Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0493

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/493 tal-21 ta' Marzu 2017 dwar ir-rilaxx ta' garanziji b'rabta mal-kwoti tariffarji ta' importazzjoni tal-Unjoni għal-laħam tat-tjur li joriġina mill-Ukrajna amministrati mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2078

C/2017/1732

ĠU L 76, 22.3.2017, pp. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/493/oj

22.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 76/16


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/493

tal-21 ta' Marzu 2017

dwar ir-rilaxx ta' garanziji b'rabta mal-kwoti tariffarji ta' importazzjoni tal-Unjoni għal-laħam tat-tjur li joriġina mill-Ukrajna amministrati mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2078

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-punti (a), (c) u (d) tal-Artikolu 187 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2078 (2) jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji ta'importazzjoni tal-Unjoni għal-laħam tat-tjur li joriġina mill-Ukrajna.

(2)

Wara l-konferma tat-30 ta' Novembru 2016 rigward il-preżenza tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja (HPAI) fil-pollam fit-territorju tal-Ukrajna u b'konformità mar-rekwiżiti skont liema l-pajjiżi jiġu kkunsidrati bħala ħielsa mill-HPAI skont kif stipulat fl-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 (3), it-territorju tal-Ukrajna ma setax jitqies bħala ħieles minn dik il-marda. Minħabba f'hekk, l-awtoritajiet tal-Ukrajna ma setgħux joħorġu ċ-ċertifikati veterinarji meħtieġa għall-esportazzjoni ta' pollam u ta' prodotti ta' pollam lejn l-Unjoni.

(3)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni li ġiet ippreżentata mill-Ukrajna, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/193 (4) emenda, inter alia, ir-Regolament (KE) Nru 798/2008 sabiex ir-restrizzjonijiet fuq l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni ta' pollam u ta' prodotti tal-pollam jiġu limitati biss għaż-żoni fl-Ukrajna milquta mill-HPAI. Għalhekk, mis-7 ta' Frar 2017 l-awtoritajiet tal-Ukrajna setgħu joħorġu ċertifikati veterinarji għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta' pollam u ta' prodotti tal-pollam miż-żoni mhux milquta mill-HPAI.

(4)

Minħabba f'hekk, l-operaturi li kisbu d-drittijiet tal-importazzjoni u l-liċenzji tal-importazzjoni għall-importazzjoni tal-laħam tat-tjur fi ħdan il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni msemmija fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2078 għall-perjodu ta' kwota tariffarja mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2016 ma setgħux jiksbu l-prodotti mit-30 ta' Novembru 2016 sal-31 ta' Diċembru 2016. Barra minn hekk, l-operaturi li kisbu d-drittijiet tal-importazzjoni għall-kwota tariffarja għas-subperjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Marzu 2017 iridu jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu l-prodotti, minħabba li huwa impossibbli li jibqgħu jimportaw wara s-7 ta' Frar 2017 u minħabba l-fatt li r-restrizzjonijiet għal ċerti żoni fl-Ukrajna għadhom fis-seħħ.

(5)

Minħabba f'hekk, jeħtieġ li taħt ċertu kundizzjonijiet jiġu rilaxxati l-garanziji ppreżentati b'rabta ma' dawk id-drittijiet tal-importazzjoni u mal-liċenzji tal-importazzjoni sussegwenti li ma kinux intużaw sal-31 ta' Diċembru 2016, u b'rabta ma' dawk id-drittijiet tal-importazzjoni li ma ntużawx sal-31 ta' Diċembru 2017.

(6)

Peress li din il-miżura tista' tikkonċerna l-garanziji ppreżentati fi tmiem l-2015 jew fil-bidu tal-2016, l-operaturi għandhom ikunu jistgħu jitolbu r-rilaxx mill-aktar fis possibbli. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Rilaxx ta' garanziji b'rabta mal-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2016

1.   Fuq talba tal-operaturi kkonċernati, il-garanziji b'rabta mad-drittijiet tal-importazzjoni u l-liċenzji tal-importazzjoni ppreżentati skont l-Artikoli 3(2) u 4(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2078, rispettivament, għandhom jiġu rilaxxati bil-kundizzjoni li drittijiet jew liċenzji tal-importazzjoni jkunu ntużaw biss parzjalment jew ma jkunu ntużaw xejn sal-31 ta' Diċembru 2016.

2.   Il-garanziji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rilaxxati proporzjonalment lid-drittijiet u l-liċenzji tal-importazzjoni li ma ntużawx sal-31 ta' Diċembru 2016.

Artikolu 2

Rilaxx ta' garanziji b'rabta mal-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2017

1.   Fuq talba tal-operaturi kkonċernati, il-garanziji marbutin mad-drittijiet tal-importazzjoni mogħtija b'rabta mas-subperjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Marzu 2017, ippreżentati skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2078, għandhom jiġu rilaxxati bil-kundizzjoni li d-drittijiet tal-importazzjoni jkunu ntużaw biss parzjalment jew ma jkunu ntużaw xejn sal-31 ta' Diċembru 2017.

2.   Il-garanziji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rilaxxati proporzjonalment lid-drittijiet tal-importazzjoni li ma jkunux intużaw sal-31 ta' Diċembru 2017.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2078 tat-18 ta' Novembru 2015 li jiftaħ u fih previst l-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji tal-importazzjoni tal-Unjoni għal-laħam tat-tjur li joriġina fl-Ukrajna (ĠU L 302, 19.11.2015, p. 63).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 tat-8 ta' Awwissu 2008 li jistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti li minnhom jistgħu jiġu impurtati u jsir tranżitu ta' tjur u prodotti tat-tjur fil-Komunità u r-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 226, 23.8.2008, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/193 tat-3 ta' Frar 2017 li jemenda l-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE u l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008 dwar l-annotazzjonijiet għall-Ukrajna fil-listi tal-pajjiżi terzi li minnhom l-introduzzjoni ta' ċerti prodotti lejn l-Unjoni hija awtorizzata fir-rigward tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja (ĠU L 31, 4.2.2017, p. 13).


Top