Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0763

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/763 tat-13 ta' Mejju 2016 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern fir-rigward tal-abbozz ta' deċiżjoni dwar il-proċeduri ta' arbitraġġ skont l-Artikolu XIX:8 tal-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern

    ĠU L 126, 14.5.2016, p. 71–76 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/763/oj

    14.5.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 126/71


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/763

    tat-13 ta' Mejju 2016

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern fir-rigward tal-abbozz ta' deċiżjoni dwar il-proċeduri ta' arbitraġġ skont l-Artikolu XIX:8 tal-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern (“il-GPA Rivedut”), li daħal fis-seħħ fis-6 ta' April 2014, jistabbilixxi qafas legali mġedded applikabbli mill-Partijiet tal-GPA Rivedut fir-rigward tal-akkwist kopert. Il-GPA Rivedut jipprevedi l-possibbiltà għall-Partijiet tal-GPA Rivedut li jużaw proċeduri ta' arbitraġġ f'każijiet meta oġġezzjonijiet rigward xi rettifika proposta, trasferiment ta' entità minn anness għall-ieħor, irtirar ta' entità jew xi modifika oħra fl-annessi ta' xi Parti tal-Appendiċi I ikunu tqajmu iżda ma setgħux jiġu riżolti permezz ta' konsultazzjonijiet.

    (2)

    Skont l-Artikolu XIX:8 tal-GPA Rivedut, il-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern huwa meħtieġ li jadotta proċeduri ta' arbitraġġ biex iħaffef ir-riżoluzzjoni ta' dawk l-oġġezzjonijiet.

    (3)

    Il-Partijiet tal-GPA Rivedut iddiskutew b'mod estensiv il-kontenut possibbli ta' tali proċeduri ta' arbitraġġ fir-rigward ta' diversi għażliet li għandhom ikunu applikati f'każ ta' oġġezzjoni għal xi modifika proposta tal-kopertura ta' akkwist ta' xi Parti. Il-Partijiet tal-GPA Rivedut irnexxielhom jiksbu kunsens dwar dik il-kwistjoni.

    (4)

    Il-proċeduri ta' arbitraġġ maqbula huma stabbiliti f'abbozz ta' Deċiżjoni dwar proċeduri ta' arbitraġġ skont l-Artikolu XIX:8 tal-GPA Rivedut.

    (5)

    Dak l-abbozz ta' deċiżjoni dwar proċeduri ta' arbitraġġ jistipula l-kondizzjonijiet li jeħtieġ li jiġu sodisfatti biex wieħed jirrikorri għall-proċeduri ta' arbitraġġ u jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw il-ħatra tal-arbitri, il-parteċipazzjoni ta' Partijiet terzi fil-proċeduri ta' arbitraġġ, l-iżvolġiment tal-proċedimenti u d-determinazzjoni tal-arbitri.

    (6)

    L-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-proċeduri ta' arbitraġġ mistennija tagħti kontribut pożittiv għall-qafas legali eżistenti tal-GPA Rivedut peress li għandha l-għan li tiffaċilita r-riżoluzzjoni ta' lmenti mqajma fil-kuntest ta' xi rettifika proposta, trasferiment ta' entità minn Anness għall-ieħor, irtirar ta' entità jew xi modifika oħra għall-Annessi ta' xi Parti tal-Appendiċi I tal-GPA Rivedut.

    (7)

    Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern fir-rigward tal-abbozz ta' deċiżjoni dwar il-proċeduri ta' arbitraġġ,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern għandha tkun li tiġi approvata l-addozzjoni tal-abbozz ta' deċiżjoni dwar il-proċeduri ta' arbitraġġ skont l-Artikolu XIX:8 tal-Ftehim Revedut dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern.

    It-test tal-abbozz ta' deċiżjoni dwar il-proċeduri ta' arbitraġġ huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Mejju 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E.M.J. PLOUMEN


    ABBOZZ TA' DEĊIŻJONI DWAR PROĊEDURI TA' ARBITRAĠĠ SKONT L-ARTIKOLU XIX:8 TAL-GPA RIVEDUT

    Il-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern (“il-Kumitat”),

    Filwaqt li jinnota li l-Artikolu XIX:8 tal-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwist Pubbliku (“il-Ftehim”) jirrikjedi li l-Kumitat jiżviluppa proċeduri ta' arbitraġġ biex iħaffef ir-riżoluzzjoni ta' oġġezzjonijiet skont l-Artikolu XIX:2 tal-Ftehim; u

    Jikkonferma l-importanza tal-Artikolu XIX:8(b) u (c) tal-Ftehim dwar dawn il-proċeduri ta' arbitraġġ u jtenni l-impenn tal-Partijiet li jadottaw deċiżjonijiet skont l-Artikolu XIX:8(b) u (c) tal-Ftehim.

    B'dan jadotta l-proċeduri ta' arbitraġġ li ġejjin biex iħaffef ir-riżoluzzjoni ta' oġġezzjonijiet skont l-Artikolu XIX:2 tal-Ftehim:

    Invokazzjoni tal-Proċeduri ta' Arbitraġġ

    1.

    Skont l-Artikolu XIX:7 tal-Ftehim, meta l-Parti modifikatriċi u xi Parti li toġġezzjona ma jirnexxilhomx isolvu oġġezzjoni għal proposta ta' modifika skont l-Artikolu XIX:1 tal-Ftehim, il-Parti modifikatriċi jew kwalunkwe parti li toġġezzjona jistgħu jirreferu l-modifika proposta għall-arbitraġġ, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għat-talba tagħha, billi tinnotifika lill-Kumitat sa mhux aktar kmieni minn 45 ġurnata mid-data taċ-ċirkulazzjoni tan-notifika ta' modifika proposta skont l-Artikolu XIX:1 tal-Ftehim.

    2.

    Meta żewġ partijiet jew aktar jirreferu l-istess modifika proposta għall-arbitraġġ qabel ma jkunu nħatru l-arbitri kollha, il-Parti modifikatriċi u dawk il-Partijiet kollha li joġġezzjonaw għandhom jaqblu dwar arbitraġġ waħdieni li jindirizza l-oġġezzjonijiet kollha għall-istess modifika proposta. Jekk isiru konsultazzjonijiet addizzjonali fuq l-istess modifika proposta wara l-ħatra tal-arbitri kollha, il-Parti modifikatriċi u l-Partijiet kollha li joġġezzjonaw għandhom jaqblu li jiġi applikat arbitraġġ waħdieni, kull fejn dan ikun possibbli.

    Il-Ħatra tal-Arbitri

    3.

    L-arbitraġġ għandu jsir permezz ta' arbitri. Sakemm il-Partijiet fl-arbitraġġ ma jaqblux mod ieħor, għandu jkun hemm tliet arbitri. L-arbitri għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti għall-membri tal-panel skont l-Artikoli 8(1), 8(2) u 8(9) tal-Qbil dwar Regoli u Proċeduri li Jirregolaw is-Soluzzjoni ta' Tilwim.

    4.

    Is-Segretarjat tal-Kumitat għandu fuq talba minn xi Parti tal-arbitraġġ, jipproponi n-nomini tal-arbitri. Il-Partijiet fit-tilwima m'għandhomx jopponu nomini għajr għal raġunijiet validi. Iċ-ċittadini tal-Partijiet fl-arbitraġġ u l-uffiċjali tal-gvern ta' Partijiet terzi m'għandhomx jinħatru bħala arbitri, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet fl-arbitraġġ.

    5.

    Jekk il-Partijiet fl-arbitraġġ ma jkunux jistgħu jaqblu dwar min għandu jinħatar bħala arbitri fi żmien 20 jum wara li jkunu rreferew il-modifika proposta għall-arbitraġġ, fuq talba ta' Parti fl-Arbitraġġ, id-Direttur Ġenerali għandu jaħtar l-arbitri fi żmien 10 ijiem, wara li jikkonsulta lill-Partijiet fl-arbitraġġ u lill-President tal-Kumitat.

    Parteċipazzjoni ta' Partijiet Terzi

    6.

    Kwalunkwe Parti fil-Ftehim li għandha interess sostanzjali f'modifika proposta mressqa għall-arbitraġġ u li tkun innotifikat l-interess tagħha lill-Kumitat (minn hawn 'il quddiem imsejħa “Parti terza”) fi żmien 10 ijiem wara li l-modifika proposta tiġi riferuta għall-arbitraġġ, għandha tiġi mistiedna sabiex tagħmel sottomissjoni bil-miktub, tattendi l-laqgħat sostantivi tal-arbitri mal-Partijiet fl-arbitraġġ, tagħmel dikjarazzjonijiet orali, u tkun intitolata twieġeb il-mistoqsijiet tal-arbitri.

    Proċeduri

    7.

    Fil-proċedimenti tagħhom, l-arbitri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim u jkunu ggwidati mid-deċiżjoni adottata mill-Kumitat skont l-Artikolu XIX:8(b) tal-Ftehim, ladarba dan jiġi adottat. Barra minn hekk, għandhom japplikaw il-proċeduri ta' ħidma li ġejjin:

    a.

    Is-Segretarjat tal-Kumitat għandu jittrażmetti fil-pront lill-arbitri n-notifika u l-oġġezzjoni applikabbli skont il-paragrafu 1 jew 2 tal-Artikolu XIX tal-Ftehim. Fi żmien 10 ijiem mill-ħatra tal-arbitri, u wara konsultazzjonijiet mal-Partijiet fl-arbitraġġ, l-arbitri għandhom jadottaw skeda għat-twettiq tal-proċedimenti ta' arbitraġġ. L-iskeda għandha tkun ibbażata fuq l-iskeda inkluża fl-Anness ma' din id-Deċiżjoni.

    b.

    Sakemm il-partijiet fl-arbitraġġ ma jaqblux li huwa bla ħtieġa, l-arbitri għandu jkollhom laqgħa sostantiva mal-Partijiet fl-arbitraġġ. Qabel il-laqgħa sostantiva, il-Partijiet fl-arbitraġġ għandhom jittrażmettu lill-arbitri sottomissjonijiet bil-miktub li fihom huma jippreżentaw il-fatti tal-każ u l-argumenti tagħhom.

    c.

    Meta Parti fl-arbitraġġ tissottometti informazzjoni li tkun iddikjarat bħala kunfidenzali lill-arbitri, l-arbitri, il-Partijiet l-oħra fl-arbitraġġ u l-Partijiet terzi għandhom jittrattaw din l-informazzjoni bħala kunfidenzjali. Fuq talba ta' xi waħda mill-Partijiet fl-arbitraġġ, l-arbitri għandhom jistabbilixxu l-proċeduri addizzjonali meħtieġa biex tiġi mħarsa l-kunfidenzjalità ta' din l-informazzjoni.

    d.

    Meta Parti fl-arbitraġġ tiddikjara li xi informazzjoni fis-sottomissjonijiet tagħha bil-miktub hija kunfidenzjali, il-Parti għandha, fuq talba ta' kwalunkwe Parti oħra fl-arbitraġġ jew Parti terza, tipprovdi sommarju mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni li hemm fis-sottomissjonijiet tagħha li jistgħu jkunu żvelati lill-pubbliku.

    e.

    Waqt il-laqgħa sostantiva, l-arbitri għandhom isejħu lill-Parti li tkun talbet li jsir l-arbitraġġ biex tippreżenta l-każ tagħha billi tagħmel preżentazzjoni orali. Il-Parti li kontra tagħha jkun tressaq l-arbitraġġ għandha mbagħad tintalab tippreżenta l-opinjoni tagħha billi tagħmel preżentazzjoni orali.

    f.

    Il-laqgħat sostantivi tal-arbitri għandhom ikunu miftuħa għall-pubbliku, ħlief meta Parti fl-arbitraġġ titlob li l-laqgħa tkun magħluqa biex tipproteġi informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali.

    g.

    L-arbitri jistgħu, f'kull waqt, jagħmlu mistoqsijiet lill-Partijiet fl-arbitraġġ u lil Partijiet terzi u jistaqsuhom għal spegazzjonijiet jew matul il-laqgħa jew inkella bil-miktub.

    h.

    Is-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Partijiet fl-arbitraġġ, inklużi kwalunkwe tweġibiet għall-mistoqsijiet mill-arbitri, għandhom isiru disponibbli għall-Parti jew il-Partijiet l-oħra fl-arbitraġġ kif ukoll għall-Partijiet terzi. Il-Partijiet fl-arbitraġġ għandhom jissottomettu lill-arbitri, lill-Parti jew il-Partijiet l-oħra fl-arbitraġġ u lill-Partijiet terzi, verżjoni bil-miktub tad-dikjarazzjonijiet orali tagħhom li jkunu għamlu waqt il-laqgħa mal-arbitri.

    i.

    Is-sottomissjonijiet bil-miktub, it-tweġibiet għal mistoqsijiet, u l-verżjonijiet bil-miktub tad-dikjarazzjonijiet orali tal-Partijiet terzi għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-arbitri, il-Partijiet fl-arbitraġġ u Partijiet terzi oħra, u għandhom jiġu riflessi fir-rapport tal-arbitri.

    j.

    Id-deliberazzjonijiet tal-arbitri għandhom jinżammu kunfidenzjali.

    k.

    L-arbitri jistgħu jiksbu informazzjoni minn kull sors relevanti u jistgħu jikkonsultaw esperti. L-arbitri għandhom jipprovdu lill-Partijiet fl-arbitraġġ u Partijiet terzi kwalunkwe informazzjoni pprovduta jew riċevuta minn esperti. Il-Partijiet fl-arbitraġġ għandu jkollhom opportunità li jikkummentaw dwar kwalunkwe kontribuzzjonijiet mibgħuta minn esperti.

    l.

    Kwalunkwe proċeduri addizzjonali speċifiċi għall-arbitraġġ għandhom jiġu ddeterminati mill-arbitri f'konsultazzjonijiet mal-Partijiet fl-arbitraġġ.

    m.

    Soġġett għall-paragrafu 7.c., xejn f'dawn il-proċeduri m'għandu jipprekludi Parti fl-arbitraġġ jew Parti terza milli tiżvela stqarrijiet dwar il-pożizzjonijiet tagħha nfisha lill-pubbliku.

    8.

    Ir-Regoli ta' Kondotta għall-Qbil dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li Jirregolaw is-Soluzzjoni tat-Tilwim għandhom japplikaw għal kull persuna li sservi bħala arbitru skont dawn il-proċeduri u, kif speċifikat fir-Regoli ta' Kondotta u d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal, għal dawk il-membri tas-Segretarjat msejħa biex jassistu lill-arbitri.

    9.

    Meta l-Partijiet fl-arbitraġġ jaslu għal soluzzjoni miftiehma bejn iż-żewġ naħat għal oġġezzjonijiet għall-modifika proposta, huma għandhom immedjatament jinnotifikaw lill-arbitri. Mal-wasla tan-notifika, l-arbitri għandhom itemmu l-proċedimenti għal dawk il-Partijiet. Id-dettalji ta' kwalunkwe soluzzjoni miftiehma bejn iż-żewġ naħat għandhom ikunu notifikati lill-Kumitat, fejn kwalunkwe Parti fil-Ftehim tista' tikkummenta.

    Id-Determinazzjoni tal-Arbitri

    10.

    It-termini ta' referenza għall-arbitri għandhom jeħtieġu li l-arbitri jiddeterminaw:

    a.

    fil-każ ta' proposta ta' rtirar skont l-Artikolu XIX:1(a) tal-Ftehim, jekk il-kontroll jew l-influwenza tal-gvern fuq l-akkwist kopert tal-entità proposta li tiġi rtirata ġietx eliminata b'mod effettiv; jew

    b.

    fil-każ ta' kwalunkwe modifika proposta oħra skont l-Artikolu XIX:1(b), jekk il-modifika proposta żżommx bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi u livell komparabbli tal-kopertura miftiehma reċiprokament prevista f'dan il-Ftehim u, fejn jixraq, il-livell ta' aġġustament kumpensatorju.

    11.

    L-arbitri għandhom joħorġu rapport li jkun jinkludi d-determinazzjoni raġunata tal-Partijiet fl-arbitraġġ fi żmien 90 jum jew, f'każ li l-iskeda hija modifikata mill-arbitri, mhux iktar tard minn 120 jum minn:

    a.

    il-ħatra tal-arbitri meta l-arbitraġġ jitwettaq skont il-paragrafu 1.; jew

    b.

    it-talba meta l-arbitraġġ jitwettaq skont il-paragrafu 12.

    Il-perijodu ta' żmien stabbilit f'dan il-paragrafu jista' jiġi estiż bi ftehim reċiproku tal-Partijiet fl-arbitraġġ. Is-Segretarjat tal-Kumitat għandu jiċċirkola minnufih ir-rapport lill-Partijiet fil-Ftehim wara li jkun ġie tradott.

    12.

    Meta l-arbitri jagħmlu determinazzjoni negattiva skont il-paragrafu 10.a., u meta l-arbitri ma jkunu għamlu l-ebda determinazzjoni ta' aġġustament kumpensatorju skont il-punt 10.b., kwalunkwe Parti fl-arbitraġġ tista' titlob, wara 30 jum u mhux aktar tard minn 60 jum wara ċ-ċirkulazzjoni tar-rapport tal-arbitri, li l-istess arbitri, meta disponibbli, jiddeterminaw il-livell ta' aġġustament kumpensatorju li jirriżulta f'livell paragunabbli ta' kopertura u jżommu l-bilanċ tad-drittijiet u l-obbligi skont dan il-Ftehim. Fit-twettiq ta' dan, l-arbitri għandhom ikunu ggwidati mid-deċiżjoni adottata mill-Kumitat skont l-Artikolu XIX:8(c) tal-Ftehim, ladarba dan jiġi adottat. Meta xi arbitri oriġinali ma jkunux disponibbli, għandu jinħatar suċċessur skont il-paragrafi 3. sa 5.

    Implimentazzjoni

    13.

    Il-Partijiet fl-arbitraġġ għandhom jaċċettaw id-determinazzjoni tal-arbitri bħala waħda finali.

    14.

    Għall-finijiet tal-Artikolu XIX:7(b)(i) tal-Ftehim, il-proċeduri tal-arbitraġġ ikunu kompluti:

    a.

    meta rapport skont il-paragrafu 11. li ma jagħtix lok għad-dritt għal proċedimenti ulterjuri skont il-paragrafu 12. jiġi ċċirkolat lill-Partijiet fil-Ftehim; jew

    b.

    meta l-Partijiet fl-arbitraġġ ma jeżerċitawx id-dritt disponibbli lilhom skont il-paragrafu 12., malli jiskadi l-perijodu ta' żmien stabbilit f'dak il-paragrafu.

    ANNESS

    SKEDA PROPOSTA GĦALL-ARBITRAĠĠ

    L-arbitri għandhom jibbażaw l-iskeda ta' żmien adottata skont il-paragrafu 7.a. fuq dan li ġej:

    a.

    Il-wasla ta' sottomissjonijiet bil-miktub tal-Partijiet fl-arbitraġġ:

     

    (1)

    Parti li tagħmel it-Talba:

    - - - - - - - - - - ġimgħatejn

    (2)

    Parti li Twieġeb:

    - - - - - - - - - - ġimgħatejn

    b.

    Wasla ta' sottomissjonijiet minn parti terza:

    - - - - - - - - - - ġimgħa

    c.

    Laqgħa sostantiva mal-arbitri:

    - - - - - - - - - - ġimgħa sa ġimgħatejn

    d.

    Tweġibiet għall-mistoqsijiet lill-Partijiet u lill-Partijiet terzi fl-arbitraġġ:

    - - - - - - - - - - ġimgħa sa ġimgħatejn

    e.

    Ħruġ u ċirkolazzjoni tar-rapport tal-arbitri dwar id-determinazzjoni tagħhom:

    - - - - - - - - - - 4 ġimgħat

    B'mod konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 11., l-arbitri jistgħu jbiddlu l-iskeda ta' żmien ta' hawn fuq u jistgħu jorganizzaw laqgħat addizzjonali mal-Partjiet fl-arbitraġġ wara li jikkonsultawhom.


    Top