Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0967

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/967 tas-26 ta' April 2018 li jemenda r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 907/2014 fir-rigward tan-nuqqas ta' konformità mal-iskadenzi tal-pagament u fir-rigward tar-rata tal-kambju applikabbli għat-tfassil tad-dikjarazzjonijiet tal-infiq

    C/2018/2420

    ĠU L 174, 10.7.2018, p. 2–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022; Impliċitament imħassar minn 32022R0127

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/967/oj

    10.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 174/2


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/967

    tas-26 ta' April 2018

    li jemenda r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 907/2014 fir-rigward tan-nuqqas ta' konformità mal-iskadenzi tal-pagament u fir-rigward tar-rata tal-kambju applikabbli għat-tfassil tad-dikjarazzjonijiet tal-infiq

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 40 u l-Artikolu 106(6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jistipula li l-pagamenti ta' appoġġ lill-benefiċjarji skont is-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK) iridu jsiru mill-Istati Membri matul perjodu ta' żmien partikolari. Il-pagamenti li ma jkunux saru f'dak il-perjodu mhumiex eliġibbli għal pagamenti mill-Unjoni, u għaldaqstant ma jistgħux jiġu rimborżati mill-Kummissjoni, kif previst fl-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Fir-rigward tal-appoġġ mogħti fil-qafas tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), dawk l-iskadenzi tal-pagament japplikaw għas-sena tat-talba 2019. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi marbuta mal-pagamenti mill-FAEŻR.

    (2)

    Meta wieħed iqis li f'xi każijiet il-pagamenti tas-SIAK mill-FAEŻR ikunu saru mill-Istati Membri wara t-30 ta' Ġunju minħabba verifiki addizzjonali mill-Istati Membri b'rabta ma' talbiet kontenzjużi, appelli u kontroversji ġuridiċi nazzjonali oħra, b'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, jenħtieġ li jiġi stabbilit marġni fiss b'rabta mal-infiq, li fih ma jsir l-ebda tnaqqis tal-pagamenti għal dawn il-każijiet. Barra minn hekk, ladarba dan il-marġni jinqabeż, sabiex jiġi aġġustat l-impatt finanzjarju b'mod proporzjonali mad-dewmien imġarrab fil-pagament, jenħtieġ li jkun hemm dispożizzjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tkun tista' tnaqqas il-pagamenti mill-Unjoni b'mod proporzjonali skont il-perjodu ta' dewmien irreġistrat fil-pagament.

    (3)

    L-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (2) jipprevedi regoli għall-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) fir-rigward ta' tnaqqis proporzjonali għall-pagamenti ta' kull xahar meta l-infiq ikun sar wara d-data tal-iskadenza tal-pagament. Fir-rigward tal-FAEŻR, id-dikjarazzjonijiet tal-infiq u r-rimborżi jsiru darba għal kull trimestru tas-sena. Għal raġunijiet ta' sempliċità u ta' effiċjenza, jenħtieġ li jiġi applikat persentaġġ uniku ta' tnaqqis għall-pagamenti li jsiru tard u li jiġu rimborżati mill-FAEŻR għal kull trimestru.

    (4)

    L-Artikolu 11(2) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 907/2014 jistipula r-rata tal-kambju li trid tintuża mill-Istati Membri li mhumiex parti miż-żona tal-euro għal kull operazzjoni ta' pagament jew ta' rkupru għall-fini tat-tfassil tad-dikjarazzjonijiet tal-infiq tagħhom. Madankollu, id-dikjarazzjonijiet annwali tal-infiq imfassla mill-Istati Membri jinkludu ammonti li ma jinvolvux ir-reġistrazzjoni ta' operazzjoni ta' pagament jew ta' rkupru fil-kontijiet tal-Aġenzija tal-Pagamenti, bħal pereżempju d-dħul assenjat li jirriżulta mill-konsegwenzi finanzjarji ta' nuqqas ta' rkupru, kif previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Għalhekk, jenħtieġ li tkun prevista r-rata tal-kambju applikabbli għal operazzjonijiet għajr dawk speċifikati fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 907/2014.

    (5)

    Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 907/2014 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 907/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    It-titolu tal-Artikolu 5 jinbidel b'dan li ġej:

    “Nuqqas ta' Konformità mal-aħħar skadenza tal-pagament fir-rigward tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija”;

    (2)

    L-Artikolu 5a li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 5:

    “Artikolu 5a

    Nuqqas ta' Konformità mal-aħħar skadenza tal-pagament fir-rigward tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali

    1.   Fir-rigward tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), skont l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, u b'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, l-infiq li jkun sar wara l-iskadenza tal-pagament għandu jkun eliġibbli għall-pagamenti mill-Unjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6 ta' dan l-Artikolu.

    2.   Meta l-infiq li jkun sar wara l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ikun ugwali għal-livell limitu ta' 5 % jew inqas tal-infiq li jkun sar qabel dik l-iskadenza, ma għandu jsir l-ebda tnaqqis tal-pagamenti interim.

    Meta l-infiq li jkun sar wara l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ikun ogħla mil-livell limitu ta' 5 %, kull infiq ieħor li jkun sar tard għandu jitnaqqas għall-perjodi speċifikati fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (*1) b'konformità mar-regoli li ġejjin:

    (a)

    l-infiq li jkun sar bejn l-1 ta' Lulju u l-15 ta' Ottubru tas-sena li fiha skadiet l-iskadenza tal-pagament għandu jitnaqqas b'25 %;

    (b)

    l-infiq li jkun sar bejn is-16 ta' Ottubru u l-31 ta' Diċembru tas-sena li fiha skadiet l-iskadenza tal-pagament għandu jitnaqqas b'60 %;

    (c)

    l-infiq li jkun sar iktar tard mill-31 ta' Diċembru tas-sena li fiha skadiet l-iskadenza tal-pagament għandu jitnaqqas b'100 %.

    3.   B'deroga mill-paragrafu 2, meta l-livell limitu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dak il-paragrafu ma jkunx intuża kollu għall-pagamenti li jkunu saru fir-rigward tas-sena kalendarja N sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru tas-sena N + 1 u dak li jifdal mil-livell limitu jaqbeż it-2 %, dak li jifdal għandu jitnaqqas għal 2 %.

    4.   Meta jkun hemm kundizzjonijiet ta' ġestjoni eċċezzjonali għal ċerti miżuri, jew jekk jiġu ppreżentati raġunijiet iġġustifikati mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tapplika stadji progressivi differenti minn dawk stipulati fil-paragrafi 2 u 3, jew tapplika tnaqqis inferjuri jew ma tapplika l-ebda tnaqqis.

    5.   Il-verifiki dwar il-konformità mal-iskadenza tal-pagament għandhom isiru darba kull sena finanzjarja fir-rigward tal-infiq li jkun sar sal-15 ta' Ottubru.

    Kwalunkwe skadenza tal-pagament li ma tiġix rispettata għandha titqies fid-deċiżjoni ta' approvazzjoni tal-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    6.   It-tnaqqis imsemmi f'dan l-Artikolu għandu jiġi applikat mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni sussegwenti dwar l-approvazzjoni tal-konformità, imsemmija fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    (*1)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta' kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).”"

    (3)

    Fl-Artikolu 11(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Għal operazzjonijiet fejn l-avveniment operattiv ma jkunx ġie stabbilit permezz tal-leġiżlazzjoni agrikola settorjali, ir-rata tal-kambju applikabbli għandha tkun ir-rata tal-kambju ta' qabel tal-aħħar li ġiet stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-aħħar xahar tal-perjodu li għalih jiġu ddikjarati l-infiq jew id-dħul assenjat.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta' April 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

    (2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).


    Top