Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1946

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1946 tal-10 ta' Diċembru 2018 li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel

    ST/14923/2018/INIT

    ĠU L 314, 11.12.2018, p. 62–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1946/oj

    11.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 314/62


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/1946

    tal-10 ta' Diċembru 2018

    li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/740 tas-7 ta' Mejju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/449/PESK (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fis-7 ta' Mejju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/740.

    (2)

    Fil-21 ta' Novembru 2018, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit bis-saħħa tar-Riżoluzzjoni 2206 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti aġġorna l-informazzjoni li tirrigwarda persuna soġġetta għal miżuri restrittivi.

    (3)

    Jenħtieġ għalhekk li l-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 huwa b'dan emendat kif stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Diċembru 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  ĠU L 117, 8.5.2015, p. 52.


    ANNESS

    L-entrata li tikkonċerna l-persuna elenkata hawn taħt hija sostitwita bl-entrata li ġejja:

    “1.

    Gabriel JOK RIAK MAKOL (magħruf ukoll bħala: a) Gabriel Jok b) Jok Riak c) Jock Riak)

    Titlu: Logutenent Ġeneral

    Kariga: a) Eks-Kmandant ta' Sector One tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan (SPLA); b) Kap tal-Forzi tad-Difiża

    Data tat-Twelid: 1 ta' Jannar 1966

    Post tat-twelid: BOR, is-Sudan/is-Sudan t'Isfel

    Nazzjonalità: Sudan t'Isfel

    Nru tal-passaport: Is-Sudan t'Isfel numru D00008623

    Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: M6600000258472

    Indirizz: a) L-Istat ta' Unity, is-Sudan t'Isfel b) Wau, Bahr El Ghazal tal-Punent, is-Sudan t'Isfel

    Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 1 ta' Lulju 2015

    Tagħrif ieħor: Maħtur Kap tal-Forzi tad-Difiża fit-2 ta' Mejju 2018. Ikkmanda lis-Sector One tal-SPLA, li jopera prinċipalment fl-Istat ta' Unity, sa minn Jannar 2013. Fil-pożizzjoni tiegħu bħala kmandant ta' Sector One tal-SPLA, kabbar u estenda l-kunflitt fis-Sudan t'Isfel permezz ta' ksur tal-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet. L-SPLA hija entità militari tas-Sudan t'Isfel li kienet involuta f'azzjonijiet li estendew l-kunflitt fis-Sudan t'Isfel, inkluż il-ksur tal-Ftehim ta' Jannar 2014 dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet u l-Ftehim tad-9 ta' Mejju 2014 biex tiġi Solvuta l-Kriżi fis-Sudan t'Isfel, li kien impenn mill-ġdid lejn is-CoHA, u ostakolat l-attivitajiet tal-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ u Verifika tal-IGAD. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5879060

    Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

    Gabriel Jok Riak ġie elenkat fl-1 ta' Lulju 2015 skont il-paragrafi 7(a), 7(f) u 8 tar-riżoluzzjoni 2206 (2015) għal, ‘azzjonijiet jew politiki li għandhom l-għan jew l-effett li jespandu jew jestendu l-konflitt fis-Sudan t'Isfel jew li jostakolaw it-taħdidiet jew il-proċessi ta' rikonċiljazzjoni jew paċi, inkluż ksur tal-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet’; ‘it-tfixkil tal-attivitajiet ta' missjonijiet internazzjonali, diplomatiċi, jew umanitarji taż-żamma tal-paċi fis-Sudan t'Isfel, inkluż il-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ u Verifika tal-IGAD jew tal-kunsinna jew id-distribuzzjoni ta' għajnuna umanitarja jew l-aċċess għaliha’; u bħala mexxej ‘ta' kwalunkwe entità, inkluż kwalunkwe grupp tal-gvern tas-Sudan t'Isfel, tal-oppożizzjoni, ta' milizzja, jew ta' grupp ieħor, li kien involut, jew li l-membri tiegħu kienu involuti, fi kwalunkwe waħda mill-attivitajiet deskritti fil-paragrafi 6 u 7’.

    Gabriel Jok Riak huwa l-kmandant ta' Sector One tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan (SPLA), entità militari tas-Sudan t'Isfel li kienet involuta f'azzjonijiet li estendew il-kunflitt fis-Sudan t'Isfel, inkluż il-ksur tal-Ftehim ta' Jannar 2014 dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet (CoHA) u l-Ftehim tad-9 ta' Mejju 2014 biex tiġi Solvuta l-Kriżi fis-Sudan t'Isfel (Il-Ftehim ta' Mejju), li kien impenn mill-ġdid lejn is-CoHA.

    Jok Riak ikkmanda lis-Sector One tal-SPLA, li jopera prinċipalment fl-Istat ta' Unity, sa minn Jannar 2013. Id-Diviżjonijiet Tlieta, Erbgħa u Ħamsa tal-SPLA huma subordinati għal Sector One u tall-kmandant tiegħu, Jok Riak.

    Jok Riak u l-forzi ta' Sector One u Three tal-SPLA taħt il-kmand ġenerali tiegħu kienu involuti f'bosta azzjonijiet, kif dettaljati hawn taħt, bi ksur tal-impenji tas-CoHA ta' Jannar 2014 biex jieqfu l-azzjonijiet militari kollha mmirati lejn il-forzi ta' oppożizzjoni, kif ukoll azzjonijiet provokatorji oħra, jiġu ffriżati l-forzi fis-siti attwali tagħhom, u joqogħdu lura minn attivitajiet bħall-moviment ta' forzi jew ir-riforniment ta' munizzjon li jistgħu jwasslu għal konfront militari.

    Il-forzi tal-SPLA taħt il-kmand ġenerali ta' Jok Riak kisru diversi drabi il-ftehim tas-CoHA permezz ta' ostilitajiet evidenti.

    Fl-10 ta' Jannar 2014, forza tal-SPLA taħt il-kmand ġenerali tal-kmandant tas-Sector One Jok Riak ħatfet Bentiu, li kienet tqiegħdet preċedentement taħt il-kontroll tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan fl-Oppożizzjoni (SPLM-IO) mill-20 ta' Diċembru 2013. Id-Diviżjoni Tlieta tal-SPLA għamlet imbuskata u bbumbardjat ġellieda tal-SLPM-IO qrib Leer ftit wara li ġie ffirmat is-CoHA ta' Jannar 2014 u f'nofs April 2014 ħatfu Mayom u qatlu aktar minn 300 truppa tal-SPLM-IO.

    Fl-4 ta' Mejju 2014, forza tal-SPLA mmexxija minn Jok Riak reġgħu ħatfu Bentiu. Fuq it-televiżjoni statali f'Juba, kelliem għall-SPLA stqarr li l-armata tal-gvern taħt il-kmand ta' Jok Riak kienet ħatfet Bentiu fl-erbgħa ta' waranofsinhar, filwaqt li żied jgħid li kienu involuti id-Diviżjoni Tlieta u taskforce speċjali tal-SPLA. Sigħat wara li tħabbar il-Ftehim ta' Mejju, il-forzi tad-Diviżjoni Tlieta u Erbgħa tal-SPLA ġġieldu kontra u reġġgħu lura l-ġellieda tal-oppożizzjoni li aktar kmieni kienu attakkaw il-pożizzjonijiet tal-SPLA qrib Bentiu u fir-reġjuni taż-żejt tat-tramuntana tas-Sudan t'Isfel.

    Ukoll wara l-iffirmar tal-Ftehim ta' Mejju it-truppi tad-Diviżjoni Tlieta tal-SPLA reġgħu ħatfu Wang Kai, u l-kmandant tad-diviżjoni Santino Deng Wol, awtorizza lill-forzi tiegħu biex joqtlu lil kull min ikun qed iġorr fuqu xi arma jew ikun qed jinħeba d-dar, u ordnalhom biex jaħarqu kwalunkwe dar li fiha jkun hemm xi forzi tal-oppożizzjoni.

    Lejn l-aħħar ta' April u Mejju 2015, il-forzi tas-Sector One tal-SPLA mmexxija minn Jok Riak wettqu offensiva militari fuq skala sħiħa kontra l-forzi tal-oppożizzjoni fl-Istat ta' Unity mill-Istat ta' Lakes.

    Bi ksur tat-termini tas-CoHA kif deskritt hawn fuq, Jok Riak allegatament ipprova jsewwi t-tankijiet u jimmodifikahom għall-użu kontra l-forzi tal-oppożizzjoni kmieni f'Settembru 2014. Tard f'Ottubru 2014, mill-inqas 7 000 truppa u armi b'saħħithom tal-SPLA mid-Diviżjoni Tlieta u Ħamsa reġgħu kienu skjerati biex isaħħu t-truppi tad-Diviżjoni Erbgħa li kienu qed iġarrbu l-piż ta' attakk mill-oppożizzjoni qrib Bentiu. F'Novembru 2014, l-SPLA daħħlet tagħmir u armi militari ġodda, inkluż trasportaturi armati tal-persunal, ħelikopters, xkubetti tal-artillerija u munizzjon fil-qasam ta' responsabbiltà tas-Sector One, x'aktarx bi tħejjija għall-ġlied kontra l-oppożizzjoni. Kmieni fi Frar 2015, Jok Riak allegatament ordna li jintbagħtu trasportaturi armati tal-persunal Bentiu, possibbilment biex jirreaġixxu għall-imbuskati reċenti mill-oppożizzjoni.

    Wara l-offensiva ta' April u Mejju 2015 fl-Istat ta' Unity, is-Sector One tal-SPLA ċaħad talbiet mit-Tim ta' Monitoraġġ u Verifika tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD-MVM) f'Bentiu biex jinvestiga dan il-ksur tas-CoHA; b'hekk ċaħħad lill-IGAD-MVM mil-libertà ta' moviment biex iwettaq il-mandat tiegħu.

    Minbarra dan, f'April 2014, Jok Riak espanda l-konflitt fis-Sudan t'Isfel billi allegatament għen biex jarma u jimmobilizza daqs 1 000 żagħżugħ Dinka biex jissupplimentaw il-forzi tradizzjonali tal-SPLA.”


    Top