Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1295

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1295 tas-27 ta' Lulju 2015 li japprova s-sustanza attiva sulfoksaflor, b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 199, 29.7.2015, p. 8–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 19/05/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1295/oj

    29.7.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 199/8


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1295

    tas-27 ta' Lulju 2015

    li japprova s-sustanza attiva sulfoksaflor, b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    B'konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fl-1 ta' Settembru 2011 l-Irlanda rċeviet applikazzjoni mingħand Dow AgroSciences għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva sulfoksaflor. B'konformità mal-Artikolu 9(3) ta' dak ir-Regolament, fl-30 ta' Settembru 2011, l-Irlanda, bħala l-Istat Membru relatur, innotifikat lill-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni.

    (2)

    Fit-23 ta' Novembru 2012, l-Istat Membru relatur ressaq abbozz ta' rapport ta' valutazzjoni lill-Kummissjoni, b'kopja lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”), fejn ġie vvalutat jekk dik is-sustanza attiva tistax tiġi mistennija li tissodisfa l-kriterji ta' approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    (3)

    L-Awtorità kkonformat mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. B'konformità mal-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Awtorità talbet li l-applikant jipprovdi informazzjoni addizzjonali lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità. L-evalwazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru relatur tressqet quddiem l-Awtorità fil-format ta' abbozz aġġornat tar-rapport ta' valutazzjoni f'Jannar tal-2014.

    (4)

    Fil-12 ta' Mejju 2014, l-Awtorità kkomunikat lill-applikant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha dwar jekk is-sustanza attiva sulfoksaflor tistax tkun mistennija li tissodisfa l-kriterji ta' approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 (2). L-Awtorità għamlet il-konklużjonijiet tagħha disponibbli għall-pubbliku.

    (5)

    Fil-11 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta' reviżjoni għas-sulfoksaflor lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, kif ukoll abbozz ta' Regolament li jistipula li s-sustanza sulfoksaflor hija approvata.

    (6)

    L-applikant ingħata l-possibbiltà li jressaq kummenti dwar ir-rapport ta' analiżi.

    (7)

    Fir-rigward ta' użu rappreżentattiv wieħed jew aktar ta' mill-anqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva, u b'mod partikolari l-użi li ġew eżaminati u spjegati fir-rapport ta' eżami, ġie stabbilit li l-kriterji ta' approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati. Għalhekk, dawk il-kriterji għall-approvazzjoni jistgħu jitqiesu li ġew issodisfati. Għaldaqstant huwa xieraq li s-sustanza sulfoksaflor tiġi approvata.

    (8)

    Madankollu, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jinħtieġ li jiġu inklużi ċerti kundizzjonijiet u restrizzjonijiet. B'mod partikolari, jixraq li tintalab aktar informazzjoni ta' konferma.

    (9)

    B'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (3) għandu jiġi emendat skont dan.

    (10)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Approvazzjoni ta' sustanza attiva

    Is-sustanza attiva sulfoksaflor, kif speċifikat fl-Anness I, hija approvata skont il-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat b'konformità mal-Anness II ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Lulju 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  The EFSA Journal 2014;12(5):3692. Disponibbli onlajn fuq: www.efsa.europa.eu

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


    ANNESS I

    Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità (1)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    Sulfoksaflor

    Nru tas-CAS: 946578-00-3

    Nru CIPAC: 820

    [metil(osso){1-[6-(trifluworometil)-3-piridil]etil}-λ6-sulfaniliden]ċijanammid

    ≥ 950 g/kg

    It-18 ta' Awwissu 2015

    It-18 ta' Awwissu 2025

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' analiżi dwar is-sulfoksaflor, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

    F'din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dawn li ġejjin:

    (a)

    ir-riskju għan-naħal u għal antropodi oħra mhux fil-mira;

    (b)

    ir-riskju għan-naħal u għal naħal bagħli li jiġi rilaxxat għad-dakkir, meta s-sustanza tintuża fis-serer.

    Fejn xieraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju.

    L-applikant għandu jippreżenta informazzjoni ta' konferma dwar:

    (a)

    Ir-riskju għan-naħal tal-għasel permezz ta' rotot differenti ta' esponiment, b'mod partikolari n-nektar, l-għabra tad-dakra, il-fluwidu tal-guttazzjoni u t-trab;

    (b)

    ir-riskju għan-naħal tal-għasel li jfittxu n-nektar jew l-għabra tad-dakra fl-għelejjel li jitkabbru wara u fil-ħxejjex slavaġ;

    (c)

    ir-riskju għal dakkara oħra apparti n-naħal tal-għasel;

    (d)

    ir-riskju għad-duqqajs tan-naħal.

    L-applikant għandu jippreżenta dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità sa mhux aktar tard mit-18 ta' Awwissu 2017.


    (1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' reviżjoni.


    ANNESS II

    Fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiżdied l-entrata li ġejja:

    Numru

    Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità (*)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    “88

    Sulfoksaflor

    Nru tas-CAS: 946578-00-3

    Nru CIPAC: 820

    [metil(osso){1-[6-(trifluworometil)-3-piridil]etil}-λ6-sulfaniliden]ċijanammid

    ≥ 950 g/kg

    It-18 ta' Awwissu 2015

    It-18 ta' Awwissu 2025

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' analiżi dwar is-sulfoksaflor, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

    F'din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari:

    (a)

    ir-riskju għan-naħal u għal antropodi oħra mhux fil-mira;

    (b)

    ir-riskju għan-naħal u għal naħal bagħli li jiġi rilaxxat għad-dakkir, meta s-sustanza tintuża fis-serer.

    Fejn xieraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju.

    L-applikant għandu jippreżenta informazzjoni ta' konferma dwar:

    (a)

    ir-riskju għan-naħal tal-għasel permezz ta' rotot differenti ta' esponiment, b'mod partikolari n-nektar, l-għabra tad-dakra, il-fluwidu tal-guttazzjoni u t-trab;

    (b)

    ir-riskju għan-naħal tal-għasel li jfittxu n-nektar jew l-għabra tad-dakra fl-għelejjel li jitkabbru wara u fil-ħxejjex slavaġ;

    (c)

    ir-riskju għal dakkara oħra apparti n-naħal tal-għasel;

    (d)

    ir-riskju għad-duqqajs tan-naħal.

    L-applikant għandu jippreżenta dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità sa mhux aktar tard mit-18 ta' Awwissu 2017.”


    (*)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' analiżi.


    Top