This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016D2318
Commission Implementing Decision (EU) 2016/2318 of 16 December 2016 on a derogation from mutual recognition of the authorisations of biocidal products containing brodifacoum by Spain in accordance with Article 37 of Regulation (EU) No 528/2012 of the European Parliament and of the Council (notified under document C(2016) 8414)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2318 tas-16 ta' Diċembru 2016 dwar deroga mir-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet ta' prodotti bijoċidali li fihom il-brodifakum mogħtija minn Spanja skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2016) 8414)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2318 tas-16 ta' Diċembru 2016 dwar deroga mir-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet ta' prodotti bijoċidali li fihom il-brodifakum mogħtija minn Spanja skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2016) 8414)
C/2016/8414
ĠU L 345, 20.12.2016, p. 72–73
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Derogation | 32012R0528 | artikolu 37 paragrafu 1 punt (a) | 19/12/2016 |
20.12.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 345/72 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2318
tas-16 ta' Diċembru 2016
dwar deroga mir-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet ta' prodotti bijoċidali li fihom il-brodifakum mogħtija minn Spanja skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2016) 8414)
(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 37(2)(b) tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-kumpannija Syngenta Crop Protection AG (“l-applikant”) ippreżentat applikazzjonijiet kompluti lil Spanja għar-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-Irlanda fir-rigward tar-rodentiċidi li fihom is-sustanza attiva brodifakum (“il-prodotti”). L-Irlanda awtorizzat l-prodotti bħala rodentiċidi għall-użu fuq ġewwa, fuq barra madwar il-bini u f'kanali tad-drenaġġ minn professjonisti u professjonisti mħarrġa, kif ukoll għall-użu fuq ġewwa u fuq barra madwar il-bini mill-pubbliku ġenerali. |
(2) |
Skont l-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, Spanja pproponiet lill-applikant biex jaġġusta t-termini u l-kondizzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet li għandhom jingħataw fi Spanja u pproponiet li l-użu tal-prodotti jiġi ristrett għall-professjonisti mħarrġin u fuq ġewwa biss. L-għan ta' tali restrizzjonijiet huwa l-protezzjoni tal-ambjent kif hemm imsemmi fl-Artikolu 37(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 permezz tal-prevenzjoni ta' inċidenti ta' avvelenament primarju u sekondarju ta' annimali li mhumiex fil-mira minħabba l-proprjetajiet perikolużi tal-brodifakum, li jagħmluh potenzjalment persistenti, suxxettibbli għall-bijoakkumulazzjoni u tossiku, jew persistenti ħafna u suxxettibbli ħafna għall-bijoakkumulazzjoni. |
(3) |
L-applikant ma qabilx mar-restrizzjonijiet proposti u qies li dawn il-miżuri mhumiex suffiċjentement iġġustifikati abbażi tar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Bħala riżultat ta' dan, fit-18 ta' April 2016, Spanja għarrfet lill-Kummissjoni b'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 37(2) ta' dak ir-Regolament. |
(4) |
B'konformità mal-kundizzjonijiet imposti fuq l-approvazzjoni tal-brodifakum fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/10/UE (2), l-awtorizzazzjonijiet ta' prodotti bijoċidali li fihom il-brodifakum huma soġġetti għall-miżuri kollha xierqa u disponibbli ta' mitigazzjoni tar-riskju biex jillimitaw ir-riskju ta' esponiment primarju u sekondarju ta' annimali li mhumiex fil-mira, kif ukoll l-effetti fuq perjodu twil tas-sustanza fuq l-ambjent. Dawk il-miżuri jistgħu, fost l-oħrajn, jinkludu r-restrizzjoni għall-użu professjonali biss jew restrizzjonijiet rigward iż-żona ta' użu tal-prodotti. |
(5) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-proposta ta' Spanja hija parti minn sett nazzjonali ta' miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju għar-rodentiċidi antikoagulanti, li kien ikkomunikat lill-Kummissjoni fl-2012 fil-kuntest tad-diskussjonijiet dwar il-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju applikati mill-Istati Membri matul l-awtorizzazzjoni ta' prodotti bijoċidali rodentiċidi antikoagulanti. |
(6) |
Dwar ir-restrizzjoni għall-użu mill-professjonisti mħarrġin biss, il-Kummissjoni tinnota li din il-kategorija ta' utenti hija kkunsidrata li għandha l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex tkun tista' tqis ir-riskji tal-użu tar-rodentiċidi għall-annimali li mhumiex fil-mira. Din il-kategorija ta' utenti hija għalhekk meqjusa li tista' tiddeċiedi liema rodentiċida hija meħtieġa biex tiġi kkontrollata infestazzjoni bl-inqas impatt fuq l-ambjent. |
(7) |
Dwar ir-restrizzjoni proposta għal ġewwa biss, din tevita l-espożizzjoni għall-brodifakum ta' annimali li mhumiex fil-mira, bħal mammiferi żgħar li jgħixu madwar il-binjiet, u dan iwassal għal tnaqqis ta' inċidenti ta' avvelenament primarju. B'konsegwenza ta' dan, ir-restrizzjoni tista' tikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskju ta' avvelenament sekondarju ta' predaturi li jikkonsmaw annimali kontaminati. |
(8) |
Il-proposta għal deroga hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fid-Direttiva 2010/10/UE, li jħallu ċertu livell ta' diskrezzjoni lill-Istati Membri biex japplikaw il-miżuri xierqa u disponibbli ta' mitigazzjoni tar-riskji bħala kundizzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' prodotti li fihom il-brodifakum. Id-deroga proposta hija ġġustifikata sabiex jitħares l-ambjent, partikolarment minħabba li għandha l-għan li tipprevjeni jew tnaqqas l-avvelenament primarju u sekondarju ta' organiżmi mhux fil-mira. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-proposta għal deroga mir-rikonoxximent reċiproku tissodisfa l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 37(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
(9) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Id-deroga mir-rikonoxximent reċiproku proposta minn Spanja għall-prodotti msemmija fil-paragrafu 2 hija ġġustifikata abbażi tal-protezzjoni tal-ambjent, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 37(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.
2. Il-paragrafu 1 japplika għall-prodotti identifikati permezz tan-numri tal-każijiet li ġejjin, kif previsti fir-Reġistru tal-Prodotti Bijoċidali:
(a) |
BC-KC011180-73; |
(b) |
BC-VM011322-40. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Diċembru 2016.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
(2) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/10/UE tad-9 ta' Frar 2010 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi l-brodifacoum bħala sustanza attiva fl-Anness I tagħha (ĠU L 37, 10.2.2010, p. 44).