This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019R1026
Commission Implementing Regulation (EU) 2019/1026 of 21 June 2019 on technical arrangements for developing, maintaining and employing electronic systems for the exchange of information and for the storage of such information under the Union Customs Code
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1026 tal-21 ta' Ġunju 2019 dwar l-arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta' sistemi elettroniċi għall-iskambju tal-informazzjoni, u għall-ħżin ta' din l-informazzjoni skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1026 tal-21 ta' Ġunju 2019 dwar l-arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta' sistemi elettroniċi għall-iskambju tal-informazzjoni, u għall-ħżin ta' din l-informazzjoni skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni
C/2019/4467
ĠU L 167, 24.6.2019, p. 3–17
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 28/03/2021; Imħassar b' 32021R0414
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repeal | 32017R2089 | 14/07/2019 |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repealed by | 32021R0414 | 29/03/2021 |
24.6.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 167/3 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1026
tal-21 ta' Ġunju 2019
dwar l-arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta' sistemi elettroniċi għall-iskambju tal-informazzjoni, u għall-ħżin ta' din l-informazzjoni skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 8(1)(b) u 17 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 (“il-Kodiċi”) jesiġi li l-iskambji kollha ta' informazzjoni bħal dikjarazzjonijiet, applikazzjonijiet jew deċiżjonijiet bejn l-awtoritajiet doganali u bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali, u l-ħażna ta' dik l-informazzjoni, kif meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni doganali, isiru billi jintużaw tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data. |
(2) |
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/578 (2) tistabbilixxi l-Programm ta' Ħidma għall-implimentazzjoni tas-sistemi elettroniċi meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Kodiċi, li jridu jiġu żviluppati permezz ta' proġetti li huma elenkati fil-Parti II tal-Anness ta' dik id-Deċiżjoni. |
(3) |
Jenħtieġ li jiġu speċifikati l-arranġamenti tekniċi importanti għall-funzjonament tas-sistemi elettroniċi, bħal arranġamenti għall-iżvilupp, għall-ittestjar u għall-utilizzazzjoni kif ukoll għall-manutenzjoni u għall-bidliet li jridu jiddaħħlu fis-sistemi elettroniċi. Jenħtieġ li jiġu speċifikati l-arranġamenti ulterjuri rigward il-protezzjoni tad-data, l-aġġornar tad-data, il-limitazzjoni tal-ipproċessar tad-data u s-sjieda u s-sigurtà tas-sistemi. |
(4) |
Sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-interessi tal-Unjoni, tal-Istati Membri u tal-operaturi ekonomiċi, huwa importanti li jiġu stabbiliti r-regoli proċedurali u li jiġu pprovduti soluzzjonijiet alternattivi li jridu jiġu implimentati fil-każ ta' ħsara temporanja fis-sistemi elettroniċi. |
(5) |
Is-sistema tad-Deċiżjonijiet Doganali, li ġiet żviluppata permezz tal-proġett tad-Deċiżjonijiet Doganali tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni msemmi fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/578, għandha l-għan li tarmonizza l-proċessi għall-applikazzjoni għal deċiżjoni doganali, għat-teħid tad-deċiżjonijiet u għall-ġestjoni tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni kollha billi jintużaw biss tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jirregolaw dik is-sistema elettronika. Jenħtieġ li l-ambitu tas-sistema jiġi stabbilit b'referenza għad-deċiżjonijiet doganali li trid issir applikazzjoni għalihom u li jridu jittieħdu u jiġu ġestiti b'dik is-sistema. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-komponenti komuni tas-sistema (il-portal tal-kummerċjanti tal-UE, is-sistema ċentrali ta' ġestjoni tad-deċiżjonijiet doganali u s-servizzi ta' referenza tal-klijenti) u għall-komponenti nazzjonali (il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti u s-sistema nazzjonali ta' ġestjoni tad-deċiżjonijiet doganali), billi jiġu speċifikati l-funzjonijiet tagħhom u l-interkonnessjonijiet tagħhom. |
(6) |
Barra minn hekk, iridu jiddaħħlu fis-seħħ regoli fir-rigward tad-data marbuta mal-awtorizzazzjonijiet li diġà jkunu maħżuna f'sistemi elettroniċi eżistenti, bħas-sistema tas-Servizz Regolari tat-Trasport Marittimu (RSS), u fis-sistemi nazzjonali u li trid issir il-migrazzjoni tagħhom għas-sistemi nazzjonali fis-Sistema tad-Deċiżjonijiet Doganali. |
(7) |
Is-sistema tal-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u tal-Firma Diġitali, li ġiet żviluppata permezz tal-proġett tal-Aċċess dirett mill-Kummerċjant għas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej (Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u Firma Diġitali) imsemmi fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/578, għandha l-għan li ġġestixxi l-proċess ta' awtentikazzjoni u ta' verifika tal-aċċess għall-operaturi ekonomiċi u għal utenti oħra. Hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar l-ambitu u l-karatteristiki tas-sistema billi jiġu ddefiniti l-komponenti differenti (il-komponenti komuni u dawk nazzjonali) tas-sistema, il-funzjonijiet tagħhom u l-interkonnessjonijiet tagħhom. Madankollu, il-funzjonalità tal-“Firma Diġitali” għadha mhijiex disponibbli bħala parti mis-sistema tal-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u tal-Firma Diġitali. Għalhekk, f'dan ir-Regolament, l-ebda regoli dettaljati ma jistgħu jiġu stabbiliti fir-rigward ta' dik il-funzjonalità. |
(8) |
Is-sistema Ewropea tal-Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (EBTI), kif imtejba permezz tal-proġett tal-KDU ta' Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (BTI) imsemmija fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/578, għandha l-għan li tallinja l-proċessi għall-applikazzjoni, it-teħid u l-ġestjoni ta' deċiżjonijiet BTI bir-rekwiżiti tal-Kodiċi billi jintużaw biss tekniki għall-ipproċessar elettroniku tad-data. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli li jirregolaw dik is-sistema. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-komponenti komuni tas-sistema (il-portal tal-kummerċjanti tal-UE, is-sistema ċentrali EBTI u l-monitoraġġ tal-użu BTI) u għall-komponenti nazzjonali (il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti u s-sistema BTI nazzjonali), billi jiġu speċifikati l-funzjonijiet u l-interkonnessjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, il-proġett għandu l-għan li jiffaċilita l-monitoraġġ tal-użu obbligatorju BTI u l-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-użu estiż BTI. |
(9) |
Is-sistema tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI), kif imtejba permezz tas-sistema tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi tal-KDU (EORI 2) imsemmija fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/578, għandha l-għan li ttejjeb is-sistema EORI trans-Ewropea eżistenti, li tippermetti r-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni u tal-operaturi ekonomiċi ta' pajjiżi terzi u ta' persuni oħra għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni. Għalhekk jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jirregolaw is-sistema billi jiġu speċifikati l-komponenti (is-sistema ċentrali EORI u s-sistemi nazzjonali EORI) u l-użu tas-sistema EORI. |
(10) |
Is-sistema ta' Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (AEO), kif aġġornata permess tal-proġett rilevanti tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat (AEO) tal-UCC imsemmi fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/578, għandha l-għan li ttejjeb il-proċessi tan-negozju relatati mal-applikazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet AEO u l-ġestjoni tagħhom. Is-sistema għandha wkoll l-għan li timplimenta l-formola elettronika li għandha tintuża għall-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet AEO, u li tipprovdi lill-operaturi ekonomiċi b'Interfaċċa Armonizzata tal-UE tgħall-Kummerċjanti (Aċċess Dirett e-AEO għall-Kummerċjant) li permezz tiegħu jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet AEO u jirċievu d-deċiżjonijiet AEO b'mod elettroniku. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-komponenti komuni tas-sistema. |
(11) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2089 (3) jistabbilixxi arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta' sistemi elettroniċi għall-iskambju tal-informazzjoni, u għall-ħżin ta' din l-informazzjoni skont il-Kodiċi. Dak ir-Regolament bħalissa jkopri d-Deċiżjonijiet Doganali u s-sistemi tal-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u tal-Firma Diġitali, li saru operazzjonali f'Ottubru 2017. Tliet sistemi oħra (EBTI, EORI u AEO) dalwaqt isiru operazzjonali u, għalhekk jenħtieġ li, arranġamenti tekniċi jiġu speċifikati għalihom ukoll. Minħabba l-għadd ta' bidliet fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2089 li jkunu meħtieġa, u għal raġunijiet ta' ċarezza, dak ir-Regolament jenħtieġ jitħassar u jiġi sostitwit. |
(12) |
Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Meta għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni jkun hemm bżonn li tiġi pproċessata d-data personali fis-sistemi elettroniċi, dik id-data trid tiġi pproċessata skont ir-Regolamenti (UE) 2016/679 (4) u (UE) 2018/1725 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Id-data personali tal-operaturi ekonomiċi u ta' persuni oħra pproċessata mis-sistemi elettroniċi hija ristretta għas-sett tad-data kif iddefinit fl-Anness A, it-Titolu I, il-Kapitolu 2, il-Grupp 3 — il-Partijiet u l-Anness A, it-Titolu I, il-Kapitolu 2, il-Grupp 3 — il-Partijiet u l-Anness 12-01 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (6). |
(13) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ta' Implimentazzjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu japplika għas-sistemi elettroniċi li ġejjin kif żviluppati jew aġġornati permezz tal-proġetti li ġejjin imsemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/578:
(a) |
is-Sistema tad-Deċiżjonijiet Doganali (CDS), kif żviluppata permezz tal-proġett tad-Deċiżjonijiet Doganali tal-KDU; |
(b) |
is-Sistema tal-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u tal-Firma Diġitali (UUM&DS), kif żviluppata permezz tal-proġett dwar l-Aċċess Dirett tal-Kummerċjanti għas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej (Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u tal-Firma Diġitali); |
(c) |
is-Sistema Ewropea tal-Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (EBTI), kif imtejba permezz tal-proġett tal-UCC ta' Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (BTI); |
(d) |
is-sistema tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI), kif imtejba f'konformità mar-rekwiżiti tal-Kodiċi permezz tal-proġett EORI2; |
(e) |
is-sistema ta' Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (AEO), kif imtejba f'konformità mar-rekwiżiti tal-Kodiċi permezz tal-proġett tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat (AEO); |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“komponent komuni” tfisser komponent tas-sistemi elettroniċi li ġie żviluppat fil-livell tal-Unjoni u li huwa disponibbli għall-Istati Membri kollha; |
(2) |
“komponent nazzjonali” tfisser komponent tas-sistemi elettroniċi li ġie żviluppat fil-livell nazzjonali u li huwa disponibbli fl-Istat Membru li ħolqu. |
Artikolu 3
Punti ta' kuntatt għas-sistemi elettroniċi
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw punti ta' kuntatt għal kull waħda mis-sistemi elettroniċi għall-finijiet ta' skambju tal-informazzjoni biex tiġi żgurata il-koordinazzjoni fl-iżvilupp, fit-tħaddim u fil-manutenzjoni ta' dawk is-sistemi elettroniċi.
Huma għandhom jikkomunikaw id-dettalji ta' dawk il-punti ta' kuntatt bejniethom u jinfurmaw lil xulxin minnufih dwar kwalunkwe bidla f'dawk id-dettalji.
KAPITOLU II
SISTEMA TAD-DEĊIŻJONIJIET DOGANALI
Artikolu 4
Għan u struttura tas-CDS
1. Is-CDS għandha tippermetti l-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-operaturi ekonomiċi u persuni oħra għall-finijiet tas-sottomissjoni u tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), kif ukoll tal-ġestjoni ta' deċiżjonijiet marbuta mal-awtorizzazzjonijiet, jiġifieri, emendi, revoki, annullamenti u sospensjonijiet.
2. Is-CDS għandha tikkonsisti minn dawn il-komponenti komuni li ġejjin:
(a) |
portal tal-kummerċjanti tal-UE; |
(b) |
sistema ta' ġestjoni ċentrali tad-deċiżjonijiet doganali (“CDMS ċentrali”); |
(c) |
servizzi ta' referenza tal-klijenti. |
3. L-Istati Membri jistgħu joħolqu l-komponenti nazzjonali li ġejjin:
(a) |
portal nazzjonali tal-kummerċjanti; |
(b) |
sistema ta' ġestjoni nazzjonali tad-deċiżjonijiet doganali (“CDMS nazzjonali”). |
Artikolu 5
Użu tas-CDS
1. Is-CDS għandha tintuża għall-finijiet tas-sottomissjoni u tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet li ġejjin, kif ukoll għall-ġestjoni ta' deċiżjonijiet marbuta mal-applikazzjonijiet jew mal-awtorizzazzjonijiet:
(a) |
l-awtorizzazzjoni għas-simplifikazzjoni ta' kif jiġu stabbiliti l-ammonti li jkunu parti mill-valur doganali tal-merkanzija, kif imsemmi fl-Artikolu 73 tal-Kodiċi; |
(b) |
l-awtorizzazzjoni għall-għoti ta' garanzija komprensiva, inkluż xi tnaqqis jew rinunzja li jista' jkun hemm, kif imsemmi fl-Artikolu 95 tal-Kodiċi; |
(c) |
l-awtorizzazzjoni għal diferiment tal-pagament tad-dazju pagabbli, sakemm il-permess ma jingħatax fir-rigward ta' operazzjoni unika, kif imsemmi fl-Artikolu 110 tal-Kodiċi; |
(d) |
l-awtorizzazzjoni għat-tħaddim ta' faċilitajiet ta' ħżin temporanju, kif imsemmi fl-Artikolu 148 tal-Kodiċi; |
(e) |
l-awtorizzazzjoni biex jiġu stabbiliti servizzi regolari tat-trasport marittimu, kif imsemmi fl-Artikolu 120 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446; |
(f) |
l-awtorizzazzjoni għall-istatus ta' emittent awtorizzat, kif imsemmi fl-Artikolu 128 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446; |
(g) |
l-awtorizzazzjoni għall-użu regolari ta' dikjarazzjoni simplifikata, kif imsemmi fl-Artikolu 166(2) tal-Kodiċi; |
(h) |
l-awtorizzazzjoni għall-ikklerjar ċentralizzat, kif imsemmi fl-Artikolu 179 tal-Kodiċi; |
(i) |
l-awtorizzazzjoni biex tiġi ppreżentata dikjarazzjoni doganali permezz ta' dħul ta' data fir-rekords tad-dikjarant, inkluż għall-proċedura ta' esportazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 182 tal-Kodiċi; |
(j) |
l-awtorizzazzjoni għall-ikklerjar ċentralizzat, kif imsemmi fl-Artikolu 185 tal-Kodiċi; |
(k) |
l-awtorizzazzjoni għall-istatus ta' min huwa awtorizzat għall-użin tal-banana, kif imsemmi fl-Artikolu 155 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446; |
(l) |
l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura tal-ipproċessar attiv, kif imsemmi fl-Artikolu 211(1)(a) tal-Kodiċi; |
(m) |
l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura tal-ipproċessar passiv, kif imsemmi fl-Artikolu 211(1)(a) tal-Kodiċi; |
(n) |
l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura tal-użu aħħari, kif imsemmi fl-Artikolu 211(1)(a) tal-Kodiċi; |
(o) |
l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura ta' dħul temporanju, kif imsemmi fl-Artikolu 211(1)(a) tal-Kodiċi; |
(p) |
l-awtorizzazzjoni għall-operazzjoni ta' faċilitajiet ta' ħażna għall-proċedura tal-ħażna doganali tal-merkanzija, kif imsemmi fl-Artikolu 211(1)(b) tal-Kodiċi; |
(q) |
l-awtorizzazzjoni għall-istatus ta' destinatarju awtorizzat għal operazzjoni TIR, kif imsemmi fl-Artikolu 230 tal-Kodiċi; |
(r) |
l-awtorizzazzjoni għall-istatus ta' konsenjatur awtorizzat għat-tranżitu fl-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 233(4)(a) tal-Kodiċi; |
(s) |
l-awtorizzazzjoni għall-istatus ta' destinatarju awtorizzat għat-tranżitu fl-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 233(4)(b) tal-Kodiċi; |
(t) |
l-awtorizzazzjoni għall-użu ta' siġilli ta' tip speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 233(4)(c) tal-Kodiċi; |
(u) |
l-awtorizzazzjoni għall-użu ta' dikjarazzjoni tat-tranżitu b'sett tad-data mnaqqas, kif imsemmi fl-Artikolu 233(4)(d) tal-Kodiċi; |
(v) |
l-awtorizzazzjoni għall-użu ta' dokument tat-trasport elettroniku bħala dikjarazzjoni doganali, kif imsemmi fl-Artikolu 233(4)(e) tal-Kodiċi. |
2. Il-komponenti komuni tas-CDS għandhom jintużaw għall-applikazzjonijiet u għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll għall-ġestjoni ta' deċiżjonijiet marbuta ma' dawk l-applikazzjonijiet u ma' dawk l-awtorizzazzjonijiet meta dawk l-awtorizzazzjonijiet jew dawk id-deċiżjonijiet jista' jkollhom impatt f'iżjed minn Stat Membru wieħed.
3. Stat Membru jista' jiddeċiedi li l-komponenti komuni tas-CDS ikunu jistgħu jintużaw għall-applikazzjonijiet u għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll għall-ġestjoni ta' deċiżjonijiet marbuta ma' dawk l-applikazzjonijiet u ma' dawk l-awtorizzazzjonijiet meta dawk l-awtorizzazzjonijiet jew dawk id-deċiżjonijiet ikollhom impatt f'dak l-Istat Membru biss.
4. Is-CDS ma għandhiex tintuża għal applikazzjonijiet, għal awtorizzazzjonijiet jew għal deċiżjonijiet għajr dawk elenkati fil-paragrafu 1.
Artikolu 6
Awtentikazzjoni u aċċess għas-CDS
1. L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi u ta' persuni oħra għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-CDS għandhom isiru billi tintuża s-sistema tal-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u tal-Firma Diġitali (UUM&DS) imsemmija fl-Artikolu 14.
Sabiex rappreżentanti doganali jiġu awtentikati u jkunu jistgħu jaċċessaw il-komponenti komuni tas-CDS, l-għoti tas-setgħa tagħhom li jaġixxu f'dik il-kapaċità għandu jiġi rreġistrat fl-UUM&DS jew f'sistema ta' ġestjoni tal-identità u tal-aċċess stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 18.
2. L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-uffiċjali tal-Istati Membri għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-CDS għandhom isiru billi jintużaw is-servizzi tan-netwerk ipprovduti mill-Kummissjoni.
3. L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-uffiċjali tal-Kummissjoni għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-CDS għandhom isiru billi tintuża s-sistema tal-UUM&DS jew billi jintużaw is-servizzi tan-netwerk ipprovduti mill-Kummissjoni.
Artikolu 7
Portal tal-kummerċjanti tal-UE
1. Il-portal tal-kummerċjanti tal-UE għandu jkun punt tad-dħul fis-CDS għall-operaturi ekonomiċi u għal persuni oħra.
2. Il-portal tal-kummerċjanti tal-UE għandu jkun interoperabbli mas-CDMS ċentrali kif ukoll mas-CDMS nazzjonali fejn jinħolqu mill-Istati Membri.
3. Il-portal tal-kummerċjanti tal-UE għandu jintuża għall-applikazzjonijiet u għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), kif ukoll għall-ġestjoni ta' deċiżjonijiet marbuta ma' dawk l-applikazzjonijiet u ma' dawk l-awtorizzazzjonijiet meta dawk l-awtorizzazzjonijiet jew dawk id-deċiżjonijiet jista' jkollhom impatt f'iżjed minn Stat Membru wieħed.
4. Stat Membru jista' jiddeċiedi li l-portal tal-kummerċjanti tal-UE jista' jintuża għall-applikazzjonijiet u għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), kif ukoll għall-ġestjoni ta' deċiżjonijiet marbuta ma' dawk l-applikazzjonijiet u ma' dawk l-awtorizzazzjonijiet meta dawk l-awtorizzazzjonijiet jew dawk id-deċiżjonijiet ikollhom impatt f'dak l-Istat Membru biss.
Meta Stat Membru jieħu deċiżjoni li juża l-portal tal-kummerċjanti tal-UE għal awtorizzazzjonijiet jew għal deċiżjonijiet li jkollhom impatt f'dak l-Istat Membru biss, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dik id-deċiżjoni.
Artikolu 8
Is-CDMS Ċentrali
1. Is-CDMS ċentrali għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u tal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), kif ukoll għall-ġestjoni ta' deċiżjonijiet marbuta ma' dawk l-applikazzjonijiet u ma' dawk l-awtorizzazzjonijiet għall-finijiet li jiġi vverifikat jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta' applikazzjonijiet u għat-teħid tad-deċiżjonijiet.
2. Is-CDMS ċentrali għandha tkun interoperabbli mal-portal tal-kummerċjanti tal-UE, mas-servizzi ta' referenza tal-klijenti u mas-CDMS nazzjonali, fejn jinħolqu mill-Istati Membri.
Artikolu 9
Konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali billi tintuża s-CDS
Awtorità doganali ta' Stat Membru għandha tuża s-CDMS ċentrali meta jkollha bżonn tikkonsulta awtorità doganali ta' Stat Membru ieħor qabel ma tieħu deċiżjoni rigward l-applikazzjonijiet jew l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1).
Artikolu 10
Servizzi ta' referenza tal-klijenti
Is-servizzi ta' referenza tal-klijenti għandhom jintużaw għall-ħżin ċentrali ta' data marbuta mal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), kif ukoll għall-ħżin ċentrali ta' deċiżjonijiet marbuta ma' dawk l-awtorizzazzjonijiet, u għandhom jippermettu li jsiru l-konsultazzjoni, ir-replikazzjoni u l-validazzjoni ta' dawk l-awtorizzazzjonijiet b'sistemi elettroniċi oħra li jkunu stabbiliti għall-finijiet tal-Artikolu 16 tal-Kodiċi.
Artikolu 11
Portal nazzjonali tal-kummerċjanti
1. Il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti, fejn dan jinħoloq, għandu jkun punt tad-dħul addizzjonali fis-CDS għall-operaturi ekonomiċi u għal persuni oħra.
2. Fir-rigward tal-applikazzjonijiet u tal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), kif ukoll għall-ġestjoni ta' deċiżjonijiet marbuta ma' dawk l-applikazzjonijiet u ma' dawk l-awtorizzazzjonijiet meta dawk l-awtorizzazzjonijiet jew dawk id-deċiżjonijiet jista' jkollhom impatt f'iżjed minn Stat Membru wieħed, l-operaturi ekonomiċi u persuni oħra jistgħu jagħżlu li jużaw il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti, fejn jinħolqu, jew il-portal tal-kummerċjanti tal-UE.
3. Il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti għandu jkun interoperabbli mas-CDMS nazzjonali, fejn tinħoloq.
4. Meta Stat Membru joħloq portal nazzjonali tal-kummerċjanti għandu jinforma lill-Kummissjoni b'din id-deċiżjoni.
Artikolu 12
CDMS Nazzjonali
1. Is-CDMS nazzjonali, fejn tinħoloq, għandha tintuża mill-awtorità doganali tal-Istati Membri li jkun ħoloqha għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u tal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), kif ukoll għall-ġestjoni ta' deċiżjonijiet marbuta ma' dawk l-applikazzjonijiet u ma' dawk l-awtorizzazzjonijiet għall-fini li jiġi vverifikat li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta' applikazzjoni u għat-teħid ta' deċiżjoni.
2. Is-CDMS nazzjonali għandha tkun interoperabbli mas-CDMS ċentrali għall-finijiet ta' konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali kif imsemmi fl-Artikolu 9.
Artikolu 13
Migrazzjoni tad-data rigward l-awtorizzazzjonijiet fis-CDS
1. Id-data rigward l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), meta dawk l-awtorizzazzjonijiet ikunu nħarġu mill-1 ta' Mejju 2016 jew ikunu ngħataw skont l-Artikolu 346 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (7) u jista' jkollhom impatt f'iżjed minn Stat Membru wieħed għandha tinħażen u għandha ssir migrazzjoni tagħha fis-CDS jekk dawn l-awtorizzazzjonijiet ikunu validi fid-data tal-migrazzjoni. Il-migrazzjoni għandha sseħħ sa mhux iżjed tard mill-1 ta' Mejju 2019.
Stat Membru jista' jiddeċiedi li japplika l-ewwel sottoparagrafu anke għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1) li jkollhom impatt biss f'dak l-Istat Membru.
2. L-awtoritajiet doganali għandhom jiżguraw li d-data li trid issir migrazzjoni tagħha skont il-paragrafu 1 tkun konformi mar-rekwiżiti tad-data stabbiliti fl-Anness A tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 u fl-Anness A tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447. Għal dak il-fini, huma jistgħu jitolbu għall-informazzjoni meħtieġa mingħand id-detentur tal-awtorizzazzjoni.
KAPITOLU III
SISTEMA TAL-ĠESTJONI UNIFORMI TAL-UTENTI U TAL-FIRMA DIĠITALI
Artikolu 14
Għan u struttura tas-sistema tal-UUM&DS
1. Is-sistema UUM&DS għandha tippermetti l-komunikazzjoni bejn is-sistemi ta' ġestjoni tal-identitajiet u tal-aċċess tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 18 għall-finijiet li jiġi pprovdut aċċess awtorizzat sigur għas-sistemi elettroniċi lill-persunal tal-Kummissjoni, lill-operaturi ekonomiċi u lil persuni oħra.
2. Is-sistema tal-UUM&DS għandha tikkonsisti minn dawn il-komponenti komuni li ġejjin:
(a) |
sistema ta' ġestjoni ta' aċċess; |
(b) |
sistema ta' ġestjoni tal-amministrazzjoni; |
3. Stat Membru għandu joħloq sistema ta' ġestjoni tal-identitajiet u tal-aċċess bħala komponent nazzjonali tas-sistema tal-UUM&DS.
Artikolu 15
Użu tas-sistema tal-UUM&DS
Is-sistema tal-UUM&DS għandha tintuża biex jiġu żgurati l-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess ta':
(a) |
l-operaturi ekonomiċi u ta' persuni oħra għall-finijiet li jkollhom aċċess għall-komponenti komuni tas-CDS, is-sistema EBTI u s-sistema AEO; |
(b) |
il-persunal tal-Kummissjoni għall-finijiet li jkollu aċċess għall-komponenti komuni tas-CDS, is-sistema EBTI, is-sistema EORI u s-sistema AEO u għall-finijiet ta' manutenzjoni u ta' ġestjoni tas-sistema tal-UUM&DS. |
Artikolu 16
Sistema ta' ġestjoni tal-aċċess
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema ta' ġestjoni tal-aċċess biex tivvalida t-talbiet għall-aċċess sottomessi minn operaturi ekonomiċi u minn persuni oħra fis-sistema tal-UUM&DS, billi tkun interoperabbli mas-sistemi ta' ġestjoni tal-identità u tal-aċċess imsemmija fl-Artikolu 18.
Artikolu 17
Sistema ta' ġestjoni tal-amministrazzjoni
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi s-sistema ta' ġestjoni tal-amministrazzjoni biex tiġġestixxi r-regoli dwar l-awtentikazzjoni u l-awtorizzazzjoni għall-validazzjoni tad-data tal-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u ta' persuni oħra għall-fini li jingħataw aċċess għas-sistemi elettroniċi.
Artikolu 18
Sistemi ta' ġestjoni tal-identitajiet u tal-aċċess tal-Istati Membri
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta' ġestjoni tal-identità u tal-aċċess biex jiżguraw:
(a) |
reġistrazzjoni u ħżin siguri tad-data tal-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u ta' persuni oħra; |
(b) |
skambju sigur tad-data tal-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u ta' persuni oħra, li tkun iffirmata u kriptata. |
KAPITOLU IV
SISTEMA EWROPEA TL-INFORMAZZJONI VINKOLANTI DWAR IT-TARIFFI
Artikolu 19
Għan u struttura tas-sistema EBTI
1. Is-sistema EBTI skont l-Artikoli 33 u 34 tal-Kodiċi tippermetti dan li ġej:
(a) |
komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-operaturi ekonomiċi u persuni oħra għall-finijiet tas-sottomissjoni u l-ipproċessar ta' applikazzjonijiet BTI u ta' deċiżjonijiet BTI; |
(b) |
il-ġestjoni ta' kwalunkwe avveniment sussegwenti li jaf jaffettwa l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni oriġinali; |
(c) |
il-monitoraġġ tal-użu obbligatorju ta' deċiżjonijiet BTI; |
(d) |
il-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-użu estiż ta' deċiżjonijiet BTI. |
2. Is-sistema EBTI għandha tikkonsisti minn dawn il-komponenti komuni li ġejjin:
(a) |
portal tal-kummerċjanti tal-UE; |
(b) |
sistema EBTI ċentrali; |
(c) |
kapaċità ta' monitoraġġ tal-użu tad-deċiżjonijiet BTI. |
3. L-Istati Membri jistgħu joħolqu, bħala komponent nazzjonali, sistema nazzjonali vinkolanti l-informazzjoni dwar it-tariffi (“sistema BTI nazzjonali”) flimkien ma' portal nazzjonali tal-kummerċjanti.
Artikolu 20
Użu tas-sistema EBTI
1. Is-sistema EBTI għandha tintuża għas-sottomissjoni, il-proċess, l-iskambju u l-ħażna ta' informazzjoni relatata ma' applikazzjonijiet u deċiżjonijiet relatati mal-BTI jew ma' kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista' jaffettwa l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni oriġinali kif imsemmi fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.
2. Is-sistema EBTI għandha tintuża biex tappoġġa l-monitoraġġ mill-awtoritajiet doganali tal-konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-BTI skont l-Artikolu 21(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.
3. Is-sistema EBTI għandha tintuża mill-Kummissjoni biex tinforma lill-Istati Membri, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, malli jkunu ntlaħqu l-kwantitajiet ta' oġġetti li jistgħu jiġu kklerjati matul perjodu ta' użu estiż.
Artikolu 21
Awtentikazzjoni u aċċess għas-sistema EBTI
1. L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi u ta' persuni oħra għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema EBTI għandhom isiru billi tintuża s-sistema UUM&DS imsemmija fl-Artikolu 14.
Sabiex rappreżentanti doganali jiġu awtentikati u jkunu jistgħu jaċċessaw il-komponenti komuni tas-sistema EBTI, l-għoti tas-setgħa tagħhom li jaġixxu f'dik il-kapaċità għandu jiġi rreġistrat fl-UUM&DS jew f'sistema ta' ġestjoni tal-identità u tal-aċċess stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 18.
2. L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-uffiċjali tal-Istati Membri għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema EBTI għandhom isiru billi jintużaw is-servizzi tan-netwerk ipprovduti mill-Kummissjoni.
3. L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-uffiċjali tal-Kummissjoni għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema EBTI għandhom isiru billi tintuża s-sistema tal-UUM&DS jew billi jintużaw is-servizzi tan-netwerk ipprovduti mill-Kummissjoni.
Artikolu 22
Portal tal-kummerċjanti tal-UE
1. Il-portal tal-kummerċjanti tal-UE għandu jkun punt tad-dħul fis-sistema EBTI għall-operaturi ekonomiċi u għal persuni oħra.
2. Il-portal tal-kummerċjanti UE għandu jinteropera mas-sistema EBTI ċentrali u joffri direzzjoni ġdida lill-portali tal-kummerċjanti nazzjonali meta s-sistemi BTI nazzjonali jkunu nħolqu mill-Istati Membri.
3. Il-portal tal-kummerċjanti tal-UE għandu jintuża għas-sottomissjoni u għall-iskambju ta' informazzjoni relatata ma' applikazzjonijiet u ma' deċiżjonijiet relatati mal-BTI jew ma' kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista' jaffettwa l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni oriġinali.
Artikolu 23
Sistema EBTI ċentrali
1. Is-sistema EBTI ċentrali għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali biex jipproċessaw, jiskambjaw u jaħżnu informazzjoni relatata ma' applikazzjonijiet u deċiżjonijiet relatati mal-BTI jew ma' kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista' jaffettwa l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni oriġinali għall-fini li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta' applikazzjoni, u għat-teħid ta' deċiżjoni, humiex issodisfati.
2. Is-sistema EBTI ċentrali għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali għall-finijiet tal-Artikolu 16(4), tal-Artikolu 17 u tal-Artikolu 21(2)(b) u (5) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.
3. Is-sistema EBTI ċentrali għandha tkun interoperabbli mal-portal tal-kummerċjanti tal-UE, u mas-sistemi nazzjonali BTI, fejn tkun inħolqot.
Artikolu 24
Konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali billi tintuża s-sistema EBTI ċentrali-
Awtorità doganali ta' Stat Membru għandha tuża s-sistema EBTI ċentrali- għall-finijiet ta' konsultazzjoni ma' awtorità doganali ta' Stat Membru ieħor sabiex tiżgura l-konformità mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.
Artikolu 25
Monitoraġġ tal-użu ta' deċiżjonijiet BTI
Il-kapaċità ta' monitoraġġ tal-użu ta' deċiżjonijiet BTI għandha tintuża għall-finijiet tal-Artikolu 21(3) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.
Artikolu 26
Portal nazzjonali tal-kummerċjanti
1. Meta Stat Membru jkun ħoloq sistema BTI nazzjonali skont l-Artikolu 19(3), il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti għandu jkun il-punt ta' dħul prinċipali għas-sistema BTI nazzjonali għall-operaturi ekonomiċi u għal persuni oħra.
2. L-operaturi ekonomiċi u persuni oħra għandhom jużaw il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti, fejn ikun inħoloq, fir-rigward ta' applikazzjonijiet u ta' deċiżjonijiet relatati mal-BTI jew ma' kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista' jaffettwa l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni oriġinali.
3. Il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti għandu jkun interoperabbli mas-sistema BTI nazzjonali, skont fejn tkun inħolqot.
4. Il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti għandu jiffaċilita proċessi ekwivalenti għal dawk iffaċilitati mill-portal tal-kummerċjanti tal-UE.
5. Meta Stat Membru joħloq portal nazzjonali tal-kummerċjanti għandu jinforma lill-Kummissjoni b'din id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-portal tal-kummerċjanti nazzjonali jkun jista' jiġi aċċessat direttament mill-portal tal-kummerċjanti tal-UE.
Artikolu 27
Sistema BTI nazzjonali
1. sistema BTI nazzjonali, fejn tinħoloq, għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali biex jipproċessaw, jiskambjaw u jaħżnu informazzjoni relatata ma' applikazzjonijiet u deċiżjonijiet relatati mal-BTI jew ma' kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista' jaffettwa l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni oriġinali għall-fini li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta' applikazzjoni, u għat-teħid ta' deċiżjoni, humiex issodisfati.
2. L-awtorità doganali ta' Stat Membru għandha tuża s-sistema nazzjonali tagħha BTI għall-finijiet tal-Artikolu 16(4), l-Artikolu 17 u l-Artikolu 21(2)(b) u (5) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, sakemm ma tużax is-sistema EBTI ċentrali għal dawk il-finijiet.
3. Is-sistema BTI nazzjonali għandha tkun interoperabbli mal-portal nazzjonali tal-kummerċjanti u mas-sistema EBTI ċentrali.
KAPITOLU V
SISTEMA TAR-REĠISTRAZZJONI U L-IDENTIFIKAZZJONI TAL-OPERATUR EKONOMIKU (EORI)
Artikolu 28
Għan u struttura tas-sistema EORI
Is-sistema EORI għandha tippermetti reġistrazzjoni u identifikazzjoni unika, fil-livell tal-Unjoni, tal-operaturi ekonomiċi u ta' persuni oħra.
Is-sistema EORI għandha tikkonsisti minn dawn il-komponenti li ġejjin:
(a) |
sistema EORI ċentrali; |
(b) |
sistemi nazzjonali EORI, fejn dawn jinħolqu mill-Istati Membri. |
Artikolu 29
Użu tas-sistema EORI
1. Is-sistema EORI għandha tintuża għall-finijiet li ġejjin:
(a) |
biex tiġi riċevuta d-data għar-reġistrazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u ta' persuni oħra kif imsemmi fl-Anness 12-01 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 (“id-data EORI”) ipprovduta mill-Istati Membri; |
(b) |
biex tinħażen ċentralment data EORI li tappartjeni għar-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni ta' operaturi ekonomiċi u persuni oħra; |
(c) |
biex issir disponibbli d-data EORI lill-Istati Membri. |
2. Is-sistema EORI għandha tippermetti aċċess onlajn għad-data EORI maħżuna fil-livell tas-sistema ċentrali lill-awtoritajiet doganali.
3. Is-sistema EORI għandha tkun interoperabbli mas-sistemi elettroniċi l-oħra kollha fejn jintuża n-numru EORI.
Artikolu 30
Awtentikazzjoni u aċċess għas-sistema EORI ċentrali
1. L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-uffiċjali tal-Istati Membri għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema EORI għandhom isiru billi jintużaw is-servizzi tan-netwerk ipprovduti mill-Kummissjoni.
2. L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-uffiċjali tal-Kummissjoni għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema EORI għandhom isiru billi tintuża s-sistema tal-UUM&DS jew billi jintużaw is-servizzi tan-netwerk ipprovduti mill-Kummissjoni.
Artikolu 31
Sistema EORI ċentrali
1. Is-sistema EORI ċentrali għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali għall-finijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.
2. Is-sistema EORI ċentrali għandha tkun interoperabbli mas-sistemi EORI nazzjonali, fejn tkun inħolqot.
Artikolu 32
Sistema EORI nazzjonali
1. Sistema EORI nazzjonali, fejn tkun inħolqot, għandha tintuża mill-awtorità doganali tal-Istat Membru li jkun ħoloqha għall-iskambju u l-ħżin ta' data EORI.
2. Sistema EORI nazzjonali għandha tkun interoperabbli mas-sistemi EORI ċentrali.
KAPITOLU VI
SISTEMA TA' OPERATURI EKONOMIĊI AWTORIZZATI (AEO)
Artikolu 33
Għan u struttura tas-sistema AEO
1. Is-sistema AEO għandha tippermetti l-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-operaturi ekonomiċi u persuni oħra għall-finijiet tal-preżentazzjoni u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet AEO u l-għoti ta' awtorizzazzjonijiet AEO kif ukoll il-ġestjoni ta' kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista' jaffettwa d-deċiżjoni oriġinali kif imsemmi fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.
2. Is-sistema AEO għandha tikkonsisti minn dawn il-komponenti komuni li ġejjin:
(a) |
portal tal-kummerċjanti tal-UE; |
(b) |
sistema ċentrali AEO. |
3. L-Istati Membri jistgħu joħolqu l-komponenti nazzjonali li ġejjin:
(a) |
portal nazzjonali tal-kummerċjanti; |
(b) |
sistema nazzjonali ta' Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (“sistema AEO nazzjonali”). |
Artikolu 34
Użu tas-sistema AEO
1. Is-sistema AEO għandha tintuża għas-sottomissjoni, l-iskambju, l-ipproċessar u l-ħażna ta' informazzjoni pertinenti għall-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet AEO jew kwalunkwe avveniment li jaf jaffettwa d-deċiżjoni oriġinali kif imsemmi fl-Artikolu 30(1) u l-Artikolu 31(1) u (4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.
2. L-awtoritajiet doganali għandhom jużaw is-sistema AEO biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 31(1) u (4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 u biex iżommu rekord tal-konsultazzjonijiet rilevanti.
Artikolu 35
Awtentikazzjoni u aċċess għas-sistema ċentrali AEO
1. L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi u ta' persuni oħra għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema AEO għandhom isiru billi tintuża s-sistema UUM&DS imsemmija fl-Artikolu 14.
Sabiex rappreżentanti doganali jiġu awtentikati u jkunu jistgħu jaċċessaw il-komponenti komuni tas-sistema AEO, l-għoti tas-setgħa tagħhom li jaġixxu f'dik il-kapaċità għandu jiġi rreġistrat fl-UUM&DS jew f'sistema ta' ġestjoni tal-identità u tal-aċċess stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 18.
2. L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-uffiċjali tal-Istati Membri għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema AEO għandhom isiru billi jintużaw is-servizzi tan-netwerk ipprovduti mill-Kummissjoni.
3. L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-uffiċjali tal-Kummissjoni għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema AEO għandhom isiru billi tintuża s-sistema tal-UUM&DS jew billi jintużaw is-servizzi tan-netwerk ipprovduti mill-Kummissjoni.
Artikolu 36
Portal tal-kummerċjanti tal-UE
1. Il-portal tal-kummerċjanti tal-UE għandu jkun punt tad-dħul fis-sistema AEO għall-operaturi ekonomiċi u għal persuni oħra.
2. Il-portal tal-kummerċjanti tal-UE għandu jkun interoperabbli mas-sistema AEO ċentrali u għandu joffri direzzjoni ġdida lill-portal nazzjonali tal-kummerċjanti, fejn dan ikun inħoloq.
3. Il-portal tal-kummerċjanti tal-UE għandu jintuża għas-sottomissjoni u għall-iskambju ta' informazzjoni relatata ma' applikazzjonijiet u ma' deċiżjonijiet AEO jew ma' kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista' jaffettwa d-deċiżjoni oriġinali.
Artikolu 37
Sistema AEO ċentrali
1. Is-sistema AEO ċentrali għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali biex jiskambjaw u jaħżnu informazzjoni relatata ma' applikazzjonijiet u ma' deċiżjonijiet AEO jew ma' kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista' jaffettwa d-deċiżjoni oriġinali.
2. L-awtoritajiet doganali għandhom jużaw is-sistema AEO ċentrali għall-finijiet tal-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.
3. Is-sistema AEO ċentrali għandha tkun interoperabbli mal-portal tal-kummerċjanti tal-UE, u mas-sistemi AEO nazzjonali, fejn tkun inħolqot.
Artikolu 38
Portal nazzjonali tal-kummerċjanti
1. Il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti, fejn jinħoloq, għandu jippermetti l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet AEO.
2. L-operaturi ekonomiċi għandhom jużaw il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti, fejn jinħoloq, biex jiskambjaw informazzjoni mal-awtoritajiet doganali fir-rigward tal-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet AEO.
3. Il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti għandu jkun interoperabbli mas-sistema AEO nazzjonali.
Artikolu 39
Sistema AEO nazzjonali
1. Is-sistema AEO nazzjonali, fejn tinħoloq, għandha tintuża mill-awtorità doganali tal-Istat Membru li ħoloqha biex tiskambja u taħżen informazzjoni relatata ma' applikazzjonijiet u ma' deċiżjonijiet AEO jew ma' kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista' jaffettwa d-deċiżjoni oriġinali.
2. Is-sistema AEO nazzjonali għandha tkun interoperabbli mal-portal nazzjonali tal-kummerċjanti, fejn jinħoloq, u mas-sistema AEO ċentrali.
KAPITOLU VII
FUNZJONAMENT TAS-SISTEMI ELETTRONIĊI U TAĦRIĠ FL-UŻU TAGĦHOM
Artikolu 40
Żvilupp, ittestjar, skjerar u ġestjoni tas-sistemi elettroniċi
1. Il-komponenti komuni għandhom jiġu żviluppati, ittestjati, skjerati u ġestiti mill-Kummissjoni. Il-komponenti nazzjonali għandhom jiġu żviluppati, ittestjati, skjerati u ġestiti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-komponenti nazzjonali jkunu interoperabbli mal-komponenti komuni.
Artikolu 41
Manutenzjoni tas-sistemi elettroniċi u bidliet fihom
1. Il-Kummissjoni għandha twettaq il-manutenzjoni tal-komponenti komuni u l-Istati Membri għandhom iwettqu l-manutenzjoni tal-komponenti nazzjonali tagħhom.
2. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw it-tħaddim mingħajr interruzzjoni tas-sistemi elettroniċi.
3. Il-Kummissjoni tista' tibdel il-komponenti komuni tas-sistemi elettroniċi biex issewwi xi ħsarat, iżżid funzjonalitajiet ġodda jew timmodifika dawk eżistenti.
4. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri bil-bidliet u bl-aġġornamenti fil-komponenti komuni.
5. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-bidliet u bl-aġġornamenti fil-komponenti nazzjonali li jista' jkollhom riperkussjonijiet fuq il-funzjonament tal-komponenti komuni.
6. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-bidliet u l-aġġornamenti fis-sistemi elettroniċi skont il-paragrafi 4 u 5 tkun disponibbli pubblikament.
Artikolu 42
Ħsara temporanja fis-sistemi elettroniċi
1. F'każ ta' ħsara temporanja fis-sistemi elettroniċi kif imsemmi fl-Artikolu 6(3)(b) tal-Kodiċi, l-operaturi ekonomiċi u persuni oħra għandhom jippreżentaw l-informazzjoni biex jissodisfaw il-formalitajiet kkonċernati bil-mezzi stabbiliti mill-Istati Membri, inklużi mezzi għajr it-tekniki elettroniċi tal-ipproċessar tad-data.
2. L-awtoritajiet doganali għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ppreżentata skont il-paragrafu 1 tkun disponibbli fis-sistemi elettroniċi rispettivi fi żmien sebat (7) ijiem minn meta s-sistemi elettroniċi rispettivi jerġgħu jsiru disponibbli.
3. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin meta s-sistemi elettroniċi ma jkunux disponibbli minħabba ħsara temporanja.
Artikolu 43
Appoġġ ta'taħriġ dwar l-użu u l-funzjonament tal-komponenti komuni
Il-Kummissjoni għandha tappoġġa lill-Istati Membri fl-użu u fil-funzjonament tal-komponenti komuni tas-sistemi elettroniċi billi tipprovdi l-materjal xieraq għat-taħriġ.
KAPITOLU VIII
PROTEZZJONI TAD-DATA, ĠESTJONI TAD-DATA U S-SJIEDA U S-SIGURTÀ TAS-SISTEMI ELETTRONIĊI
Artikolu 44
Il-protezzjoni tad-data personali
1. Id-data personali rreġistrata fis-sistemi elettroniċi għandha tiġi pproċessata għall-finijiet ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali wara li jiġu kkunsidrati l-għanijiet speċifiċi ta' kull waħda mis-sistemi elettroniċi kif stabbilit fl-Artikolu 4(1), fl-Artikolu 14(1), fl-Artikolu 19(1), fl-Artikolu 28 u fl-Artikolu 33(1) rispettivament.
2. Skont l-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom jikkooperaw sabiex jiżguraw li jkun hemm superviżjoni koordinata tal-ipproċessar tad-data personali rreġistrata fis-sistemi elettroniċi.
Artikolu 45
Aġġornament tad-data fis-sistemi elettroniċi
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data rreġistrata fil-livell nazzjonali tikkorrispondi mad-data rreġistrata fil-komponenti komuni u li tinżamm aġġornata.
Artikolu 46
Limitazzjoni tal-aċċess għad-data u tal-ipproċessar tad-data
1. Id-data rreġistrata fil-komponenti komuni tas-sistemi elettroniċi minn Stat Membru tista' tiġi aċċessata jew ipproċessata minn dak l-Istat Membru. Din tista' wkoll tiġi aċċessata u pproċessata minn Stat Membru ieħor meta dan tal-aħħar ikun involut fl-ipproċessar ta' applikazzjoni jew fil-ġestjoni ta' deċiżjoni marbuta mad-data.
2. Id-data rreġistrata fil-komponenti komuni tas-sistemi elettroniċi minn operatur ekonomiku jew minn persuna oħra tista' tiġi aċċessata jew ipproċessata minn dak l-operatur ekonomiku jew minn dik il-persuna l-oħra. Din tista' wkoll tiġi aċċessata u pproċessata minn Stat Membru li jkun involut fl-ipproċessar ta' applikazzjoni jew fil-ġestjoni ta' deċiżjoni marbuta mad-data.
3. Id-data rreġistrata fis-sistema EBTI ċentrali minn Stat Membru tista' tiġi pproċessata minn dak l-Istat Membru. Din tista' wkoll tiġi pproċessata minn Stat Membru ieħor meta jkun involut fl-ipproċessar ta' applikazzjoni li magħha tkun marbuta id-data, inkluż permezz ta' konsultazzjoni skont l-Artikolu 24. Din tista' tiġi aċċessata mill-Istati Membri kollha skont l-Artikolu 23(2).
4. Id-data rreġistrata fis-sistema EBTI minn operatur ekonomiku jew minn persuna oħra tista' tiġi aċċessata jew ipproċessata minn dak l-operatur ekonomiku jew minn dik il-persuna l-oħra. Din tista' tiġi aċċessata mill-Istati Membri kollha skont l-Artikolu 23(2).
Artikolu 47
Sjieda tas-sistema
1. Il-Kummissjoni għandha tkun sid is-sistema tal-komponenti komuni.
2. L-Istati Membri għandhom ikunu is-sidien tas-sistema tal-komponenti nazzjonali.
Artikolu 48
Sigurtà tas-sistema
1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura s-sigurtà tal-komponenti komuni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sigurtà tal-komponenti nazzjonali.
Għal dawn il-finijiet, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom minn tal-inqas jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex:
(a) |
jimpedixxu li xi persuna mhux awtorizzata jkollha aċċess għall-installazzjonijiet li jintużaw għall-ipproċessar tad-data; |
(b) |
jimpedixxu d-dħul ta' data u kwalunkwe konsultazzjoni, modifika jew tħassir ta' data minn persuni mhux awtorizzati; |
(c) |
jidentifikaw kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (a) u (b); |
2. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin bi kwalunkwe attività li tista' tirriżulta fi ksur jew f'suspett ta' ksur tas-sigurtà tas-sistemi elettroniċi.
KAPITOLU IX
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 49
Valutazzjoni tas-sistemi elettroniċi
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjonijiet tal-komponenti li huma responsabbli għalihom u b'mod partikolari għandhom janalizzaw is-sigurtà u l-integrità tal-komponenti u l-kunfidenzjalità tad-data pproċessata f'dawk il-komponenti.
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin bir-riżultati tal-valutazzjoni.
Artikolu 50
Tħassir
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2089 huwa mħassar.
Artikolu 51
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Ġunju 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/578 tal-11 ta' April 2016 li tistabbilixxi Programm ta' Ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 99, 15.4.2016, p. 6).
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2089 tal-L-Erbgħa, 14 ta' Novembru 2017 dwar l-arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta' sistemi elettroniċi għall-iskambju tal-informazzjoni, u għall-ħżin ta' din l-informazzjoni skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 297, 15.11.2017, p. 13).
(4) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(6) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).
(7) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).