Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0338

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/338 tal-20 ta' Frar 2019 dwar l-estensjoni tas-sorveljanza msaħħa għall-Greċja (notifikata bid-dokument C(2019) 1481)

    C/2019/1481

    ĠU L 60, 28.2.2019, p. 17–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/338/oj

    28.2.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 60/17


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/338

    tal-20 ta' Frar 2019

    dwar l-estensjoni tas-sorveljanza msaħħa għall-Greċja

    (notifikata bid-dokument C(2019) 1481)

    (It-test Grieg biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Wara l-iskadenza tal-assistenza finanzjarja tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà fl-20 ta' Awwissu 2018, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1192 (2) attivat sorveljanza msaħħa għall-Greċja għal perjodu ta' sitt xhur, mill-21 ta' Awwissu 2018.

    (2)

    Jenħtieġ li l-Greċja tissokta bir-riformi istituzzjonali u strutturali ewlenin fuq terminu medju sabiex taċċerta l-ikkompletar u l-effettività sħiħa tagħhom, filwaqt li tibni fuq l-għadd sostanzjali ta' azzjonijiet implimentati minnha taħt il-programm ta' assistenza finanzjarja tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (“il-programm”). Għal dan l-għan, il-Greċja impenjat ruħha fil-Grupp tal-Euro biex tkompli u tlesti r-riformi ewlenin kollha adottati taħt il-programm u biex tissalvagwardja l-objettivi tar-riformi importanti adottati taħt dan il-programm u l-predeċessuri tiegħu.

    (3)

    Il-Greċja impenjat ruħha wkoll biex timplimenta azzjonijiet speċifiċi fl-oqsma ta' politiki fiskali u fiskali-strutturali, tal-benessri soċjali, tal-istabbiltà finanzjarja, tas-swieq tax-xogħol u tal-prodotti, tal-privatizzazzjoni u tal-amministrazzjoni pubblika. Dawn l-azzjonijiet speċifiċi, li huma stipulati f'anness tad-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tat-22 ta' Ġunju 2018, se jikkontribwixxu biex jindirizzaw sorsi potenzjali ta' diffikultajiet ekonomiċi tal-Greċja.

    (4)

    Sa mill-2010, il-Greċja rċeviet ammont sostanzjali ta' assistenza finanzjarja, u b'konsegwenza ta' hekk, l-obbligazzjonijiet pendenti tal-Greċja lejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro, il-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà jammontaw għal total ta' EUR 243 700 miljun. Il-Greċja rċeviet sostenn finanzjarju mis-sħab Ewropej tagħha fuq termini konċessjonali u fl-2012 ġew adottati miżuri speċifiċi biex id-dejn jitqiegħed fuq bażi aktar sostenibbli u għal darb'oħra fl-2017 mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà. Fit-22 ta' Ġunju 2018, intlaħaq qbil politiku fil-Grupp tal-Euro biex jiġu implimentati miżuri addizzjonali biex tiġi aċċertata s-sostenibbiltà tad-dejn. Il-miżuri jinkludu l-estensjoni tal-maturitajiet medji ponderati b'10 snin oħra, id-differiment tal-imgħax u l-amortizzament b'10 snin oħra kif ukoll l-implimentazzjoni ta' miżuri oħra ta' dejn. Darbtejn fis-sena jista' jsir qbil fil-Grupp tal-Euro dwar żewġ miżuri addizzjonali (l-abolizzjoni taż-żieda fil-marġni tar-rata tal-imgħax relatata mas-segment tax-xiri lura tad-dejn tal-programm tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja mill-2018 u t-treġġigħ lura tat-trasferiment ta' ammonti ekwivalenti għall-introjtu li daħħlu l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fuq il-bonds tal-gvern Grieg miżmuma fl-ambitu tal-Ftehim dwar l-Assi Finanzjarji Netti u l-Programm tas-Swieq tat-Titoli) abbażi ta' rapportar pożittiv fl-ambitu tas-sorveljanza msaħħa tal-konformità tal-Greċja mal-impenji ta' politika tagħha għal wara l-programm.

    (5)

    Il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika tal-Greċja ilu pożittiv mill-2016. Il-Greċja hija mistennija li tkun laħqet il-mira ta' surplus primarju ta' 3,5 % tal-Prodott Domestiku Gross fl-2018 u hija pproġettata li tikseb il-mira matul it-terminu medju. Is-self nett estern qaleb għall-pożittiv fl-2015, u ta indikazzjoni ta' defiċits żgħar biss minn hemm 'il quddiem. L-ekonomija kompliet tirpilja, bi tkabbir ta' 2,0 % fl-2018, u l-qgħad beda jonqos. Il-Greċja tat bidu għal aġenda ta' riforma strutturali wiesgħa biex ittejjeb l-ambjent ta' negozju u l-kompetittività tagħha fl-ambitu tal-programmi ta' assistenza finanzjarja u ilha tieħu miżuri f'dan il-qasam minn Awwissu 2018.

    (6)

    Madanakollu, minkejja dawn ir-riformi, il-Greċja għadha qed tesperjenza żbilanċi u vulnerabbiltajiet sinifikanti fl-istokk akkumulat fl-imgħoddi. B'mod partikolari, kif ġie identifikat ukoll mir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2019 tal-Kummissjoni, imħejji skont l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Greċja qed taffaċċja xi diffikultajiet. Id-dejn pubbliku huwa stmat li laħaq il-182,8 % tal-Prodott Domestiku Gross fi tmiem it-tielet kwart tal-2018, l-ogħla livell fl-Unjoni. Il-pożizzjoni ta' investiment internazzjonali netta ta' – 140,5 % tal-Prodott Domestiku Gross fl-2017 tibqa' wkoll għolja ħafna; barra minn hekk, minkejja li l-kont kurrenti qiegħed qrib il-bilanċ, għadu mhuwiex biżżejjed biex jappoġġa tnaqqis tal-pożizzjoni ta' investiment internazzjonali netta kbira għal livelli prudenti b'ritmu sodisfaċenti. Filwaqt li l-qgħad kompla jonqos mil-livell massimu tiegħu ta' 27,9 % fl-2013, kien għadu ta' 18,6 % f'Ottubru 2018. Il-qgħad fuq terminu twil (13,5 % fit-tielet trimestru tal-2018) u l-qgħad fost iż-żgħażagħ (39,1 % f'Novembru 2018) ukoll għadhom għoljin ħafna. L-ambjent tan-negozju u s-sistema ġudizzjarja għadhom jeħtieġu titjib addizzjonali konsiderevoli, peress li l-Greċja xorta għadha ferm lura mix-xefaq tal-aħjar prestazzjoni f'diversi oqsma tal-komponenti strutturali ta' indikaturi komparattivi ewlenin (eż. il-ħin meħud biex tittieħed deċiżjoni ġudizzjarja, l-infurzar tal-kuntratti, ir-reġistrazzjoni ta' proprjetà, ir-riżoluzzjoni tal-insolvenza, eċċ.).

    (7)

    Filwaqt li s-settur bankarju għadu kapitalizzat biżżejjed, għadu jaffaċċja sfidi marbuta ma' stokkijiet kbar ta' skoperturi improduttivi u ma' livelli baxxi ta' profittabbiltà, filwaqt li għad hemm rabtiet b'saħħithom mal-Istat. Fi tmiem Settembru 2018, l-istokk ta' skoperturi improduttivi kien għadu għoli ħafna b'EUR 84,7 biljun jew 46,7 % tal-iskoperturi totali fil-karta tal-bilanċ. Il-Greċja adottat riformi ewlenin fl-ambitu tal-programm, u beħsiebha tiżviluppa għodod addizzjonali fi żmien qasir, biex issaħħaħ il-qafas għar-riżoluzzjoni tal-iskoperturi improduttivi u b'hekk tiffaċilita t-trażżin tad-dejn fil-karti tal-bilanċ tal-banek. Minkejja dan, se jkun hemm bżonn ta' sforzi kontinwi biex ikun hemm livelli sostenibbli tal-proporzjon ta' skoperturi improduttivi, u biex l-istituzzjonijiet finanzjarji jitħallew jissodisfaw il-funzjoni ta' intermedjazzjoni u ta' ġestjoni tar-riskji f'kull ħin.

    (8)

    Wara li nqatgħet mis-self tas-suq finanzjarju mill-2010 'l hawn, il-Greċja bdiet terġa' takkwista aċċess għas-suq permezz ta' ħruġ ta' bonds tal-gvern minn Lulju 2017. Il-Greċja kellha sessjoni ta' ħruġ ta' bonds li rnexxiet fi tmiem Jannar 2019, li kienet l-ewwel sessjoni tagħha minn mindu ħarġet mill-programm. Il-kundizzjonijiet ta' self tal-Greċja għadhom madanakollu fraġli fl-isfond tar-riskji ekonomiċi esterni u tal-isfidi interni biex tinżamm implimentazzjoni tar-riformi fuq terminu medju.

    (9)

    Il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel valutazzjoni tagħha taħt sorveljanza msaħħa dwar il-Greċja fil-21 ta' Novembru 2018. Il-valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni u riflessa fil-Komunikazzjoni tagħha ddeskriviet il-progress dwar l-impenji ġenerali u speċifiċi tal-Greċja fir-rigward tar-riformi li ħadet fil-Grupp tal-Euro u kkonkludiet li l-implimentazzjoni tar-riformi mxiet 'il quddiem iżda li kien hemm bżonn ta' sforzi ulterjuri biex jiġu ssodisfati l-impenji tal-Greċja dwar ir-riformi (4).

    (10)

    Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-istabbiliment tas-sorveljanza msaħħa skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 għadhom preżenti. B'mod partikolari, il-Greċja għadha qed taffaċċja riskji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħha li, jekk jimmaterjalizzaw, jista' jkollhom effetti kollaterali negattivi fuq Stati Membri oħra taż-żona tal-euro. Jekk jimmaterjalizzaw xi effetti kollaterali, dawn jistgħu jseħħu indirettament billi jkollhom impatt fuq il-fiduċja tal-investituri u b'hekk fuq l-ispejjeż ta' rifinanzjament għall-banek u s-sovrani fi Stati Membri oħra taż-żona tal-euro.

    (11)

    Għaldaqstant, fuq terminu medju, il-Greċja teħtieġ li tkompli tadotta miżuri biex tindirizza s-sorsi jew is-sorsi potenzjali tad-diffikultajiet u timplimenta riformi strutturali bħala sostenn għal irkupru ekonomiku robust u sostenibbli, bil-ħsieb li jittaffew l-effetti ta' diversi fatturi li tħallew b'legat. Dawn il-fatturi jinkludu majnar serju u fit-tul fir-ritmu ekonomiku matul il-kriżi; id-daqs tal-piż tad-dejn tal-Greċja; il-vulnerabbiltajiet tas-settur finanzjarju tagħha; l-interkonnessjonijiet relattivament b'saħħithom u kontinwi bejn is-settur finanzjarju u l-finanzi pubbliċi Griegi, inkluż permezz ta' sjieda mill-Istat; ir-riskju ta' kontaġju ta' tensjonijiet severi f'xi wieħed minn dawn is-setturi lil Stati Membri oħra, kif ukoll l-esponiment tal-Istati Membri taż-żona tal-euro għad-dejn sovran Grieg.

    (12)

    Sabiex jiġu indirizzati r-riskji residwi u jiġi ssorveljat l-issodisfar tal-impenji mmirati apposta għalihom, jidher li huwa meħtieġ u xieraq li s-sorveljanza msaħħa tal-Greċja tiġi estiża skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013.

    (13)

    Il-Greċja ngħatat l-opportunità li tesprimi l-fehmiet tagħha dwar il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, permezz ta' ittra mibgħuta fl-14 ta' Frar 2019. Fit-tweġiba tagħha tal-15 ta' Frar 2019, il-Greċja fil-biċċa l-kbira qablet mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-isfidi ekonomiċi li qed taffaċċja, li hija l-bażi għall-estensjoni tas-sorveljanza msaħħa.

    (14)

    Il-Greċja se tkompli tibbenefika mill-appoġġ tekniku taħt il-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali (kif stipulat fir-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5)) għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' riformi, inkluż għat-tkomplija u t-tlestija ta' riformi ewlenin f'konformità mal-impenji ta' politika ssorveljati taħt sorveljanza msaħħa.

    (15)

    Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tikkollabora mill-qrib mal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, fil-kuntest tas-Sistema ta' Twissija Bikrija tagħha, fl-implimentazzjoni tas-sorveljanza msaħħa,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Dan il-perjodu ta' sorveljanza msaħħa tal-Greċja skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 attivat mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1192 għandu jiġi estiż għal perjodu ta' sitt xhur, li jibda mill-21 ta' Frar 2019.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Frar 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Pierre MOSCOVICI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1192 tal-11 ta' Lulju 2018 dwar l-attivazzjoni ta' sorveljanza msaħħa għall-Greċja (ĠU L 211, 22.8.2018, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

    (4)  Il-Kummissjoni Ewropea: Rapport dwar is-Sorveljanza Msaħħa — il-Greċja, Novembru 2018, id-Dokument Istituzzjonali 90, Novembru 2018.

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perjodu mill-2017 sal-2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013 (ĠU L 129, 19.5.2017, p. 1).


    Top