Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0841

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/841 tas-27 ta' Mejju 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 329/2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

    ĠU L 141, 28.5.2016, p. 36–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2017; Impliċitament imħassar minn 32017R1509

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/841/oj

    28.5.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 141/36


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2016/841

    tas-27 ta' Mejju 2016

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 329/2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fis-27 ta' Mejju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 (2) jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni (PESK) 2016/849.

    (3)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 tipprojbixxi l-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment lejn ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (il-“Korea ta' Fuq”) ta' aktar oġġetti, materjali u tagħmir relatat ma' oġġetti u teknoloġija b'użu doppju. Hija tipprojbixxi wkoll it-trasferimenti ta' fondi lejn u mill-Korea ta' Fuq sakemm ma jkunux speċifikament awtorizzati minn qabel, kif ukoll l-investiment mill-Korea ta' Fuq u ċ-ċittadini tagħha fit-territorji taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri u l-investiment minn ċittadini jew entitajiet tal-Unjoni fil-Korea ta' Fuq. Barra minn hekk, hija tipprojbixxi lil kwalunkwe inġenju tal-ajru operat minn trasportaturi mill-Korea ta' Fuq jew li joriġina mill-Korea ta' Fuq milli jinżel, jitlaq jew itir minn fuq it-territorju tal-Istati Membri, kif ukoll lil kwalunkwe bastiment li huwa proprjetà, operat jew b'ekwipaġġ mill-Korea ta' Fuq milli jidħol fil-portijiet tal-Istati Membri. Hija tintroduċi projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' oġġetti ta' lussu mill-Korea ta' Fuq, kif ukoll projbizzjonijiet fuq il-forniment ta' appoġġ finanzjarju għal kummerċ mal-Korea ta' Fuq. Ġiet introdotta wkoll eżenzjoni, għall-kuntratti li saru qabel, mill-obbligu li jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni u entitajiet mill-Korea ta' Fuq.

    (4)

    Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 għandu jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 1, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “10.

    ‘servizzi ta’ investiment' tfisser is-servizzi u l-attivitajiet li ġejjin:

    (a)

    ir-riċezzjoni u t-trasmissjoni ta' ordnijiet rigward strument finanzjarju wieħed jew iktar;

    (b)

    l-eżekuzzjoni ta' ordnijiet f'isem il-klijenti;

    (c)

    in-negozjar fl-isem proprju;

    (d)

    il-ġestjoni ta' portafoll;

    (e)

    konsulenza dwar l-investiment;

    (f)

    is-sottoskrizzjoni ta' strumenti finanzjarji u/jew it-tqegħid ta' strumenti finanzjarji fuq bażi ta' impenn irrevokabbli;

    (g)

    it-tqegħid ta' strumenti finanzjarji mingħajr bażi ta' impenn irrevokabbli;

    (h)

    kwalunkwe servizz relatat mal-ammissjoni għan-negozjar f'suq regolat jew negozjar f'faċilità multilaterali tan-negozjar;

    11.

    ‘trasferiment ta’ fondi' tfisser:

    (a)

    kwalunkwe tranżazzjoni magħmula f'isem il-pagatur permezz ta' fornitur ta' servizzi ta' pagament, b'mezzi elettroniċi, bil-ħsieb li jqiegħed fondi għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju għand fornitur ta' servizzi ta' pagament, irrispettivament jekk il-pagatur u l-benefiċjarju jkunux l-istess persuna;

    (b)

    kwalunkwe tranżazzjoni b'mezzi mhux elettroniċi, bħal flus kontanti, ċekkijiet jew ordnijiet ta' kontabbiltà, bil-ħsieb li fondi jsiru disponibbli lill-benefiċjarju irrispettivament minn jekk dak li jħallas u dak li jitħallas ikunux l-istess persuna;

    12.

    ‘benefiċjarju’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun ir-riċevitur previst tat-trasferiment tal-fondi;

    13.

    ‘pagatur’ tfisser persuna li jkollha kont tal-pagamenti u tippermetti trasferiment ta' flus minn dak il-kont tal-pagamenti, jew, fejn ma jkun hemm ebda kont tal-pagamenti, li tagħti ordni għat-trasferiment ta' fondi;

    14.

    ‘fornitur ta' servizzi ta' pagament’ tfisser il-kategoriji ta' fornitur ta' servizzi ta' pagament imsemmijin fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jibbenefikaw minn eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 26 tad-Direttiva 2007/64/KE u persuni ġuridiċi li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**), li jipprovdu servizzi għat-trasferiment ta' fondi.

    (*)  Id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1)."

    (**)  Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).”."

    (2)

    fl-Artikolu 2, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “4.   Għandu jkun ipprojbit:

    (a)

    l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasferimentta' deheb, mineral tat-titanju, mineral tal-vanadju u minerali rari mill-art, kif elenkat fl-Anness Ic, jew ta' faħam, ħadid u mineral tal-ħadid, kif elenkat fl-Anness Id, mill-Korea ta' Fuq, kemm jekk joriġinaw mill-Korea ta' Fuq kemm jekk le;

    (b)

    l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasferiment mill-Korea ta' Fuq ta' prodotti petrolifiċi, kif elenkat fl-Anness If, kemm jekk joriġinaw fil-Korea ta' Fuq, kemm jekk le;

    (c)

    il-parteċipazzjoni, konxja u b'intenzjoni, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun iċ-ċirkumvenzjoni tal-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b).

    L-Anness Ic għandu jinkludi d-deheb, il-mineral tat-titanju, il-mineral tal-vanadju u l-minerali rari mill-art imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 4.

    L-Anness Id għandu jinkludi l-faħam, il-ħadid u l-mineral tal-ħadid imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 4.

    L-Anness If għandu jinkludi l-prodotti petrolifiċi msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 4.”.

    (3)

    L-Artikolu 3a huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 3a

    1.   B'deroga mill-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1), l-awtorità kompetenti rilevanti ta' Stat Membru, kif indikat fis-siti web elenkati fl-Anness II, tista' tawtorizza, taħt dawk it-termini u l-kondizzjonijiet li hija tqis xierqa, il-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni direttament jew indirettament tal-oġġetti u t-teknoloġija, inkluż is-software, imsemmija fl-Artikolu 2(1) jew l-assistenza jew s-servizzi ta' senserija msemmija fl-Artikolu 3(1), dment li l-oġġetti u t-teknoloġija, l-assistenza jew is-servizzi ta' senserija jkunu għall-finijiet ta' ikel, ta' agrikoltura, mediċi jew finijiet umanitarji oħrajn.

    2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni fi żmien erba' ġimgħat bl-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont dan l-Artikolu.

    3.   B'deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 2(1) u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 3(1), l-awtorità rilevanti kompetenti tal-Istat Membru, kif indikat fis-siti web elenkati fl-Anness II, tista' tawtorizza t-tranżazzjonijiet imsemmija hemmhekk taħt dawk il-kondizzjonijiet li hija tqis xierqa u dment li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ikun approva t-talba

    4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe talba għall-approvazzjoni li huwa jkun ippreżenta lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU skont il-paragrafu 3.”.

    (4)

    L-Artikolu 3b huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 3b

    1.   Flimkien mal-obbligu li l-awtoritajiet doganali kompetenti jiġu pprovduti bl-informazzjoni ta' qabel il-wasla u wara t-tluq kif stabbilit fid-dispożizzjonijiet rilevanti li jirrigwardaw id-dikjarazzjonijiet sommarji tad-dħul u l-ħruġ flimkien mad-dikjarazzjonijiet tad-dwana Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***), Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (****) u Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2447 (*****), il-persuna li tipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandha tiddikjara jekk l-oġġetti humiex koperti mil-Lista Komuni tal-UE ta' Tagħmir Militari jew minn dan ir-Regolament u, meta l-esportazzjoni tagħhom tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni, tispeċifika l-oġġetti u t-teknoloġija koperti mil-liċenzja tal-esportazzjoni mogħtija.

    2.   L-elementi addizzjonali meħtieġa msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jiġu ppreżentati bl-użu ta' dikjarazzjoni doganali jew, fin-nuqqas ta' tali dikjarazzjoni, fi kwalunkwe forma miktuba, kif xieraq.

    (***)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1)."

    (****)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343 29.12.2015, p. 1)."

    (*****)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343 29.12.2015, p. 558).”."

    (5)

    L-Artikolu 3c jitħassar.

    (6)

    L-Artikolu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 4

    1.   Għandu jkun ipprojbit:

    (a)

    il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta' oġġetti ta' lussu lejn il-Korea ta' Fuq, kif elenkat fl-Anness III;

    (b)

    ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasferiment mill-Korea ta' Fuq, direttament jew indirettament, ta' oġġetti ta' lussu, kif elenkat fl-Anness III, kemm jekk joriġinaw mill-Korea ta' Fuq, kemm jekk le;

    (c)

    il-parteċipazzjoni, konxja u b'intenzjoni, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun iċ-ċirkumvenzjoni tal-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b).

    2.   B'deroga mill-punt (b) tal-paragrafu 1, il-projbizzjoni msemmija fih ma għandhiex tapplika għal oġġetti personali tal-vjaġġaturi jew għal oġġetti ta' natura mhux kummerċjali għall-użu personali tal-vjaġġaturi li jkunu jinsabu fil-valiġġi tagħhom.

    3.   Il-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal oġġetti li huma neċessarji għal finijiet uffiċjali ta' missjonijiet diplomatiċi jew konsulari ta' Stat Membru fil-Korea ta' Fuq jew ta' organizzazzjonijiet internazzjonali li jgawdu minn immunitajiet f'konformità mal-liġi internazzjonali, jew għall-oġġetti personali tal-persunal tagħhom.

    4.   L-awtorità kompetenti rilevanti ta' Stat Membru, kif indikat fis-siti web elenkati fl-Anness II, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, tranżazzjoni fir-rigward ta' oġġetti msemmija fil-punt 17 tal-Anness III, dment li l-oġġetti jkunu għal finijiet umanitarji.”.

    (7)

    L-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 5

    1.   Merkanzija fl-Unjoni jew fi tranżitu fl-Unjoni, inkluż f'ajruporti, f'portijiet ħielsa u f'żoni ħielsa, kif imsemmi fl-Artikoli 243 sa 249 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, tkun soġġetta għal spezzjoni biex jiġi żgurat li ma jkunx fiha oġġetti pprojbiti mir-Riżoluzzjonijiet 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013) jew 2270 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew minn dan ir-Regolament fejn:

    (a)

    il-merkanzija toriġina mill-Korea ta' Fuq;

    (b)

    il-merkanzija hija destinata għall-Korea ta' Fuq;

    (c)

    is-senserija tal-merkanzija tkun saret, jew il-merkanzija tkun ġiet iffaċilitata mill-Korea ta' Fuq jew minn ċittadini tagħha, jew minn individwi jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew minn entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom;

    (d)

    is-senserija tal-merkanzija tkun saret jew il-merkanzija tkun ġiet iffaċilitata minn persuni, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness IV;

    (e)

    il-merkanzija tkun qed tiġi ttrasportata fuq bastiment bil-bandiera tal-Korea ta' Fuq jew f'inġenju tal-ajru rreġistrat fil-Korea ta' Fuq, jew fuq bastiment jew inġenju tal-ajru li jkun mingħajr nazzjonalità.

    2.   Meta l-merkanzija ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni tal-paragrafu 1, il-merkanzija fl-Unjoni jew fi tranżitu fl-Unjoni, inkluż f'ajruporti, f'portijiet u f'żoni ħielsa, għandha tkun soġġetta għal spezzjoni meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jaħseb li jista' jkun fiha oġġetti li l-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom hija pprojbita minn dan ir-Regolament fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    (a)

    il-merkanzija toriġina mill-Korea ta' Fuq;

    (b)

    il-merkanzija hija destinata għall-Korea ta' Fuq; jew

    (c)

    is-senserija tal-merkanzija tkun saret, jew il-merkanzija tkun ġiet iffaċilitata mill-Korea ta' Fuq jew minn ċittadini tagħha, jew minn individwi jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom.

    3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-invjolabbiltà u l-protezzjoni tal-basktijiet diplomatiċi u konsulari previsti fil-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi tal-1961 u l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-1963.

    4.   Il-forniment ta' servizzi ta' trażbord jew ta' servizzi ta' forniment għall-bastimenti, jew xi servizzi oħra għall-bastimenti, lil bastimenti tal-Korea ta' Fuq huwa pprojbit fejn il-fornituri tas-servizz ikollhom informazzjoni, inkluż mingħand l-awtoritajiet kompetenti tad-dwana fuq il-bażi tal-informazzjoni ta' qabel il-wasla u ta' qabel it-tluq imsemmija fl-Artikolu 3a(1), li tipprovdi bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li l-bastimenti qed iġorru oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti minn dan ir-Regolament, sakemm il-forniment ta' dawn is-servizzi ma jkunx neċessarju għal finijiet umanitarji.”.

    (8)

    jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 5b

    1.   Għandu jkun ipprojbit, fit-territorju tal-Unjoni, li jiġi aċċettat jew approvat investiment fi kwalunkwe attività kummerċjali meta dan l-investiment isir minn:

    (a)

    persuni, entitajiet jew korpi tal-Gvern tal-Korea ta' Fuq;

    (b)

    il-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea;

    (c)

    ċittadini tal-Korea ta' Fuq;

    (d)

    persuni ġuridiċi, korpi jew entitajiet inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi tal-Korea ta' Fuq;

    (e)

    persuni, entitajiet jew korpi li jaġixxu f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom;

    (f)

    persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom.

    2.   Għandu jkun ipprojbit:

    (a)

    l-istabbiliment ta' impriżi konġunti ma', jew it-teħid jew l-għoti ta' interessi titolari, inkluż l-akkwist b'mod sħiħ u l-akkwist ta' ishma u titoli oħrajn ta' natura parteċipattiva, fi kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-punti (a) sa (f) tal-paragrafu 1 li huma involuti f'attivitajiet jew programmi tal-Korea ta' Fuq relatati man-nuklear, mal-missili ballistiċi jew ma' armi oħra ta' qerda massiva, jew attivitajiet fis-settur tal-minjieri, ir-raffinament jew l-industriji kimiċi;

    (b)

    l-għoti ta' finanzjament jew ta' assistenza finanzjarja lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-punti (d) sa (f) tal-paragrafu 1 jew għall-iskop dokumentat ta' finanzjament ta' tali persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi;

    (c)

    l-għoti ta' servizzi ta' investiment marbuta direttament mal-attivitajiet imsemmija fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu.

    Artikolu 5c

    1.   It-trasferiment ta' fondi lejn u mill-Korea ta' Fuq għandu jkun ipprojbit, dment li ma jikkonċernax tranżazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.

    2.   Għandu jkun ipprojbit għal istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 16 li jidħlu, jew ikomplu jipparteċipaw fi kwalunkwe tranżazzjoni ma':

    (a)

    istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji domiċiljati fil-Korea ta' Fuq;

    (b)

    fergħat jew sussidjarji, li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 16, ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji domiċiljati fil-Korea ta' Fuq, kif elenkat fl-Anness VI;

    (c)

    fergħat jew sussidjarji li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 16 tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji domiċiljati fil-Korea ta' Fuq, kif elenkat fl-Anness VI;

    (d)

    istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji li la huma domiċiljati fil-Korea ta' Fuq u lanqas ma jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 16, iżda li huma kkontrollati minn persuni, entitajiet jew korpi domiċiljati fil-Korea ta' Fuq, kif elenkat fl-Anness VI,

    dment li dawn it-tranżazzjonijiet ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-paragrafu 3 u ġew awtorizzati skont il-punt (a) tal-paragrafu 4, jew ma jeħtiġux awtorizzazzjoni skont il-punt (b) tal-paragrafu 4.

    3.   It-tranżazzjonijiet li ġejjin jistgħu jiġu awtorizzati skont il-paragrafu 4:

    (a)

    tranżazzjonijiet rigward oġġetti tal-ikel, il-kura tas-saħħa jew tagħmir mediku, jew għal finijiet agrikoli jew umanitarji;

    (b)

    tranżazzjonijiet rigward rimessi personali;

    (c)

    tranżazzjonijiet rigward l-eżekuzzjoni tal-eżenzjonijiet previsti f'dan ir-Regolament;

    (d)

    tranżazzjonijiet marbuta ma' kuntratt kummerċjali speċifiku mhux ipprojbit minn dan ir-Regolament;

    (e)

    tranżazzjonijiet marbuta ma' missjoni diplomatika jew konsulari jew organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet skont il-liġi internazzjonali, safejn tali tranżazzjonijiet ikunu maħsubin biex jintużaw għal skopijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew ta' organizzazzjoni internazzjonali;

    (f)

    tranżazzjonijiet li jkunu meħtieġa esklussivament għall-implimentazzjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha għal skopijiet ta' żvilupp li jindirizzaw b'mod dirett il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni ċivili jew il-promozzjoni tad-denuklearizzazzjoni.

    (g)

    tranżazzjonijiet marbuta ma' pagamenti biex jiġu ssodisfati pretensjonijiet kontra l-Korea ta' Fuq, ċittadini tagħha jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi tal-Korea ta' Fuq, u tranżazzjonijiet ta' natura simili li ma jikkontribwixxux għall-attivitajiet ipprojbiti minn dan ir-Regolament, każ b'każ u jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni ta' mill-inqas għaxart ijiem bil-quddiem mill-għoti tal-awtorizzazzjoni.

    4.   It-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 li jinvolvu t-trasferimenti ta' fondi lejn u mill-Korea ta' Fuq għal ammonti:

    (a)

    'il fuq minn EUR 15 000 jew ekwivalenti għandhom jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru, kif indikat fuq is-sit web elenkati fl-Anness II għal dan ir-Regolament:

    (b)

    ta' EUR 15 000 jew inqas jew ekwivalenti ma għandhomx ikollhom bżonn awtorizzazzjoni minn qabel.

    5.   L-ebda awtorizzazzjoni minn qabel ma għandha tkun meħtieġa għal tranżazzjoni jew trasferiment ta' fondi li huma neċessarji għall-finijiet uffiċjali ta' missjoni diplomatika jew konsulari ta' Stat Membru jew ta' organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi minn immunitajiet fil-Korea ta' Fuq f'konformità mal-liġi internazzjonali.

    6.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-punti (a) tal-paragrafu 4.

    7.   Għal tranżazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-paragrafu3, l-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji msemmija fl-Artikolu 16 għandhom, fl-attivitajiet tagħhom ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu2:

    (a)

    japplikaw miżuri ta' diliġenza dovuta tal-konsumaturi stabbiliti skont l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (******);

    (b)

    jiżguraw konformità mal-proċeduri ta' kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu stabbiliti skont id-Direttiva 2005/60/KE u r-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*******);

    (c)

    jitolbu li l-informazzjoni dwar il-pagaturi li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi tingħata kif meħtieġ skont ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006, kif ukoll informazzjoni dwar il-benefiċjarji, bħall-isem tal-benefiċjarju u n-numru tal-kont ta' pagament tal-benefiċjarju, u, fejn applikabbli, identifikatur uniku tat-tranżazzjoni, u jirrifjutaw li jipproċessaw it-tranżazzjoni jekk xi informazzjoni minn din tkun nieqsa jew mhux sħiħa;

    (d)

    iżżomm rekords tat-tranżazzjonijiet skont il-punt (b) tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2005/60/KE;

    (e)

    fejn ikun hemm raġunijiet raġonevoli ta' suspett li l-fondi jistgħu jikkontribwixxu għal attivitajiet jew programmi tal-Korea ta' Fuq relatati man-nuklear, mal-missili ballistiċi jew ma' armi oħra ta' qerda massiva (“finanzjament tal-proliferazzjoni”), jinformaw minnufih lill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja (FIU) kif definit mid-Direttiva 2005/60/KE jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra maħtura mill-Istat Membru kkonċernat, kif indikat fis-siti web elenkati fl-Anness II, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(1) jew 6;

    (f)

    jirrapportaw minnufih kwalunkwe tranżazzjoni suspettuża, inklużi tentattivi ta' tranżazzjonijiet;

    (g)

    ma jwettqux tranżazzjonijiet li huma raġonevolment jissuspettaw li jistgħu jkunu relatati mal-finanzjament tal-proliferazzjoni sakemm ikunu wettqu l-azzjoni meħtieġa f'konformità mal-punt (e) u jkunu kkonformaw ma' kwalunkwe struzzjoni minn FIU jew l-awtorità kompetenti rilevanti.

    Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, il-FIU, jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra li sservi bħala ċentru nazzjonali għar-riċeviment u l-analiżi tar-rapporti ta' tranżazzjonijiet suspettużi, għandha tirċievi r-rapporti dwar il-finanzjament potenzjali tal-proliferazzjoni u għandu jkollha aċċess, direttament jew indirettament, fuq bażi fil-pront għall-informazzjoni finanzjarja, amministrattiva u tal-infurzar tal-liġi li hija tkun teħtieġ biex twettaq din il-funzjoni sew, inkluża l-analiżi tar-rapporti ta' tranżazzjonijiet suspettużi.

    8.   Ir-rekwiżit għal awtorizzazzjoni minn qabel fil-paragrafu 3 għandu japplika indipendentement minn jekk it-trasferiment tal-fondi jkunx eżegwit f'operazzjoni waħda jew f'diversi operazzjonijiet li jidhru li jkunu marbutin ma' xulxin. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “l-operazzjonijiet li jidhru li jkunu marbutin ma' xulxin” jinkludu:

    (a)

    sensiela ta' trasferimenti konsekuttivi minn jew lejn l-istess istituzzjonijiet ta' kreditu jew finanzjarji fil-kamp ta' applikazzjoni tal-paragrafu 2, jew minn jew lejn l-istess persuna, entità jew korp mill-Korea ta' Fuq li jsiru b'konnessjoni ma' obbligu wieħed ta' trasferiment ta' fondi, fejn kull trasferiment individwali jaqa' taħt EUR 15 000 iżda li, fl-aggregat, jissodisfaw il-kriterji għall-awtorizzazzjoni;

    (b)

    katina ta' trasferimenti li jinvolvu fornituri differenti ta' servizzi ta' pagament jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi li hija relatata ma' obbligu wieħed biex isir trasferiment ta' fondi.

    9.   Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konxja u b'intenzjoni, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun iċ-ċirkumvenzjoni tal-projbizzjonijiet imsemmija f'dan l-Artikolu.

    (******)  Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15)."

    (*******)  Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi (ĠU L 345, 8.12.2006, p. 1).”."

    (9)

    L-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 8

    1.   B'deroga mill-Artikolu 6, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikati fis-siti web elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi friżati, jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-soġġett ta' deċiżjoni ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel id-data li fiha ġiet indikata l-persuna, l-entità jew il-korp imsemmija fl-Artikolu 6, jew ta' sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data;

    (b)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw esklussivament biex jissodisfaw il-pretensjonijiet magħmula bis-saħħa ta' tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi b'tali sentenza, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni li għandhom tali pretensjonijiet;

    (c)

    id-deċiżjoni jew is-sentenza mhumiex għall-benefiċċju ta' persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness IV, V jew Va;

    (d)

    ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni jew tas-sentenza ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat; u

    (e)

    id-deċiżjoni jew is-sentenza fir-rigward tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness IV ikunu ġew innotifikati mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat dwar is-Sanzjonijiet.

    2.   B'deroga mill-Artikolu 6, u bil-kondizzjoni li pagament minn persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness V jkun dovut skont kuntratt jew ftehim li ġie konkluż minn, jew skont obbligu għall-persuna, l-entità jew il-korp ikkonċernat li nħoloq qabel id-data li fiha dik il-persuna, l-entità jew il-korp kienu ġew indikati, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikati fis-siti web elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

    (a)

    il-kuntratt mhuwa relatat mal-ebda oġġett, operazzjoni, servizz jew tranżazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1), fl-Artikolu 2(3) jew fl-Artikolu 3; u

    (b)

    il-ħlas ma jiġix riċevut direttament jew indirettament minn persuna, entità jew korp imsemmi fl-Anness V.

    3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, mill-anqas għaxart ijiem qabel l-għoti ta' kull awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 2, jinnotifika lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni b'dik id-deċiżjoni u bil-ħsieb tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni.”.

    (10)

    L-Artikolu 9b huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 9b

    1.   Għandu jkun ipprojbit l-għoti ta' finanzjament jew ta' assistenza finanzjarja għall-kummerċ mal-Korea ta' Fuq, inkluż l-għoti ta' krediti tal-esportazzjoni, garanziji jew assigurazzjoni lil persuni jew entitajiet involuti f'tali kummerċ, fejn tali appoġġ finanzjarju jista' jikkontribwixxi għal:

    (a)

    programmi nukleari jew ta' missili ballistiċi tal-Korea ta' Fuq jew attivitajiet oħra pprojbiti minn dan ir-Regolament;

    (b)

    iċ-ċirkomvenzjoni tal-projbizzjoni fil-punt (a).

    2.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw fir-rigward ta' kuntratti u ftehimiet għall-għoti ta' appoġġ finanzjarju konklużi qabel id-29 ta' Mejju 2016.

    3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw fir-rigward tal-għoti ta' appoġġ finanzjarju għal kummerċ fl-ikel, l-agrikoltura, mediku jew għal finijiet umanitarji oħra.”.

    (11)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 9c

    1.   Ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn il-prestazzjoni tagħhom ġiet effettwata, direttament jew indirettament, b'mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kull pretensjoni oħra ta' dak it-tip, bħall-pretensjoni għal kumpens jew il-pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kull għamla, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk din issir minn:

    (a)

    persuni, entitajiet jew korpi indikati elenkati fl-Anness IV jew V;

    (b)

    kwalunkwe persuna oħra, entità jew korp mill-Korea ta' Fuq, inkluż il-Gvern tal-Korea ta' Fuq u l-korpi, il-korporazzjonijiet u l-aġenziji pubbliċi tiegħu; jew

    (c)

    kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxu permezz ta' jew f'isem waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punti (a) u (b).

    2.   Il-prestazzjoni ta' kuntratt jew tranżazzjoni għandha tkun ikkunsidrata bħala milquta mill-miżuri imposti minn dan ir-Regolament fejn l-eżistenza jew il-kontenut tal-pretensjoni jirriżultaw direttament jew indirettament minn dawk il-miżuri.

    3.   F'kull proċedura għall-infurzar ta' pretensjoni, l-oneru tal-prova li l-issodisfar tal-pretensjoni mhuwiex ipprojbit mill-paragrafu 1, għandu jkun fuq il-persuna li titlob l-infurzar ta' dik il-pretensjoni.

    4.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal rieżami ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta' prestazzjoni ta' obbligi kuntrattwali skont dan ir-Regolament.”.

    (12)

    L-Artikolu 11 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 11

    1.   L-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, imwettaq in bona fede fuq il-bażi li tali azzjoni tkun konformi ma' dan ir-Regolament, ma għandu joħloq responsabbiltà tal-ebda tip fuq in-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qegħdin jimplimentawh, jew id-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b'riżultat ta' negliġenza.

    2.   Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhom iwasslu għall-ebda responsabbiltà min-naħa tagħhom jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament.”.

    (13)

    L-Artikolu 11a huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 11 a

    1.   Għandu jkun ipprojbit li jingħata aċċess għall-portijiet fit-territorju tal-Unjoni lil kwalunkwe bastiment:

    (a)

    li huwa proprjetà ta', operat jew b'ekwipaġġati tal-Korea ta' Fuq;

    (b)

    fejn ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li jkun proprjetà ta' jew ikkontrollat, direttament jew indirettament, minn persuna jew entità elenkata fl-Anness IV;

    (c)

    jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li jkun fih oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont dan ir-Regolament;

    (d)

    li jkun irrifjuta li jiġi spezzjonat wara li tali spezzjoni tkun ġiet awtorizzata mill-Istat tal-bandiera tal-bastiment jew mill-Istat tar-reġistrazzjoni; jew

    (e)

    ikun mingħajr nazzjonalità u li jkun irrifjuta li jiġi spezzjonat skont l-Artikolu 5(1).

    2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika:

    (a)

    fil-każ ta' emerġenza;

    (b)

    fil-każ li l-bastiment jidħol fil-port biex jiġi spezzjonat, jew

    (c)

    meta l-bastiment ikun qed jirritorna lejn il-port tal-oriġini tiegħu.

    3.   B'deroga mill-projbizzjoni fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru, kif indikat fis-siti web elenkati fl-Anness II, tista' tawtorizza bastiment jidħol fil-port jekk:

    (a)

    il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun iddetermina bil-quddiem li dan huwa meħtieġ għal skopijiet umanitarji jew għal kwalunkwe skop ieħor konsistenti mal-objettivi tar-Riżoluzzjoni 2270 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jew

    (b)

    l-Istat Membru jkun iddetermina bil-quddiem li dan huwa meħtieġ għal skopijiet umanitarji jew għal kwalunkwe skop ieħor konsistenti mal-objettivi ta' dan ir-Regolament.

    4.   Għandu jkun ipprojbit li inġenji tal-ajru operati minn trasportaturi tal-Korea ta' Fuq jew li joriġinaw mill-Korea ta' Fuq jitlqu minn, jinżlu fi jew itiru minn fuq it-territorju tal-Unjoni.

    5.   Il-paragrafu 4 ma għandux japplika:

    (a)

    meta l-inġenju tal-ajru jagħmel inżul għal spezzjoni;

    (b)

    fil-każ ta' nżul ta' emerġenza.

    6.   B'deroga mill-paragrafu 4, l-awtorità kompetenti rilevanti ta' Stat Membru, kif indikat fis-siti web elenkati fl-Anness II, tista' tawtorizza inġenju tal-ajru jitlaq minn, jinżel fi jew itir minn fuq it-territorju tal-Unjoni, jekk dik l-awtorità kompetenti tkun iddeterminat minn qabel li dan huwa meħtieġ għal skopijiet umanitarji jew għal kwalunkwe skop ieħor konsistenti mal-objettivi ta' dan ir-Regolament.”.

    (14)

    L-Artikolu 11c jitħassar.

    (15)

    It-test li jinsab fl-Anness ta' dan ir-Regolament jiżdied bħala l-Anness If.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Mejju 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A.G. KOENDERS


    (1)  Ara l-paġna 79 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 tas-27 ta' Marzu 2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ĠU L 88, 29.3.2007, p. 1).


    ANNESS

    “ANNESS IF

    PRODOTTI PETROLIFIĊI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2(4)

     

    2707

    Żjut u prodotti oħrajn mid-distillazzjoni ta' qatran tal-faħam f'temperatura għolja; prodotti simili li fihom il-piż tal-kostitwenti aromatiċi jaqbeż dak tal-kostitwenti mhux aromatiċi

     

    2709

    Żjut minerali (petroleum) u żjut miksubin minn minerali bituminużi, mhux raffinati

     

    2710

    Żjut minerali (petroleum) u żjut miksubin minn minerali bituminużi, ħlief dawk mhux raffinati; preparazzjonijiet li mhumiex speċifikati jew inklużi band'oħra, li fihom 70 % jew aktar tal-piż ta' żjut minerali (petroleum) jew żjut miksubin minn minerali bituminużi, meta dawn iż-żjut ikunu l-kostitwenti bażiċi tal-preparazzjonijiet; żjut għar-rimi

     

    2711

    Gassijiet tal-petroleum u idrokarbonji gassużi oħra

     

    2712 10

    Vażelina

     

    2712 20

    Xema' bajda (tal-parafina) li fiha anqas minn 0,75 % żejt bil-piż

    Ex

    2712 90

    Oħrajn

     

    2713

    Kokk tal-petroleum, qatran tal-petroleum u fdalijiet oħrajn tal-petroleum jew ta' żjut miksubin minn minerali bituminużi

    Ex

    2714

    Qatran u asfalt, naturali; “shale” tal-qatran jew taż-żejt u ramel taż-żift; asfaltiti u blat asfaltiku

    Ex

    2715

    Taħlitiet bituminużi bbażati fuq asfalt naturali, fuq qatran naturali, fuq qatran ta' żejt minerali (petroleum), fuq żift minerali jew fuq qatran (tar pitch) minerali (per eżempju, gomom/siment bituminużi, “cut-backs”)

     

     

    Li fihom żjut minerali (petroleum) jew żjut magħmulin minn minerali bituminużi

     

    3403 11

    – –

    Preparazzjonijiet għat-trattament ta' materjali tessili, ġlud, ferijiet u materjali oħrajn

     

    3403 19

    – –

    Oħrajn

     

     

    Oħrajn

    Ex

    3403 91

    – –

    Preparazzjonijiet għat-trattament ta' materjali tessili, ġlud, ferijiet u materjali oħrajn

    Ex

    3403 99

    – –

    Oħrajn

     

     

    – – – –

    Prodotti jew preparazzjonijiet kimiċi, magħmula primarjament minn komposti organiċi, li mhumiex imsemmija jew inklużi band'oħra

    Ex

    3824 90 92

    – – – – –

    Fil-forma likwida f'20 °C

    Ex

    3824 90 93

    – – – – –

    Oħrajn

    Ex

    3824 90 96

    – – – –

    Oħrajn

     

    3826 00 10

    Esteri mono-alkali ta' aċti xaħmin li fihom 96,5 % jew aktar bil-volum ta' esteri (FAMAE)

     

    3826 00 90

    Oħrajn”


    Top