Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1133

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1133 tal-25 ta' Ġunju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fis-Sħubija Internazzjonali għall-Kooperazzjoni fl-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (IPEEC) fir-rigward tal-estensjoni tat-Termini ta' Referenza għall-IPEEC għall-perijodu mill-24 ta' Mejju sal-31 ta' Diċembru 2019

    ST/9718/2019/INIT

    ĠU L 179, 3.7.2019, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1133/oj

    3.7.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 179/23


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1133

    tal-25 ta' Ġunju 2019

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fis-Sħubija Internazzjonali għall-Kooperazzjoni fl-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (IPEEC) fir-rigward tal-estensjoni tat-Termini ta' Referenza għall-IPEEC għall-perijodu mill-24 ta' Mejju sal-31 ta' Diċembru 2019

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 194(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    It-Termini ta' Referenza għas-Sħubija Internazzjonali għall-Kooperazzjoni fl-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (IPEEC) (“il-Ftehim”) ġew iffirmati f'Ruma minn tnax-il Stat li kienu jinkludu erba' Stati Membri tal-Komunità Ewropea fl-24 ta' Mejju 2009 u ġew konklużi mill-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/954/KE (1).

    (2)

    Skont il-punt 7.1 tal-Ftehim, il-Membri tal-IPEEC jistgħu jiddeċiedu li jestendu d-durata tal-Ftehim. Il-Kumitat tal-Politika, li huwa l-korp tal-plenarja tal-IPEEC magħmul minn rappreżentanti ta' livell għoli tal-Membri kollha tiegħu, u li huwa inkarigat biex jirregola l-qafas globali u l-politiki tal-IPEEC, huwa l-korp xieraq li fi ħdanu l-Membri tal-IPEEC jistgħu jiddeċiedu dwar estensjoni tad-durata tal-Ftehim.

    (3)

    Il-Membri tal-IPEEC, għajr l-Unjoni, approvaw l-estensjoni tat-Termini ta' Referenza għall-IPEEC għall-perijodu mill-24 ta' Mejju sal-31 ta' Diċembru 2019 fil-laqgħa tal-Kumitat tal-Politika fil-21 ta' Frar 2019.

    (4)

    Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni dwar l-estensjoni tat-Termini ta' Referenza għall-IPEEC li gjeħtieġ tittieħed f'isem l-Unjoni, billi l-estensjoni tat-termini ta' referenza tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.

    (5)

    Il-Membri tal-IPEEC qed iqisu l-possibbiltà li jikkombinaw l-attivitajiet attwali tal-IPEEC u l-attivitajiet tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) f'hub tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, sabiex jiksbu sinerġiji f'dak il-qasam. L-estensjoni qasira tat-Termini ta' Referenza għall-IPEEC għandha l-għan li bħala miżura interim, tippermetti li jkun hemm biżżejjed żmien biex jiġi stabbilit il-hub tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija filwaqt li jiġi żgurat li l-attivitajiet tal-IPEEC ikomplu u jiġu ttrasferiti lejn il-hub il-ġdid tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija mingħajr interruzzjoni.

    (6)

    B'mod operazzjonali, estensjoni sal-31 ta' Diċembru 2019 tqis l-implimentazzjoni kontinwa tal-programm ta' ħidma u tas-servizzi ewlenin tal-IPEEC lill-Membri tal-IPEEC. Dan jinkludi ħidma relatata mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija taħt il-G20, li din is-sena ser jinkludi avvenimenti skedati wara tmiem il-mandat attwali tal-IPEEC fl-24 ta' Mejju 2019. Titqies ukoll id-disponibbiltà ta' fondi biex jiġu koperti l-attivitajiet matul il-perijodu ta' estensjoni, billi s-Segretarjat tal-IPEEC attwalment qed jirċievi kontribuzzjonijiet għas-sena kalendarja 2019 sħiħa u għall-attivitajiet, il-persunal li jifdal u r-riżorsi possibbli jistgħu jiġu ttrasferiti fil-hub tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

    (7)

    Għalhekk, estensjoni qasira tat-Termini ta' Referenza għall-IPEEC hija importanti biex jiġi evitat it-tmiem f'salt tal-attivitajiet tal-IPEEC fl-24 ta' Mejju 2019. F'konformità mal-punt 3.4 tat-Termini ta' Referenza għall-IPEEC, id-deċiżjoni finali dwar l-estensjoni għandha tiġi adottata bil-kunsens tal-Membri tal-IPEEC, u wara l-laqgħa tal-Kumitat tal-Politika tal-21 ta' Frar 2019, deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni hija neċessarja,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fis-Sħubija Internazzjonali għall-Kooperazzjoni fl-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (IPEEC) fir-rigward tal-estensjoni tat-Termini ta' Referenza għall-IPEEC għall-perijodu mill-24 ta' Mejju sal-31 ta' Diċembru 2019 għandha tkun din li ġejja:

    (a)

    li tapprova l-estensjoni tat-Termini ta' Referenza tal-IPEEC għall-perijodu mill-24 ta' Mejju sal-31 ta' Diċembru 2019;

    (b)

    li taqbel mad-deċiżjoni tal-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) li l-AIE tkompli tospita s-Segretarjat tal-IPEEC sal-31 ta' Diċembru 2019 abbażi tal-Memorandum li jikkonċerna l-Ospitar tas-Segretarjat tal-IPEEC mill-AIE;

    (c)

    li tapprova t-trasferiment amministrattiv tal-IPEEC lejn hub ġdid tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, b'mod partikolari b'rabta mat-trasferiment tal-Gruppi ta' Kompiti, il-fondi u l-persunal tas-Segretarjat tal-IPEEC.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta' Ġunju 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. ANTON


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/954/KE tat-30 ta' Novembru 2009 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tat-Termini ta' Referenza għas-Sħubija Internazzjonali għall-Kooperazzjoni fl-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (IPEEC) u tal-Memorandum dwar l-ospitar tas-Segretarjat tas-Sħubija Internazzjonali għall-Kooperazzjoni fl-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (ĠU L 330, 16.12.2009, p. 37).


    Top