Escolha as funcionalidades experimentais que pretende experimentar

Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex

Documento 32020D1582

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1582 tat-23 ta’ Ottubru 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħat tal-Partijiet għall-Ftehim għall-prevenzjoni tas-sajd mhux regolat fl-ibħra miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali

    ĠU L 362, 30.10.2020, p. 20—22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Estatuto jurídico do documento Já não está em vigor, Data do termo de validade: 10/12/2023; Imħassar b' 32023D2916

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1582/oj

    30.10.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 362/20


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1582

    tat-23 ta’ Ottubru 2020

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħat tal-Partijiet għall-Ftehim għall-prevenzjoni tas-sajd mhux regolat fl-ibħra miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim għall-prevenzjoni tas-sajd mhux regolat fl-ibħra miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/407 (1). Il-Ftehim mistenni jidħol fis-seħħ iktar tard din is-sena.

    (2)

    Il-laqgħa tal-Partijiet hi responsabbli mill-adozzjoni ta’ miżuri mfassla biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-Ftehim sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-prevenzjoni tas-sajd mhux regolat fil-parti tal-ibħra miftuħa tal-Oċean Artiku Ċentrali permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri prekawzjonarji ta’ konservazzjoni u ġestjoni bħala parti minn strateġija fit-tul li tissalvagwardja l-ekosistemi marini b’saħħithom u tiżgura l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut. Tali miżuri jistgħu jsiru vinkolanti fuq l-Unjoni.

    (3)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u jkunu ġestiti b’tali mod li jkun konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u li għandha jkollha l-għan li tiżgura li l-isfruttar tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jippristina l-popolazzjonijiet ta’ speċijiet mistada u jżommhom ’il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tieħu miżuri ta’ ġestjoni u ta’ konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, tappoġġa l-iżvilupp ta’ għarfien u pariri xjentifiċi, gradwalment telimina l-iskartar u tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv, biex jiġu evitati u mnaqqsa, kemm jista’ jkun, il-qabdiet mhux mixtieqa, u għal sajd b’impatt baxx fuq l-ekosistema tal-baħar u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 speċifikament jipprevedi li dawk l-objettivi u l-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fit-tmexxija tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha.

    (4)

    Kif stipulat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2019 dwar l-Oċeani u l-Ibħra, inkluż l-Artiku, il-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni “Sistema integrata tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artiku”, u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2017 dwar “Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna”, l-appoġġ għall-Ftehim u l-ħolqien possibbli ta’ organizzazzjoni jew arranġament reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd fl-ibħra miftuħa tal-Artiku huma objettiv importanti għall-Unjoni sabiex tissalvagwardja l-ambjent tal-Artiku u tiżgura l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun tal-Artiku u madwaru abbażi tal-kooperazzjoni internazzjonali.

    (5)

    Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim għall-perijodu 2020-2024, peress li l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni taħt il-Ftehim se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni u kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (3) u (KE) Nru 1224/2009 (4), u r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    (6)

    Fid-dawl tal-għarfien limitat dwar ir-riżorsi tas-sajd fiż-Żona tal-Ftehim u tan-natura tagħhom, u tal-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, inklużi informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra ppreżentati qabel jew matul il-laqgħat tal-Partijiet, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri, f’konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jinsab stipulat fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għall-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni għall-perijodu 2020-2024.

    (7)

    Din id-Deċiżjoni tista’ tiġi segwita, fi stadju aktar tard, b’deċiżjoni oħra, separata, tal-Kunsill dwar il-ftuħ tan-negozjati biex jiġu stabbiliti, addizzjonalment, organizzazzjoni waħda jew aktar, jew arranġament wieħed jew aktar, li jkunu reġjonali jew subreġjonali, għall-ġestjoni tas-sajd fl-ibħra miftuħa tal-Artiku,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Partijiet għall-Ftehim għall-prevenzjoni tas-sajd mhux regolat fl-ibħra miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali (“il-Ftehim”) għandha tkun f’konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Partijiet għall-Ftehim (6).

    Artikolu 2

    Qabel kull laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim, meta dak il-korp jiġi msejjaħ biex jadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni tqis l-aħħar informazzjoni xjentifika u informazzjoni relevanti oħra trażmessi lill-Kummissjoni, f’konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

    Għal dak il-għan, u abbażi ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tittrażmetti lill-Kunsill, fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim, dokument li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għal diskussjoni u approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni.

    Jekk waqt laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ikun impossibbli li jintlaħaq qbil, inkluż fuq il-post, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-elementi l-ġodda.

    Artikolu 3

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, mhux aktar tard għal-laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim fl-2025.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta’ Ottubru 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. SCHULZE


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/407 tal-4 ta’ Marzu 2019 dwar il-Konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali (ĠU L 73, 15.3.2019, p. 1).

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad- 29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).

    (6)  Ara d-dokument ST 11439/20 hawnhekk: http://register.consilium.europa.eu.


    Início