentilment mitlub idaħħal referenza definittiva għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 rigward ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Malus domestica li joriġinaw mis-Serbja u ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Acer li joriġinaw minn New Zealand] ħassar il-pjanti speċifikati mil-lista ta’ pjanti ta’ riskju għoli stabbilita bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019.

(8)

Barra minn hekk, u abbażi ta’ dik l-opinjoni, il-miżuri meħtieġa biex jiġi indirizzat ir-riskju tal-pesti speċifikati jistgħu jiġu adottati bħala rekwiżiti fitosanitarji għall-importazzjoni, biex tkun żgurata l-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni mill-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fl-Unjoni.

(9)

Fil-każ ta’ Oemona hirta u Platypus apicalis, il-miżuri deskritti minn New Zealand fid-dossier huma meqjusa biżżejjed biex inaqqsu r-riskju mill-introduzzjoni fl-Unjoni tal-pjanti speċifikati għal livell aċċettabbli. Għaldaqstant, il-miżuri għal dawk iż-żewġ pesti jenħtieġ li jkunu bbażati fuq dawk deskritti minn New Zealand fid-dossier.

(10)

Fil-każ tal-Meloidogyne fallax, il-miżuri deskritti minn New Zealand fid-dossier huma konsistenti mar-rekwiżiti eżistenti stabbiliti fil-punt 10 tal-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (6) għan-nematodi, dwar is-siġar u l-arbuxxelli maħsubin għat-tħawwil.

(11)

Fil-każ tal-Eotetranychus sexmaculatus, huwa meqjus li t-twettiq tal-miżuri li tipproponi New Zealand fid-dossier waħedhom ma jnaqqasx ir-riskju mill-introduzzjoni fl-Unjoni tal-pjanti speċifikati għal livell aċċettabbli, billi, skont l-opinjoni tal-Awtorità jibqa’ jkun hemm xi inċertezzi. Ir-riskju mill-introduzzjoni fl-Unjoni tal-pjanti speċifikati jista’ jitnaqqas għal livell aċċettabbli jekk jiġu indirizzati l-inċertezzi mhux identifikati billi jitwettqu miżuri addizzjonali rigward id-dikjarazzjonijiet uffiċjali u ċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti. Għalhekk, il-miżuri li applikat New Zealand fid-dossier dwar l-Eotetranychus sexmaculatus jenħtieġ li jiġu kkomplementati b’dawk il-miżuri li jindirizzaw l-inċertezzi.

(12)

L-Oemona hirta u l-Meloidogyne fallax huma elenkati bħala pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072. L-Eotetranychus sexmaculatus u l-Platypus apicalis għad ma ddaħħlux fil-lista tal-Unjoni tal-pesti ta’ kwarantina li tinstab fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, iżda għandhom mnejn jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiddaħħlu fil-lista wara li ssir valutazzjoni tar-riskju sħiħa oħra. Jekk jiġi stabbilit, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju sħiħa ta’ dawk il-pesti, li jissodisfaw dawk il-kundizzjonijiet, jiddaħħlu fil-lista li hemm fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, u l-pjanti rilevanti jiġu elenkati fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament, flimkien mal-miżuri rispettivi. Imbagħad jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/2072 jiġi rieżaminat skont il-każ.

(13)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 jiġi emendat skont dan.

(14)

Sabiex ikun hemm konformità mal-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri sanitarji u fitosanitarji (7), l-importazzjoni tal-pjanti speċifikati għandha tkompli fl-iqsar żmien possibbli. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara li jiġi ppubblikat.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Acer japonicum Thunberg, tal-Acer palmatum Thunberg u tal-Acer shirasawanum Koidzumi, li joriġinaw minn New Zealand

Artikolu 2

Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 tal-21 ta’ Awwissu 2020 dwar il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 275, 24.8.2020, p. 5).

(4)  Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti, 2020. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Acer spp. plants from New Zealand. EFSA Journal 2020; 18(5): 6105. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2020.6105

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1361 tat-30 ta’ Settembru 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 rigward ċerti pjanti tal-Malus domestica għat-tħawwil li joriġinaw mis-Serbja, u ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Acer japonicum Thunberg, tal-Acer palmatum Thunberg u tal-Acer shirasawanum Koidzumi, li joriġinaw minn New Zealand (ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

(7)  Il-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Applikazzjoni ta’ Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (il-Ftehim SPS), https://www.wto.org/english/tratop_e/sps_e/spsagr_e.htm


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

Pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra

Kodiċi NM

Pajjiżi terzi ta’ oriġini

Miżuri

“4.

Pjanti għat-tħawwil ta’ bejn sena u tliet snin bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq, imlaqqmin jew imlaqqmin b’għajn tal-Acer japonicum Thunberg tal-, Acer palmatum Thunberg u tal- Acer shirasawanum Koidzumi

ex 0602 90 41

ex 0602 90 45

ex 0602 90 46

ex 0602 90 48

ex 0602 90 50

New Zealand

(a)

Dikjarazzjoni uffiċjali li:

(i)

il-pjanti huma ħielsa mill- Eotetranychus sexmaculatus;

(ii)

tul ħajjithom il-pjanti tkabbru dejjem f’post tal-produzzjoni li, flimkien mas-siti tal-produzzjoni li jiffurmaw parti minnu, huwa rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-pajjiż tal-oriġini

(iii)

waqt spezzjonijiet uffiċjali li saru fiż-żminijiet ix-xierqa sa mill-bidu taċ-ċiklu sħiħ tal-produzzjoni, is-sit tal-produzzjoni nstab li hu ħieles mill-Eotetranychus sexmaculatus; f’każ ta’ suspett tal-preżenza tal-Eotetranychus sexmaculatus fis-sit tal-produzzjoni, twettqu trattamenti xierqa biex ikun żgurat li l-pest ma jkunx preżenti; ġiet stabbilita żona ta’ 100 m madwar is-sit, li hi soġġetta għal stħarriġ speċifiku fiż-żminijiet ix-xierqa biex jinstab il-pest Eotetranychus sexmaculatus, u fejn jinstab fuq xi pjanti, dawk il-pjanti nqalgħu u nqerdu minnufih;

(iv)

ġiet stabbilita sistema li qabel ma jiddaħħlu f’kull sit tal-produzzjoni l-għodod u l-makkinarju jkun żgurat li tnaddfu mill-ħamrija u minn biċċiet tal-pjanti u ġew iddiżinfettati biex jinħelsu mill-Eotetranychus sexmaculatus;

(v)

meta nħasdu l-pjanti tnaddfu u nqatugħlom il-partijiet iż-żejda u għaddew minn spezzjoni fitosanitarja li tikkonsisti mill-inqas minn eżami viżiv dettaljat, speċjalment taz-zkuk u tal-friegħi biex jiġi kkonfermat li ma hemmx Eotetranychus sexmaculatus fuqhom;

(vi)

eżatt qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti għaddew minn spezzjoni uffiċjali, b’mod partikolari taz-zkuk u l-friegħi, għall-preżenza tal-Eotetranychus sexmaculatus, u d-daqs tal-kampjun li ġie spezzjonat kien biżżejjed biex jippermetti s-sejbien ta’ mill-inqas 1 % ta’ infestazzjoni mill-pest, b’affidabbiltà ta’ 99 %;

(b)

Taħt l-intestatura ‘Dikjarazzjoni Addizzjonali’, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

(i)

id-dikjarazzjoni li ġejja: ‘Il-konsenja tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1362’;

(ii)

l-ispeċifikazzjoni tas-siti tal-produzzjoni rreġistrati.

5.

Pjanti għat-tħawwil ta’ bejn sena u tliet snin bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq, imlaqqmin jew imlaqqmin b’għajn, tal-Acer japonicum Thunberg tal-, Acer palmatum Thunberg u tal- Acer shirasawanum Koidzumi

ex 0602 90 41

ex 0602 90 45

ex 0602 90 46

ex 0602 90 48

ex 0602 90 50

New Zealand

(a)

Dikjarazzjoni uffiċjali li:

(i)

il-pjanti huma ħielsa mill-Oemona hirta u mill-Platypus apicalis;

(ii)

tul-ħajjithom, il-pjanti tkabbru f’post tal-produzzjoni li, flimkien mas-siti tal-produzzjoni li huma parti minnu, huwa rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-pajjiż tal-oriġini;

(iii)

waqt spezzjonijiet uffiċjali li saru fiż-żminijiet xierqa sa mill-bidu taċ-ċiklu sħiħ tal-produzzjoni, is-sit tal-produzzjoni nstab li hu ħieles mill-Oemona hirta u mill-Platypus apicalis; meta kien hemm suspett tal-preżenza tal-Oemona hirta jew tal-Platypus apicalis fis-sit tal-produzzjoni, twettqu trattamenti xierqa kontra l-pesti biex ikun żgurat li dawn m’humiex preżenti;

(iv)

meta nħasdu l-pjanti tnaddfu u għaddew minn spezzjoni uffiċjali biex ikun ikkonfermat li ma fihomx l-Oemona hirta u l-Platypus apicalis;

(v)

eżatt qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti għaddew minn spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tal-Oemona hirta u tal-Platypus apicalis, u d-daqs tal-kampjun li ġie spezzjonat kien biżżejjed biex jippermetti s-sejbien ta’ mill-inqas 1 % ta’ infestazzjoni mill-pesti, b’affidabbiltà ta’ 99 %;

(b)

taħt l-intestatura ‘Dikjarazzjoni Addizzjonali’, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

(i)

id-dikjarazzjoni li ġejja: ‘Il-konsenja tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjonital-Kummissjoni (UE) 2020/1362’;

(ii)

l-ispeċifikazzjoni tas-siti tal-produzzjoni rreġistrati.”


Top