Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1567

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1567 tat-18 ta' Ottubru 2018 li jikkoreġi r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/249 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tas-sustanzi tawrina, beta-alanina, L-alanina, L-arġinina, L-aċidu aspartiku, L-istidina, D,L-isolewċina, L-lewċina, L-fenilalanina, L-prolina, D,L-serina, L-tirożina, L-metijonina, L-valina, L-ċisteina, gliċina, glutamat tal-monosodju u L-aċidu glutamiku bħala addittivi fl-għalf għall-ispeċijiet kollha ta' annimali u s-sustanza monoidrat tal-idroklorur tal-L-ċisteina għall-ispeċijiet kollha għajr il-qtates u l-klieb (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2018/6751

    ĠU L 262, 19.10.2018, p. 31–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1567/oj

    19.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 262/31


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1567

    tat-18 ta' Ottubru 2018

    li jikkoreġi r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/249 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tas-sustanzi tawrina, beta-alanina, L-alanina, L-arġinina, L-aċidu aspartiku, L-istidina, D,L-isolewċina, L-lewċina, L-fenilalanina, L-prolina, D,L-serina, L-tirożina, L-metijonina, L-valina, L-ċisteina, gliċina, glutamat tal-monosodju u L-aċidu glutamiku bħala addittivi fl-għalf għall-ispeċijiet kollha ta' annimali u s-sustanza monoidrat tal-idroklorur tal-L-ċisteina għall-ispeċijiet kollha għajr il-qtates u l-klieb

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-additivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/249 (2) jawtorizza ċerti addittivi tal-għalf bħala ħwawar, inklużi l-gliċina, il-L-ċisteina u l-monoidrat tal-idroklorur tal-L-ċisteina.

    (2)

    Jidher żball fl-Anness tar-Regolament (UE) 2018/249 fl-annotazzjoni għall-gliċina fil-post fejn, fil-kolonna “Dispożizzjonijiet oħra”, huwa ppreċiżat li fuq it-tikketta tal-addittiv għandu jiġi indikat li l-kontenut massimu rakkomandat tas-sustanza attiva ta' għalf komplet b'kontenut ta' ndewwa ta' 12 % għal kull speċi u kategorija oħra, huwa ta' 25 g/kg. Skont l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (3) maħruġa għall-awtorizzazzjoni ta' dan l-addittiv tal-għalf, l-ammont korrett huwa ta' 25 mg/kg.

    (3)

    Jidhru xi żbalji fl-Anness tar-Regolament (UE) 2018/249, fl-annotazzjonijiet għal L-ċisteina u għal idroklorur tal-L-ċisteina rigward il-proċess tal-manifattura tas-sustanza attiva. B'mod partikolari, huwa indikat fil-kolonna “Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku” li s-sustanza attiva hija prodotta bis-sinteżi kimika jew bl-idroliżi tal-proteini. F'din il-parti, ma hemmx indikat li l-idroliżi tal-proteini hija magħmula minn proteini mill-annimali jew mill-ħxejjex, u għalhekk mhuwiex permess l-użu tax-xagħar tal-bniedem li jista' jintuża bħala sors għall-idroliżi biex jipproduċu dan l-addittiv speċifiku.

    (4)

    Id-dispożizzjonijiet żbaljati taw lok għal konfużjoni għall-operaturi tan-negozju tal-għalf fir-rigward tad-dispożizzjonijiet effettivi għat-tqegħid fis-suq tal-addittivi kkonċernati. Din is-sitwazzjoni ħolqot inċertezza legali rigward il-qafas regolatorju applikabbli. Dawk l-iżbalji għalhekk irriżultaw f'xi tfixkil fis-suq marbut mal-mistoqsijiet li tqajmu dwar l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq u mal-użu tal-gliċina, tal-L-ċisteina u tal-monoidrat tal-idroklorur tal-L-ċisteina. Għalhekk jenħtieġ li l-korrezzjonijiet tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/249 japplikaw b'mod retroattiv fil-jum tad-dħul fis-seħħ ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni, sabiex jerġa' jkun hemm iċ-ċertezza legali fir-rigward tal-istatus regolatorju tal-addittivi soġġetti għall-iżbalji, sabiex tiġu evitata kwalunkwe konsegwenza detrimentali għall-operaturi kkonċernati u hekk tinġieb lura l-istabbiltà fis-suq.

    (5)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/249 huwa kkoreġut skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-15 ta' Marzu 2018.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Ottubru 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/249 tal-15 ta' Frar 2018 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tas-sustanzi tawrina, beta-alanina, L-alanina, L-arġinina, L-aċidu aspartiku, L-istidina, D,L-isolewċina, L-lewċina, L-fenilalanina, L-prolina, D,L-serina, L-tirożina, L-metijonina, L-valina, L-ċisteina, gliċina, glutamat tal-monosodju u L-aċidu glutamiku bħala addittivi fl-għalf għall-ispeċijiet kollha ta' annimali u s-sustanza monoidrat tal-idroklorur tal-L-ċisteina għall-ispeċijiet kollha għajr il-qtates u l-klieb ĠU L 53, 23.2.2018, p. 134.

    (3)  EFSA Journal 2014; 12(5):3670


    ANNESS

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/249 huwa kkoreġut kif ġej:

    (1)

    Fl-annotazzoni li tikkonċerna s-sustanza 2b17034 gliċina, il-kolonna “Dispożizzjonijiet oħra” hija kkoreġuta kif ġej:

    (a)

    Il-punt 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “3.

    Fuq it-tikketta tal-addittiv għandu jiġi indikat dan li ġej: ‘Kontenut massimu rakkomandat tas-sustanza attiva ta' għalf komplet b'kontenut ta' ndewwa ta' 12 %:

    20 g/kg għall-qtates u l-klieb;

    25 mg/kg għal speċijiet u kategoriji oħrajn.’”

    (b)

    Il-punt 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “5.

    Il-grupp funzjonali, in-numru ta' identifikazzjoni, l-isem u l-ammont miżjud tas-sustanza attiva għandhom jiġu indikati fuq it-tikkettar tal-materjali tal-għalf u tal-għalf kompost, meta l-kontenut tas-sustanza attiva fl-għalf komplet b'kontenut ta' ndewwa ta' 12 % jaqbeż:

    20 g/kg għall-qtates u l-klieb;

    25 mg/kg għal speċijiet u kategoriji oħrajn.”

    (2)

    Fl-annotazzjoni li tikkonċerna s-sustanza 2b17033 L–Ċisteina, fil-kolonna “Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku” it-test “Prodott bis-sinteżi kimika jew bl-idroliżi tal-proteini” huwa sostitwit bit-test “Prodotta bis-sinteżi kimika jew bl-idroliżi tal-proteini tal-annimali jew veġetali”.

    (3)

    Fl-annotazzjoni li tikkonċerna s-sustanza 2b920 L–ċisteina, fil-kolonna “Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku” it-test “Prodott bis-sinteżi kimika jew bl-idroliżi tal-proteini” huwa sostitwit bit-test “Prodotta bis-sinteżi kimika jew bl-idroliżi tal-proteini tal-annimali jew veġetali”.


    Top