Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D2313

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2313 tat-8 ta' Diċembru 2016 li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri

    ĠU L 345, 20.12.2016, p. 59–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/2313/oj

    20.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 345/59


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/2313

    tat-8 ta' Diċembru 2016

    li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(3), flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    L-Unjoni Ewropea stabbiliet bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Miżuri għall-protezzjoni tat-tfal kontra t-teħid jew iż-żamma b'mod illeċitu huma parti essenzjali minn dik il-politika.

    (2)

    Il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (2) (“ir-Regolament Brussell IIa”), li għandu l-għan li jħares it-tfal mill-effetti dannużi tat-teħid jew taż-żamma b'mod illeċitu u li jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn rapidu tagħhom lejn l-istat tar-residenza abitwali tagħhom, kif ukoll li jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet tal-aċċess u d-drittijiet tal-kustodja.

    (3)

    Ir-Regolament Brussell IIa jikkumplimenta u jirrinforza l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) li tistabbilixxi, fil-livell internazzjonali, sistema ta' obbligi u kooperazzjoni fost l-istati kontraenti u bejn l-awtoritajiet ċentrali u għandha l-għan li tiżgura r-ritorn minnufih ta' tfal li jittieħdu jew jinżammu b'mod illeċitu.

    (4)

    L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma parti għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

    (5)

    L-Unjoni tinkoraġġixxi lil stati terzi biex jaċċedu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi tieħu sehem, flimkien mal-Istati Membri, fost oħrajn, fil-kummissjonijiet speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza tal-Aja dwar id-dritt internazzjonali privat.

    (6)

    Qafas legali komuni applikabbli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u stati terzi jista' jkun l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta' ħtif internazzjonali ta' minuri.

    (7)

    Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tistipula li hija tapplika bejn l-istat aderenti u tali stati kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.

    (8)

    Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma tippermettix li organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jsiru parti għaliha. Għalhekk, l-Unjoni la tista' taderixxi mal-Konvenzjoni, u lanqas ma tista' tressaq dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' stat aderenti.

    (9)

    Skont l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-dikjarazzjonijiet ta' aċċettazzjoni skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 huma parti mill-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni.

    (10)

    Ir-Repubblika tal-Korea ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fit-13 ta' Diċembru 2012. Il-Konvenzjoni tal-aja tal-1980 daħlet fis-seħħ għar-Repubblika tal-Korea fl-1 ta' Marzu 2013.

    (11)

    Bosta Stati Membri diġà aċċettaw l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Valutazzjoni tas-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Korea wasslet għall-konklużjoni li dawk l-Istati Membri li għadhom ma aċċettawx l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea, jinsabu f'pożizzjoni li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea skont it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

    (12)

    L-Istati Membri li għadhom ma aċċettawx l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea għalhekk jenħtieġ li jkunu awtorizzati li jiddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea fl-interess tal-Unjoni skont it-termini stipulati f'din id-Deċiżjoni. Ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda u r-Repubblika tal-Litwanja li diġà aċċettaw l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma għandhomx jiddepożitaw dikjarazzjonijiet ġodda ta' aċċettazzjoni peress li d-dikjarazzjonijiet eżistenti jibqgħu validi skont id-dritt internazzjonali pubbliku.

    (13)

    Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbutin bir-Regolament Brussell IIa u qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    (14)

    B'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan huma b'dan awtorizzati li jaċċettaw l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) fl-interess tal-Unjoni.

    2.   L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, mhux aktar tard mid-9 ta' Diċembru 2017, jiddepożitaw dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni fformulata kif ġej:

    “[L-isem sħiħ tal-ISTAT MEMBRU] jiddikjara li jaċċetta l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2313”.

    3.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-depożitu tad- dikjarazzjoni tiegħu ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea u jikkomunika lill-Kummissjoni t-test tad-dikjarazzjoni fi żmien xahrejn minn meta jiddepożitaha.

    Artikolu 2

    Dawk l-Istati Membri li ddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 qabel id-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, ma għandhomx jiddepożitaw dikjarazzjonijiet ġodda.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Repubblika tal-Litwanja.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Diċembru 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. ŽITŇANSKÁ


    (1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ottubru 2016 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).


    Top