Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D2164

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2164 tas-17 ta' Novembru 2017 dwar ir-rikonoxximent tal-iskema volontarja msejħa “RTRS EU RED” biex tintwera l-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2017/7528

ĠU L 304, 21.11.2017, pp. 53–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/12/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/2164/oj

21.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/53


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2164

tas-17 ta' Novembru 2017

dwar ir-rikonoxximent tal-iskema volontarja msejħa “RTRS EU RED” biex tintwera l-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (1), u b'mod partikulari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7c(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (2), u b'mod partikulari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(4) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikoli 7b u 7c u l-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikoli 17 u 18 u l-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE jistipulaw kriterji simili tas-sostenibbiltà għall-bijofjuwils u għall-bijolikwidi, u proċeduri simili għall-verifika tal-konformità tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi ma' dawk il-kriterji.

(2)

Meta l-bijofjuwils u l-bijolikwidi jkunu jridu jitqiesu għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2009/28/KE, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikjedu li l-operaturi ekonomiċi juru li l-bijofjuwils u l-bijolikwidi jkunu konformi mal-kriterji tas-sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) ta' dik id-Direttiva.

(3)

Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li l-iskemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards għall-produzzjoni tal-prodotti tal-bijomassa fihom dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE, u/jew li dawn juru li l-konsenji tal-bijofjuwils jew tal-bijolikwidi jikkonformaw mal-kriterji tas-sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(3), (4) u (5), u/jew li l-ebda materjal ma nbidel jew ma twarrab apposta sabiex il-konsenja jew parti minnha tkun tista' taqa' taħt l-Anness IX. Meta operatur ekonomiku jagħti provi jew jipprovdi dejta miksuba skont skema volontarja rikonoxxuta mill-Kummissjoni, safejn ikun kopert bid-deċiżjoni tar-rikonoxximent, Stat Membru ma għandux jitlob lill-fornitur jipprovdi aktar evidenza ta' konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà.

(4)

It-talba biex jiġi rikonoxxut li l-iskema volontarja msejħa “RTRS EU RED” turi li l-konsenji tal-bijofjuwils jikkonformaw mal-kriterji tas-sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttiva 98/70/KE u fid-Direttiva 2009/28/KE tressqet lill-Kummissjoni fl-14 ta' Ġunju 2017. L-iskema, li hija bbażata fi Ciudad de la Paz 353, PISO3 OF 307. C1426AGE Buenos Aires, fl-Arġentina, tkopri l-bijofjuwils prodotti mis-sojja. Jenħtieġ li d-dokumenti tal-iskema rikonoxxuta jkunu disponibbli fil-pjattaforma ta' trasparenza stabbilita skont id-Direttiva 2009/28/KE.

(5)

Hija u tivvaluta l-iskema volontarja msejħa “RTRS EU RED”, il-Kummissjoni sabet li din tkopri kif xieraq il-kriterji kollha ta' sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttiva 98/70/KE u fid-Direttiva 2009/28/KE, u wkoll li din tapplika metodoloġija ta' bilanċ tal-massa skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE.

(6)

Mill-valutazzjoni tal-iskema volontarja msejħa “RTRS EU RED” irriżulta li din tilħaq standards xierqa ta' affidabbiltà, ta' trasparenza u ta' awditjar indipendenti, u wkoll li hija tikkonforma mar-rekwiżiti metodoloġiċi stabbiliti fl-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u fl-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijofjuwils u tal-Bijolikwidi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iskema volontarja msejħa “RTRS EU RED” (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-iskema”), li tressqet lill-Kummissjoni fl-14 ta' Ġunju 2017 għar-rikonoxximent, turi li l-konsenji tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi prodotti skont l-istandards għall-produzzjoni tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi stabbiliti fl-iskema jikkonformaw mal-kriterji tas-sostenibbiltà kif stabbiliti fl-Artikolu 7b(3), (4) u (5) tad-Direttiva 98/70/KE u fl-Artikolu 17(3), (4) u (5) tad-Direttiva 2009/28/KE.

L-iskema tinkludi wkoll dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE.

Artikolu 2

Jekk il-kontenut tal-iskema, kif imressaq lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent fl-14 ta' Ġunju 2017, jinbidel b'tali mod li jista' jaffettwa l-bażi ta' din id-Deċiżjoni, dan it-tibdil għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni minnufih. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-tibdil innotifikat biex tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha tkopri kif xieraq il-kriterji tas-sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet rikonoxxuta jew le.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni tista' tħassar din id-Deċiżjoni, fost l-oħrajn, fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a)

jekk ikun intwera biċ-ċar li l-iskema ma tkunx implimentat elementi meqjusa bħala deċiżivi għal din id-Deċiżjoni jew jekk ikun twettaq ksur serju u strutturali ta' dawk l-elementi;

(b)

jekk l-iskema ma tibgħatx rapporti annwali lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7c(6) tad-Direttiva 98/70/KE u skont l-Artikolu 18(6) tad-Direttiva 2009/28/KE;

(c)

jekk l-iskema ma timplimentax l-istandards tal-awditjar indipendenti speċifikati fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7c(5) tad-Direttiva 98/70/KE u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 18(5) tad-Direttiva 2009/28/KE jew ma ttejjibx l-elementi l-oħrajn tal-iskema meqjusa bħala deċiżivi għall-issuktar tar-rikonoxximent.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika sat-12 ta' Diċembru 2022.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.

(2)   ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.


Top