This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016D0414
Council Decision (EU) 2016/414 of 10 March 2016 authorising the Republic of Austria to sign and ratify, and Malta to accede to, the Hague Convention of 15 November 1965 on the Service Abroad of Judicial and Extrajudicial Documents in Civil or Commercial Matters, in the interest of the European Union
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/414 tal-10 ta' Marzu 2016 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tiffirma u tirratifika, u lil Malta biex taderixxi ma', il-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta' Novembru 1965 dwar in-Notifika Barra mill-Pajjiż ta' Dokumenti Ġudizzjarji u Extraġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali, fl-interess tal-Unjoni Ewropea
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/414 tal-10 ta' Marzu 2016 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tiffirma u tirratifika, u lil Malta biex taderixxi ma', il-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta' Novembru 1965 dwar in-Notifika Barra mill-Pajjiż ta' Dokumenti Ġudizzjarji u Extraġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali, fl-interess tal-Unjoni Ewropea
ĠU L 75, 22.3.2016, pp. 1–2
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/414/oj
|
22.3.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 75/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/414
tal-10 ta' Marzu 2016
li tawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tiffirma u tirratifika, u lil Malta biex taderixxi ma', il-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta' Novembru 1965 dwar in-Notifika Barra mill-Pajjiż ta' Dokumenti Ġudizzjarji u Extraġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali, fl-interess tal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(2) flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 218(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta' Novembru 1965 dwar in-Notifika Barra mill-Pajjiż ta' Dokumenti Ġudizzjarji u Extraġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali (“il-Konvenzjoni”) tissimplifika l-metodi ta' trasmissjoni ta' dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji bejn l-Istati Kontraenti. B'hekk tiffaċilita l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'litigazzjoni ċivili u kummerċjali transkonfinali. |
|
(2) |
Ħafna pajjiżi, inklużi l-Istati Membri minbarra r-Repubblika tal-Awstrija u Malta, huma Partijiet għall-Konvenzjoni. Ir-Repubblika tal-Awstrija u Malta esprimew l-interess tagħhom biex isiru Partijiet għall-Konvenzjoni. Hu fl-interess tal-Unjoni li l-Istati Membri kollha jkunu Partijiet għall-Konvenzjoni. Barra minn hekk, fil-qafas tal-politika esterna tal-Unjoni fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, l-Unjoni tippromwovi l-adeżjoni ma', u r-ratifika ta', il-Konvenzjoni minn Stati terzi. |
|
(3) |
L-Unjoni għandha kompetenza esterna fir-rigward tal-Konvenzjoni safejn id-dispożizzjonijiet tagħha jaffettwaw ir-regoli stabbiliti f'ċerti dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni tal-Unjoni jew safejn l-adeżjoni mal-Konvenzjoni ta' Stati Membri addizzjonali tbiddel il-kamp ta' applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni tal-Unjoni, bħall-Artikolu 28(4) tar- Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
|
(4) |
Il-Konvenzjoni ma tippermettix il-parteċipazzjoni minn organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali bħall-Unjoni. Bħala riżultat, l-Unjoni mhijiex f'pożizzjoni li taderixxi mal-Konvenzjoni. |
|
(5) |
Il-Kunsill għandu għalhekk jawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tiffirma u tirratifika, u lil Malta biex taderixxi ma', il-Konvenzjoni, fl-interess tal-Unjoni. L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom f'dawk l-oqsma tal-Konvenzjoni li ma jaffettwawx ir-regoli tal-Unjoni jew ma jbiddlux il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, f'konformità mal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
|
(6) |
Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbutin bir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u għalhekk qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. |
|
(7) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kunsill b'dan jawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tiffirma u tirratifika, u lil Malta biex taderixxi ma', il-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta' Novembru 1965 dwar in-Notifika Barra mill-Pajjiż ta' Dokumenti Ġudizzjarji u Extraġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali, fl-interess tal-Unjoni.
It-test tal-Konvenzjoni huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
1. Ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tieħu l-passi meħtieġa biex tiddepożita l-istrument tagħha ta' ratifika tal-Konvenzjoni mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Renju tan-Netherlands fi żmien raġonevoli u mhux aktar tard mill-31ta' Diċembru 2017.
2. Ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-data tad-depożitu minnha tal-istrument ta' ratifika.
Artikolu 3
1. Wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva, Malta għandha tinnotifika lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Renju tan-Netherlands bid-data li fiha l-Konvenzjoni ser issir applikabbli għal Malta.
2. Malta għandha bl-istess mod tinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar id-data msemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Malta u lir-Repubblika tal-Awstrija.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Marzu 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
K.H.D.M. DIJKHOFF
(1) Għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.
(2) Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).
(3) Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta' dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, 10.12.2007, p. 79).