Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D2090

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2090 tal-21 ta' Novembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 324, 30.11.2016, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/2090/oj

30.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 324/7


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/2090

tal-21 ta' Novembru 2016

li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-punt (14) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE jawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja (il-“Polonja”) teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta' EUR 10 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/790/KE (2), il-Polonja kienet awtorizzata, sal-31 ta' Diċembru 2012 u bħala deroga, li teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta' EUR 30 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha (“il-miżura ta' deroga”). Il-miżura ta' deroga ġiet sussegwentement estiża permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/769/UE (3) sal-31 ta' Diċembru 2015 u permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1173 (4) sal-31 ta' Diċembru 2018.

(3)

F'ittra rreġistrata mal-Kummisjoni fl-1 ta' Ġunju 2016, il-Polonja talbet awtorizzazzjoni biex iżżid dak il-limitu minn EUR 30 000 għal EUR 40 000. Permezz ta' dik iż-żieda, għadd addizzjonali ta' negozji żgħar ħafna jistgħu jiġu eżentati minn ċerti obbligi, jew mill-obbligi kollha, fir-rigward tal-VAT stipulati fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE. Għaldaqstant il-piż fuq l-awtoritajiet tat-taxxa fir-rigward tal-awditjar ta' negozji żgħar ħafna ser jonqos ukoll.

(4)

F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba magħmula mill-Polonja permezz ta' ittri datati t-22 ta' Settembru 2016. Permezz ta' ittra datata t-23 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni għarrfet lill-Polonja li hija kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(5)

L-informazzjoni pprovduta mill-Polonja tindika li, 24 000 persuna taxxabbli addizzjonali jistgħu potenzjalment jagħmlu użu mill-miżura ta' deroga sabiex inaqqsu l-obbligi tal-VAT tagħhom. L-impatt baġitarju f'termini tad-dħul tal-VAT kien stmat mill-Polonja għal PLN 300 miljun.

(6)

Minħabba li l-iffissar ta' żieda fil-limitu ser inaqqas ulterjorment l-obbligi tal-VAT għal negozji żgħar ħafna u li dawk in-negozji xorta għadhom ikunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT f'konformità mal-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Polonja għandha tiġi awtorizzata biex tapplika ż-żieda fil-limitu għall-perijodu ta' applikazzjoni li jifdal tad-Deċiżjoni 2009/790/KE, li jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2018. Madankollu l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar huma soġġetti għal rieżami, u għaldaqstant, qabel dik id-data, tista' tidħol fis-seħħ direttiva li temenda dawk l-Artikoli.

(7)

Il-deroga mhux ser ikollha impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT peress li l-Polonja ser twettaq kalkolu ta' kumpens f'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (5).

(8)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2009/790/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2009/790/KE huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika tal-Polonja hija awtorizzata li teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta' EUR 40 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sad-dħul fis-seħħ ta' Direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, jew sal-31 ta' Diċembru 2018, skont liema minnhosm tiġi l-ewwel.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Novembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. PLAVČAN


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/790/KE tal-20 ta' Ottubru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 283, 30.10.2009, p. 53).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/769/UE tal-4 ta' Diċembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja li tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 338, 12.12.2012, p. 27).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1173 tal-14 ta' Lulju 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 189, 17.7.2015, p. 36).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tas-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).


Top