Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1548

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1548 tal-14 ta' Settembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1509 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

    ĠU L 237, 15.9.2017, p. 39–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1548/oj

    15.9.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 237/39


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2017/1548

    tal-14 ta' Settembru 2017

    li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1509 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1509 (2) jġib fis-seħħ miżuri li huma stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2016/849.

    (2)

    Fil-5 ta' Awwissu 2017, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) adotta r-Riżoluzzjoni 2371 (2017) (“UNSCR 2371 (2017)”) li tesprimi t-tħassib l-aktar serju dwar l-ittestjar nukleari mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (“RDPK”) fit-3 u fit-28 ta' Lulju 2017. Il-KSNU afferma mill-ġdid li l-proliferazzjoni ta' armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi tikkostitwixxi theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u impona miżuri ġodda kontra r-RDPK. Dawk il-miżuri jkomplu jsaħħu l-miżuri restrittivi imposti bil-UNSCRs 1718 (2006), 1874 (2009), 2087(2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016) u 2356 (2017). Fost affarijiet oħra, il-KSNU impona projbizzjonijiet ġodda fejn jidħlu l-esportazzjonijiet ta' frott tal-baħar, ċomb jew mineral taċ-ċomb mir-RDPK, kif ukoll saħħaħ il-miżuri eżistenti għar-rigward tat-trasportazzjoni, il-kummerċ ta' faħam u ħadid u l-ħolqien ta' impriżi konġunti ma' persuni mir-RDPK.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1562 (3) emendat id-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 sabiex jiddaħħlu fis-seħħ il-miżuri l-ġodda imposti bil-UNSCR 2371 (2017).

    (4)

    Dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat u, b'mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.

    (5)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/1509 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) 2017/1509 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 3(2), wara l-ħames subparagrafu jiddaħħlu s-subparagrafi li ġejjin:

    “It-Taqsima VI tal-Anness II għandha tinkludi oġġetti, materjali, tagħmir, prodotti u teknoloġija relatati ma' armi ta' qerda massiva ddeżinjata, skont il-paragrafu 4 tar-Riżoluzzjoni 2371 (2017) tal-KSNU.

    It-Taqsima VII tal-Anness II għandha tinkludi oġġetti, materjali, tagħmir, prodotti u teknoloġija relatati ma' armi ta' qerda massiva ddeżinjata, skont il-paragrafu 5 tar-Riżoluzzjoni 2371 (2017) tal-KSNU.”.

    (2)

    Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   B'deroga mill-punt (e) tal-Artikolu 3(1), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasferiment ta' faħam, dment li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jkunu ddeċidew, fuq il-bażi ta' informazzjoni kredibbli, li l-vjeġġ oriġina barra r-RDPK u ġie ttrasportat minn ġewwa r-RDPK biss għal esportazzjoni mill-Port ta' Rajin (Rason), li l-istat li jesporta jkun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet minn qabel b'tali tranżazzjonijiet, u li t-tranżazzjonijiet ma jkunux relatati mal-ġenerazzjoni ta' introjtu għall-programmi nukleari jew tal-missili ballistiċi tar-RDPK, u attivitajiet oħra pprojbiti mill-UNSCRs 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017) jew 2371(2017), jew minn dan ir-Regolament.”.

    (3)

    Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 16a

    Għandhom ikunu pprojbiti l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasferiment, direttament jew indirettament, mir-RDPK, ta' frott tal-baħar, inkluż ħut, krustaċji, molluski u invertebrati akkwatiċi oħrajn fil-forom kollha, kif elenkat fl-Anness XIa, kemm jekk ikunu joriġinaw mir-RDPK kif ukoll jekk le.

    Artikolu 16b

    Għandhom ikunu pprojbiti l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasferiment, direttament jew indirettament, mir-RDPK, ta' ċomb u ta' minerali taċ-ċomb, kif elenkat fl-Anness XIb, kemm jekk joriġina mir-RDPK kif ukoll jekk le.”.

    (4)

    Fl-Artikolu 17(2), il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(a)

    l-istabbiliment ta' impriża konġunta jew ta' entità kooperattiva ma', jew it-teħid jew l-għoti ta' interessi titolari, inkluż l-akkwist b'mod sħiħ jew l-akkwist ta' ishma u titoli oħrajn ta' natura parteċipattiva fi, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-paragrafu 1;”.

    (5)

    Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 17a

    B'deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 17(2), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-attivitajiet imsemmija f'dak il-punt, dment li l-Istat Membru jkun kiseb l-approvazzjoni bil-quddiem mingħand il-Kumitat tas-Sanzjonijiet, skont il-każ individwali.”.

    (6)

    Fl-Artikolu 21, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “1.   Għandu jkun ipprojbit it-trasferiment ta' fondi, inkluż ikklerjar ta' fondi, lejn u mir-RDPK.”.

    (7)

    Fl-Artikolu 23, l-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 hija sostitwita b'dan li ġej:

    “1.   L-istituzzjonijiet ta' kreditu u dawk finanzjarji għandhom, fl-attivitajiet tagħhom, inkluż fl-ikklerjar ta' fondi, ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u dawk finanzjarji msemmija fl-Artikolu 21(2):”.

    (8)

    Fl-Artikolu 40, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   B'deroga mill-projbizzjoni fl-Artikolu 39(1), meta dik tkun tikkonċerna bastiment fil-kamp ta' applikazzjoni tal-punti (f), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lil dak il-bastiment biex jidħol fil-port jekk il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ta t-tali direzzjoni.

    3.   B'deroga mill-projbizzjoni fl-Artikolu 39(1), meta dan ikun jikkonċerna bastiment fil-kamp ta' applikazzjoni tal-punt (g), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizza li dak il-bastiment biex jidħol fil-port jekk il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun stabbilixxa minn qabel li tali daħla tkun meħtieġa għal skopijiet umanitarji jew għal kwalunkwe skop ieħor konsistenti mal-objettivi tal-UNSCRs 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017) jew 2371 (2017) tal-KSNU.”.

    (9)

    Fl-Artikolu 43, il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(c)

    is-sjieda, il-kiri, l-operat, in-noleġġ, l-assigurazzjoni jew l-għoti ta' servizzi ta' klassifikazzjoni tal-bastimenti jew servizzi assoċjati, lil kwalunkwe bastiment bil-bandiera tar-RDPK;”.

    (10)

    Fl-Artikolu 44, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   B'deroga mill-projbizzjonijiet fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 43, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jistgħu jawtorizzaw is-sjieda, il-kiri, l-operat, in-noleġġ jew l-għoti ta' servizzi ta' klassifikazzjoni tal-bastimenti jew ta' servizzi assoċjati lil kwalunkwe bastiment li jtajjar il-bandiera tar-RDPK, jew ir-reġistrazzjoni, jew iż-żamma fuq ir-reġistru, ta' kwalunkwe bastiment li huwa proprjetà tar-RDPK jew ta' ċittadini tar-RDPK, jew ikkontrollat jew operat minnhom, dment li l-Istat Membru jkun kiseb l-approvazzjoni bil-quddiem mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont il-każ individwali.”.

    (11)

    Fil-punt (b) tal-Artikolu 46, il-kliem “temenda t-Taqsimiet II, III, IV u V tal-Anness II u l-Annessi VI, VII, IX, X u XI” jiġi sostitwit bil-kliem “temenda t-Taqsimiet II, III, IV, V, VI u VII tal-Anness II u l-Annessi VI, VII, IX, X, XI, XIa u XIb”.

    (12)

    It-test fl-Anness I għal dan ir-Regolament jiżdied bħala t-Taqsimiet VI u VII tal-Anness II għar-Regolament (UE) 2017/1509.

    (13)

    It-test fl-Annessi II u III għal dan ir-Regolament jiżdied, rispettivament, bħala l-Annessi XIa u XIb għar-Regolament (UE) 2017/1509.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Settembru 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. ANVELT


    (1)  ĠU L 141, 28.5.2016, p. 79.

    (2)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1509 tat-30 ta' Awwissu 2017 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 (ĠU L 224, 31.8.2017, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1562 tal-14 ta' Settembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ara l-paġna 86 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    ANNESS I

    “TAQSIMA VI

    Oġġetti, materjali, tagħmir, prodotti u teknoloġija marbuta ma' armi ta' qerda massiva, identifikati u ddeżinjati skont il-paragrafu 4 tal-UNSCR 2371 (2017).

    TAQSIMA VII

    Oġġetti, materjali, tagħmir, prodotti u teknoloġija marbuta ma' armi ta' qerda massiva, identifikati u ddeżinjati skont il-paragrafu 5 tal-UNSCR 2371 (2017).”.


    ANNESS II

    ANNESS XIa

    Frott tal-baħar li ssir referenza għalih fl-Artikolu 16a

    NOTA TA' SPJEGAZZJONI

    Il-kodiċijiet tan-nomenklatura ttieħdu min-Nomenklatura Magħquda kif definita fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana u kif stabbilit fl-Anness I tiegħu, li huma validi fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament u, mutatis mutandis, kif emendati bil-leġislazzjoni sussegwenti.

    Kodiċi

    Deskrizzjoni

    03

    Ħut u krustaċji, molluski u invertebrati akkwatiċi oħrajn

    ex 1603

    Estratti u meraq tal-laħam, ħut jew krustaċji, molluski jew invertebrati oħra tal-baħar

    1604

    Ħut preparat jew preservat; kavjal u sostituti tal-kavjal ippreparati mill-bajd tal-ħut

    1605

    Krustaċji, molluski u invertebrati akkwatiċi oħra, preparati jew preservati

    1902 20 10

    Għaġin mimli, imsajjar jew mhux imsajjar jew ippreparat mod ieħor li fih aktar minn 20 % bil-piż tal-ħut, krustaċji, molluski jew invertebrati akkwatiċi oħra.

    ex 1902 20 30

    Għaġin mimli ieħor, li jkun fih ħut, krustaċji, molluski u invertebrati akkwatiċi oħra

    ex 2104

    Sopop u brodi u preparazzjonijiet tagħhom; preparazzjonijiet tal-ikel komposti omoġenizzati, li fihom ħut, krustaċji, molluski u invertebrati akkwatiċi oħra


    ANNESS III

    ANNESS XIb

    Ċomb u minerali taċ-ċomb imsemmija fl-Artikolu 16c

    NOTA TA' SPJEGAZZJONI

    Il-kodiċijiet tan-nomenklatura ttieħdu min-Nomenklatura Magħquda kif definita fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana u kif stabbilit fl-Anness I tiegħu, li huma validi fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament u, mutatis mutandis, kif emendati bil-leġislazzjoni sussegwenti.

    Kodiċi

    Deskrizzjoni

    2607 00 00

    Minerali u konċentrati taċ-ċomb

    7801

    Ċomb mhux maħdum

    7802 00 00

    Skart u fdal ta' ċomb

    7804

    Pjanċi, folji, strixxa u fojl ta' ċomb; trabijiet u laqx taċ-ċomb

    ex 7806 00 00

    Oġġetti oħrajn ta' ċomb

    7806 00 10

    Kontenituri b'kisja ċomb kontra r-radjazzjoni, għall-ġarr jew ħażna ta' materjali radjuattivi

    ex 7806 00 80

    l-oġġetti taċ-ċomb li ġejjin:

    tubi kollassabbli għall-ippakkar tal-kuluri jew ta' prodotti oħra;

    btieti kbar, ġibjuni, krietel u kontenituri simili oħra ħlief dawk taħt 7806 00 10 (għal aċidi jew sustanzi kimiċi oħra), mhux mgħammra b'apparat mekkaniku jew termali;

    piżijiet taċ-ċomb għal xbieki tas-sajd, piżijiet taċ-ċomb għall-ħwejjeġ, purtieri, … eċċ …;

    piżijiet għall-arloġġi, u kontrapiżijiet għal skopijiet ġenerali;

    garżi, marelli u ħbula ta' fibri jew ħjut taċ-ċomb użati għall-ippakkjar jew għall-mili ta' ġonti bejn il-pajpijiet;

    partijiet minn strutturi tal-bini;

    kiljiet tal-jottijiet, pjanċi tas-sider tal-għaddasa;

    anodi tal-elettrodeposizzjoni;

    vireg taċ-ċomb, travi, profili u wajer, appart dawk taħt 7801 ;

    tubi u pajpijiet u fittings tat-tubi jew pajpijiet (pereżempju, igganċjar, liwjiet minkeb, sleeves) taċ-ċomb.


    Top