Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020L0367

Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2020/367 tal-4 ta’ Marzu 2020 li temenda l-Anness III tad-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment ta’ metodi ta’ valutazzjoni għal effetti ta’ ħsara tal-ħsejjes ambjentali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/1212

ĠU L 67, 5.3.2020, pp. 132–136 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2020/367/oj

5.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/132


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/367

tal-4 ta’ Marzu 2020

li temenda l-Anness III tad-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment ta’ metodi ta’ valutazzjoni għal effetti ta’ ħsara tal-ħsejjes ambjentali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tagħha,

Billi:

(1)

L-Anness III tad-Direttiva 2002/49/KE jirreferi għal relazzjonijiet ta’ doża-effett li għandhom jiġu introdotti permezz ta’ adattamenti ta’ dak l-Anness għall-progress tekniku u xjentifiku.

(2)

Fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, l-informazzjoni ta’ kwalità għolja u statistikament sinifikanti li setgħet tintuża kienet dik tal-Linji Gwida dwar il-Ħsejjes Ambjentali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għar-Reġjun Ewropew (2), li jippreżentaw ir-relazzjonijiet ta’ doża-effett għal effetti ta’ ħsara kkawżati mill-espożizzjoni għall-ħsejjes ambjentali. Konsegwentement, jenħtieġ li r-relazzjonijiet ta’ doża-effett introdotti fl-Anness III tad-Direttiva 2002/49/KE ikunu bbażati fuq dawk il-linji gwida. B’mod partikolari fir-rigward tas-sinifikat statistiku, l-istudji tad-WHO kienu bbażati fuq popolazzjonijiet rappreżentattivi, u r-riżultati ta’ dawn il-metodi ta’ valutazzjoni huma konsegwentement ikkunsidrati rilevanti meta jiġu applikati għal popolazzjonijiet rappreżentattivi.

(3)

Lil hinn mir-relazzjonijiet ta’ doża-effett żviluppati fil-kuntest tad-WHO, studji oħra jistgħu juru daqsijiet differenti ta’ effetti fuq is-saħħa u effetti oħra fuq is-saħħa, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-effetti tal-ħsejjes fit-toroq, tal-ħsejjes mill-ferroviji u tal-ħsejjes mill-ajruplani f’sitwazzjonijiet lokali f’pajjiżi speċifiċi. Jistgħu jintużaw ir-relazzjonijiet alternattivi ta’ doża-effett stabbiliti hemmhekk sakemm dawn ikunu bbażati fuq studji ta’ kwalità għolja u statistikament sinifikanti.

(4)

Bħalissa, l-għarfien disponibbli dwar l-effetti negattivi tal-istorbju industrijali huwa limitat u għalhekk mhuwiex possibbli li jiġi propost metodu komuni għall-valutazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-ispeċifiċitajiet tal-pajjiż ma ġewx ivvalutati fl-istudji u għalhekk ma setgħux jiġu inklużi f’dan l-Anness. Bl-istess mod, filwaqt li nstabu rabtiet bejn il-ħsejjes ambjentali u l-effetti ta’ ħsara li ġejjin, bħalissa ma hemmx biżżejjed evidenza biex jiġi ddeterminat metodu komuni għall-valutazzjoni tal-effetti ta’ ħsara li ġejjin: puplesija, pressjoni għolja, dijabete u eżiti tas-saħħa metaboliċi oħra, indeboliment konjittiv fit-tfal, is-saħħa u l-benesseri mentali, indeboliment tas-smigħ, tinnitus, eżiti negattivi ta’ twelid. Fl-aħħar nett, filwaqt li ġiet stabbilita r-rabta bejn l-istorbju tal-ferroviji u l-istorbju mill-inġenji tal-ajru u l-marda tal-qalb iskemika (IHD), għal dawn iż-żewġ sorsi l-kwantifikazzjoni taż-żieda fir-riskju tal-IHD hija prematura.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2002/49/KE tiġi emendata skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/49/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2002/49/KE huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2021. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kummissjoni

Virginijus SINKEVIČIUS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12.

(2)  Environmental Noise Guidelines for the European Region, World Health Organisation 2018, ISBN 978 92 890 5356 3.


ANNESS

“ANNESS III

METODI TAL-ASSESSJAR GĦALL-EFFETTI TA’ ĦSARA

(Imsemmija fl-Artikolu 6(3))

1.   Sett ta’ effetti ta’ ħsara

Għall-finijiet tal-valutazzjoni ta’ effetti ta’ ħsara għandu jitqies dan li ġej:

il-mard tal-qalb iskemiku (IHD) li jikkorrispondi mal-kodiċijiet BA40 sa BA6Z tal-klassifikazzjoni internazzjonali ICD-11 stabbilita mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;

dwejjaq kbir (HA);

disturb kbir waqt l-irqad (HSD).

2.   Kalkolu tal-effetti ta’ ħsara

L-effetti ta’ ħsara għandhom jiġu kkalkulati permezz ta’ wieħed minn dawn li ġejjin:

ir-riskju relattiv (RR) ta’ effett ta’ ħsara ddefinit bħala

Image 1

ir-riskju assolut (AR) ta’ effett ta’ ħsara ddefinit bħala

Image 2

2.1.   IHD

Għall-kalkolu tal-RR, fir-rigward tal-effett ta’ ħsara tal-IHD u fir-rigward tar-rata ta’ inċidenza (i)„ għandhom jintużaw ir-relazzjonijiet ta’ doża-effett li ġejjin:

Image 3

għall-ħsejjes fit-toroq.

2.2.   HA

Għall-kalkolu tal-AR, fir-rigward tal-effett ta’ ħsara tal-HA, għandhom jintużaw ir-relazzjonijiet ta’ doża-effett li ġejjin:

Image 4

għall-ħsejjes fit-toroq;

Image 5

għall-ħsejjes mill-ferroviji:

Image 6

għall-ħsejjes mill-inġenji tal-ajru.

2.3.   HSD

Għall-kalkolu tal-AR, fir-rigward tal-effett ta’ ħsara tal-HSD għandhom jintużaw ir-relazzjonijiet ta’ doża-effett li ġejjin:

Image 7

għall-ħsejjes fit-toroq;

Image 8

għall-ħsejjes mill-ferroviji:

Image 9

għall-ħsejjes mill-inġenji tal-ajru.

3.   Valutazzjoni ta’ effetti ta’ ħsara

3.1.   L-espożizzjoni tal-popolazzjoni għandha tiġi vvalutata indipendentement għal kull sors ta’ ħsejjes u effett ta’ ħsara. Fejn l-istess persuni jiġu simultanjament esposti għal sorsi differenti ta’ ħsejjes, l-effetti ta’ ħsara ma jistgħux — b’mod ġenerali — jiġu akkumulati. Madankollu, dawk l-effetti jistgħu jitqabblu sabiex tiġi vvalutata l-importanza relattiva ta’ kull ħoss.

3.2.   Valutazzjoni għall-IHD

3.2.1.    Għall-IHD fil-każ ta’ ħsejjes mill-ferroviji u mill-inġenji tal-ajru, il-popolazzjoni esposta ’l fuq mil-livelli adegwati ta’ Lden hija stmata li hija soġġetta għal riskju akbar ta’ IHD, filwaqt li n-numru eżatt N ta’ każijiet tal-IHD ma jistax jiġi kkalkulat.

3.2.2.    Għall-IHD fil-każ ta’ ħsejjes fit-toroq, il-proporzjon ta’ każijiet tal-effett ta’ ħsara speċifiku fil-popolazzjoni esposta għal RR ikkalkulata li ġiet ikkawżata minn ħsejjes ambjentali jiġi dderivat, għas-sors ta’ ħsejjes x (toroq), effett ta ħsara y (IHD) u għall-inċidenza i bi:

Image 10

Fejn:

PAFx,y hija l-frazzjoni li tista’ tiġi attribwita lill-popolazzjoni,

is-sett ta’ baned ta’ ħsejjes j huwa magħmul minn baned singoli mifruxa fuq massimu ta’ 5 dB (eż.: 50-51 dB, 51-52 dB, 52-53 dB, eċċ. jew 50-54 dB, 55-59 dB, 60-64 dB, eċċ.),

pj huwa l-proporzjon tal-popolazzjoni totali P fiż-żona vvalutata li hija esposta għall-banda ta’ espożizzjoni j, li hija assoċjata ma’ RR speċifiku ta’ effett ta’ ħsara speċifiku RRj,x,y . L- RRj,x,y jiġi kkalkulat billi jiġu applikati l-formuli deskritti fil-punt 2 ta’ dan l-Anness, u jintuża l-valur ċentrali ta’ kull banda ta’ ħsejjes (eż.: skont id-disponibbiltà tad-data, f’50,5 dB għall-banda ta’ ħsejjes definita bejn 50–51 dB, jew 52 dB għall-banda ta’ ħsejjes 50–54 dB).

3.2.3.    Għall-IHD fil-każ ta’ ħsejjes fit-toroq, in-numru totali N tal-każijiet ta’ IHD (persuni affettwati mill-effett ta’ ħsara y; in-numru ta’ każijiet attribwibbli) minħabba s-sors x allura huwa:

Nx,y = PAFx,y,i * Iy * P (Formula 11)

għat-toroq.

Fejn:

PAFx,y,i huwa kkalkulat għall-inċidenza i,

Iy hija r-rata ta’ inċidenza tal-IHD fiż-żona li tkun qed tiġi vvalutata, li tista’ tinkiseb mill-istatistika dwar is-saħħa għar-reġjun jew għall-pajjiż fejn tinsab iż-żona li qed tiġi kkunsidrata,

P hija l-popolazzjoni totali taż-żona li qed tiġi vvalutata (is-somma tal-popolazzjoni fil-baned ta’ ħsejjes differenti).

3.3.    Fir-rigward tal- HA u tal-HSD fil-każ ta’ ħsejjes fit-toroq, ħsejjes mill-ferroviji, u ħsejjes mill-inġenji tal-ajru, in-numru totali N ta’ persuni affettwati mill-effett ta’ ħsara y (numru ta’ każijiet attribwibbli) dovut għas-sors x, għal kull kombinazzjoni tas-sorsi ta’ ħsejjes x (toroq, ferroviji jew inġenji tal-ajru) u għal kull effett ta’ ħsara y (HA, HSD), allura huwa:

Image 11

Fejn:

ARx,y huwa r-risku assolut (AR) tal-effett ta’ ħsara rilevanti (HA, HSD), u huwa kkalkulat billi jiġu applikati l-formuli stabbiliti fil-punt 2 ta’ dan l-Anness, u jintuża l-valur ċentrali ta’ kull banda ta’ ħsejjes (eż.: skont id-disponibbiltà tad-data, f’50,5 dB għall-banda ta’ ħsejjes definita bejn 50–51 dB, jew 52 dB għall-banda ta’ ħsejjes 50–54 dB),

nj huwa n-numru ta’ persuni esposti għall-banda ta’ espożizzjoni j.

4.   Reviżjonijiet futuri

Ir-relazzjonijiet ta’ doża-effett introdotti bir-reviżjonijiet futuri ta’ dan l-Anness għandhom jikkonċernaw b’mod partikolari:

ir-relazzjoni bejn dwejjaq u L den, għal ħsejjes industrijali,

ir-relazzjoni bejn id-disturb tal-irqad u Lnight għal ħsejjes industrijali.

Jekk meħtieġ, relazzjonijiet speċifiċi ta’ doża-effett għandhom ikunu preżentati għal:

abitazzjonijiet b’insulazzjoni speċjali kontra l-ħsejjes kif definiti fl-Anness VI,

abitazzjonijiet b’ faċċata kwieta kif definiti fl-Anness VI,

klimi differenti/kulturi differenti,

gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni,

it-tonalità tal-ħsejjes industrijali,

il-ħsejjes industrijali impulsivi u każijiet speċjali oħrajn.


Top