This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015R1018
Commission Implementing Regulation (EU) 2015/1018 of 29 June 2015 laying down a list classifying occurrences in civil aviation to be mandatorily reported according to Regulation (EU) No 376/2014 of the European Parliament and of the Council (Text with EEA relevance)
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1018 tad-29 ta' Ġunju 2015 li jistabbilixxi lista ta' klassifikazzjoni tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili li għandhom jiġu rapportati b'mod mandatorju skont ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1018 tad-29 ta' Ġunju 2015 li jistabbilixxi lista ta' klassifikazzjoni tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili li għandhom jiġu rapportati b'mod mandatorju skont ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 163, 30.6.2015, p. 1–17
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 25/01/2022
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32015R1018R(01) | (SV) | |||
Corrected by | 32015R1018R(02) | (NL) | |||
Corrected by | 32015R1018R(03) | (NL) | |||
Modified by | 32022R0003 | Sostituzzjoni (BG, ET, SL) | anness II taqsima 3 punt 17 | 25/01/2022 |
30.6.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 163/1 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1018
tad-29 ta' Ġunju 2015
li jistabbilixxi lista ta' klassifikazzjoni tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili li għandhom jiġu rapportati b'mod mandatorju skont ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar ir-rapportar, l-analiżi u s-segwitu ta' okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(5) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 jirrikjedi li jiġu stabbiliti sistemi ta' rapportar tal-okkorrenzi fil-livelli tal-organizzazzjoni, l-Istat Membru u l-Unjoni, maħsuba għall-informazzjoni rilevanti kollha tas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili li għandha tiġi rapportata, miġbura, maħżuna, protetta, skambjata, disseminata, analizzata u segwita. Barra minn hekk, fih previst regoli li jillimitaw l-użu tal-informazzjoni miġbura għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni u l-protezzjoni xierqa tar-rapportatur u ta' persuni oħrajn imsemmija fir-rapporti tal-okkorrenza bil-ħsieb li tkun żgurata disponibbiltà kontinwata tal-informazzjoni tas-sikurezza. Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 japplika għall-inġenji tal-ajru kollha definiti u koperti minn dak ir-Regolament, inkluż inġenji tal-ajru misjuqa mill-piloti kif ukoll Sistemi ta' Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod. |
(2) |
Skont l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014, il-Kummissjoni hija meħtieġa tadotta lista li tikklassifika l-okkorrenzi li għandha ssir referenza għalihom meta jiġu rapportati l-okkorrenzi, skont sistemi ta' rapportar mandatorji stabbiliti f'dak ir-Regolament, u li jidħlu fil-kategoriji tal-Artikolu 4(1) ta' dak ir-Regolament. Għandu jkun hemm tieni lista li jkun fiha, skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014, klassifikazzjoni tal-okkorrenzi applikabbli għall-inġenji tal-ajru apparti minn inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu bil-magni. Din it-tieni lista, fejn jixraq, għandha tiġi adattata għall-ispeċifiċitajiet ta' dak is-settur tal-avjazzjoni. |
(3) |
Id-diviżjoni f'kategoriji tal-okkorrenzi li għandhom jiġu rapportati previsti fir-Regolament (UE) Nru 376/2014 ġiet stabbilita sabiex tippermetti l-identifikazzjoni, minn persuni maħtura permezz ta' dak ir-Regolament, tal-okkorrenzi li għandhom jiġu rapportati minn kull wieħed minnhom. F'konformità ma' dak l-għan, il-listi tal-okkorrenzi għandhom jiġu diviżi skont il-kategoriji li r-rapportaturi għandhom jirreferu għalihom, f'konformità mas-sitwazzjoni rispettiva tagħhom, skont ir-Regolament (UE) Nru 376/2014. |
(4) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-klassifikazzjoni dettaljata tal-okkorrenzi li għandha ssir referenza għalihom matul ir-rapportar, permezz ta' sistemi ta' rapportar mandatorji, l-okkorrenzi skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 hija stipulata fl-Annessi I sa V ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu jibda japplika mill-15 ta' Novembru 2015.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Ġunju 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1).
ANNESS I
OKKORRENZI MARBUTA MAL-OPERAT TAL-INĠENJU TAL-AJRU
Rimarka: Dan l-Anness huwa strutturat f'tali mod li l-okkorrenzi pertinenti huma marbuta mal-kategoriji tal-attivitajiet li matulhom jiġu osservati normalment, skont l-esperjenza, sabiex jiffaċilitaw ir-rapportar ta' dawk l-okkorrenzi. Madankollu, din il-preżentazzjoni ma tridx tinftiehem li tfisser li l-okkorrenzi ma jridux jiġu rrapportati fil-każ li jokkorru barra mill-kategorija tal-attivitajiet li magħhom huma marbuta fil-lista.
1. OPERAZZJONIJIET TAL-AJRU
1.1. Tħejjija għat-titjira
(1) |
Użu ta' dejta skorretta jew entrati żbaljati fit-tagħmir użat għan-navigazzjoni jew kalkoli tal-prestazzjoni li pperikolaw jew setgħu pperikolaw l-inġenju tal-ajru, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
(2) |
Ġarr jew attentat ta' ġarr ta' oġġetti perikolużi f'kontravenzjoni tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli inkluż tikkettar, imballaġġ u ġestjoni skorretti ta' oġġetti perikolużi. |
1.2. Tħejjija tal-inġenju tal-ajru
(1) |
Tip ta' fjuwil skorrett jew fjuwil kontaminat. |
(2) |
Trattament skorrett, mhux adegwat jew li ma sarx għat-tneħħija tas-silġ/ta' kontra s-silġ. |
1.3. Tlugħ u nżul
(1) |
Eskursjoni tat-taxiway jew tar-runway. |
(2) |
Inkursjoni reali jew potenzjali tat-taxiway jew tar-runway. |
(3) |
Inkursjoni taż-Żona ta' Tlugħ u ta' Avviċinament Finali (FATO). |
(4) |
Kwalunkwe tluq miċħud. |
(5) |
Inabbiltà li tinkiseb il-prestazzjoni meħtieġa jew mistennija matul it-tlugħ, id-dawran jew l-inżul. |
(6) |
Tlugħ reali jew attentat ta' tlugħ, avviċinament jew inżul b'setting tal-konfigurazzjoni skorrett. |
(7) |
Ħabta mad-denb, il-pala/ġewnagħ jew il-gondola matul it-tlugħ jew l-inżul. |
(8) |
Avviċinament jitkompla kontra l-kriterji tal-avviċinament stabbiliti mill-operatur tal-ajru. |
(9) |
Tkomplija ta' avviċinament strumentali taħt il-minimi ppubblikati b'referenzi viżivi inadegwati. |
(10) |
Inżul bi prekawzjoni jew sfurzat. |
(11) |
Inżul qasir jew twil. |
(12) |
Inżul f'daqqa. |
1.4. Kwalunkwe fażi tat-titjira
(1) |
Telf tal-kontroll. |
(2) |
Inġenju tal-ajru instabbli, li jaqbeż l-orjentazzjoni normali tal-iskrun, l-angolu ta' inklinazzjoni laterali jew veloċità fl-ajru mhux adattata għall-kundizzjonijiet. |
(3) |
Devjazzjoni fl-altitudni. |
(4) |
Attivazzjoni ta' kwalunke protezzjoni tal-pakkett tat-titjira, inkluż twissija ta' waqfien, vibratur tal-istikka, imbutatur tal-istikka jew protezzjonijiet awtomatiċi. |
(5) |
Devjazzjoni mhux intenzjonata mit-trajettorja intenzjonata jew assenjata tal-inqas minn darbtejn tal-prestazzjoni tan-navigazzjoni meħtieġa jew 10 mili nawtiċi. |
(6) |
Qabża tal-limitu tal-manwal tat-titjira tal-inġenju tal-ajru. |
(7) |
Operat b'setting ħażin tal-altimeter. |
(8) |
Okkorrenzi tal-blast tal-ġett jew tal-kurrent tal-arja tar-rotor jew tal-prop li pperikolaw jew setgħu pperikolaw l-inġenju tal-ajru, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
(9) |
Miżinterpretazzjoni tal-modalità awtomatizzata jew ta' kwalunkwe informazzjoni tal-kabina tal-ekwipaġġ fornuta lill-ekwipaġġ tat-titjira li pperikolat jew setgħat ipperikolat l-inġenju tal-ajru, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
1.5. Tipi oħrajn ta' okkorrenzi
(1) |
Rilaxx mhux intenzjonat ta' merkanzija jew tagħmir ieħor li jinġarr fuq barra. |
(2) |
Telf ta' sensibilizzazzjoni tas-sitwazzjoni (inkluż sensibilizzazzjoni tal-ambjent, il-modalità u s-sistema, id-diżorjentazzjoni spazjali, u l-orizzont temporali). |
(3) |
Kwalunkwe okkorrenza fejn il-prestazzjoni umana kkontribwiet direttament jew setgħat ikkontribwiet għal aċċident jew inċident serju. |
2. OKKORRENZI TEKNIĊI
2.1. Struttura u sistemi
(1) |
Telf ta' kwalunkwe parti tal-istruttura tal-inġenju tal-ajru matul it-titjira. |
(2) |
Telf ta' sistema. |
(3) |
Telf tal-assigurazzjoni ta' sostenn ta' sistema. |
(4) |
Tnixxija ta' kwalunkwe fluwidu li rriżultat f'periklu ta' nirien jew f'kontaminazzjoni possibbilment perikoluża tal-istruttura, tas-sistemi jew tat-tagħmir tal-inġenju tal-ajru, jew pperikolat jew setgħat ipperikolat l-inġenju tal-ajru, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
(5) |
Funzjonamenti ħżiena jew difetti fis-sistema tal-fjuwil, li kellhom effett fuq l-għoti u/jew id-distribuzzjoni tal-fjuwil. |
(6) |
Funzjonament ħażin jew difett ta' kwalunkwe sistema ta' indikazzjoni meta dawn jirriżultaw f'indikazzjonijiet li jtellfu lill-ekwipaġġ. |
(7) |
Funzjonament anormali tal-kontrolli tat-titjira bħal kontrolli asimetriċi jew imwaħħlin/iġġamjati (pereżempju: refa' (flaps/slats), reżistenza tal-arja (spoilers), apparat tal-kontroll tal-orjentazzjoni (ailerons, kontrolluri tat-tlugħ tal-inġenju tal-ajru, tmun)). |
2.2. Propulsjoni (inkluż magni, skrejjen u sistemi tar-rotor) u unitajiet ta' potenza awżiljarja (APUs)
(1) |
Telf jew funzjonament ħażin sinifikanti ta' kwalunkwe parti jew kontroll ta' skrun, rotor jew powerplant. |
(2) |
Ħsara jew telf tar-rotor jew tat-trażmissjoni prinċipali/tad-denb u/jew tas-sistemi ekwivalenti. |
(3) |
Flameout, matul l-għeluq ta' titjira ta' kwalunkwe magna jew APU meta meħtieġa (pereżempju: ETOPS (Operazzjonijiet fuq firxa kbira tal-inġenju tal-ajru b'żewġ magni), MEL (Lista tat-Tagħmir Minimu)). |
(4) |
Magna li topera limitazzjoni ta' skorriment, inkluż veloċità eċċessiva jew inabbiltà li tiġi kkontrollata l-veloċità ta' kwalunkwe komponent ta' rotazzjoni b'veloċità għolja (pereżempju: APU, air starter, magna taċ-ċiklu tal-arja, mutur tat-turbini tal-arja, skrun jew rotor). |
(5) |
Telf jew funzjonament ħażin ta' kwalunkwe parti ta' magna, powerplant, APU jew trażmissjoni li jirriżulta f'waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:
|
3. INTERAZZJONI MA' SERVIZZI TAN-NAVIGAZZJONI TAL-AJRU (ANS) U ĠESTJONI TAT-TRAFFIKU TAL-AJRU (ATM)
(1) |
Approvazzjoni mhux sikura tal-ATC (Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru). |
(2) |
Telf prolongat ta' komunikazzjoni mal-ATS (Servizz tat-Traffiku tal-Ajru) jew Unità ATM. |
(3) |
Struzzjonijiet konfliġġenti minn Unitajiet ATS differenti li potenzjalment jistgħu jwasslu għal telf ta' separazzjoni. |
(4) |
Miżinterpretazzjoni tal-komunikazzjoni bir-radju li pperikolat jew setgħat ipperikolat l-inġenju tal-ajru, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
(5) |
Devjazzjoni intenzjonata mill-istruzzjoni tal-ATC li pperikolat jew setgħat ipperikolat l-inġenju tal-ajru, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
4. EMERĠENZI U SITWAZZJONIJIET KRITIĊI OĦRAJN
(1) |
Kwalunkwe avveniment li jwassal għad-dikjarazzjoni ta' emerġenza (sejħa “MAYDAY” jew “PAN”). |
(2) |
Kwalunkwe ħruq, tidwib, duħħan, dħaħen, arcing, tisħin żejjed, nirien jew splużjoni. |
(3) |
Arja kontaminata fil-kabina tal-ekwipaġġ jew fil-kompartiment tal-passiġġieri li pperikolat jew setgħat ipperikolat l-inġenju tal-ajru, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
(4) |
Nuqqas ta' applikazzjoni korretta tal-proċedura mhux normali jew tal-emerġenza mill-ekwipaġġ tat-titjira jew tal-kabina biex jittrattaw emerġenza. |
(5) |
Użu ta' kwalunkwe tagħmir tal-emerġenza jew proċedura mhux normali li taffettwa l-prestazzjoni matul it-titjira jew fl-inżul. |
(6) |
Nuqqas ta' kwalunkwe sistema jew tagħmir tal-emerġenza jew ta' salvataġġ li pperikolat jew setgħat ipperikolat l-inġenju tal-ajru, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
(7) |
Pressjoni tal-kabina inkontrollabbli. |
(8) |
Kwantità tal-fjuwil kritikalment baxxa jew kwantità tal-fjuwil fid-destinazzjoni inqas mir-riżerva finali meħtieġa tal-fjuwil. |
(9) |
Kwalunkwe użu tas-sistema tal-ossiġenu tal-ekwipaġġ mill-ekwipaġġ. |
(10) |
Inkapaċitar ta' kwalunkwe membru tat-titjira jew tal-ekwipaġġ tal-kabina li jirriżulta fi tnaqqis taħt il-komplement minimu tal-ekwipaġġ iċċertifikat. |
(11) |
Eżawriment tal-ekwipaġġ li jkollha impatt jew potenzjalment jkollha impatt fuq l-abbiltà tagħhom li jwettqu d-doveri tagħhom tat-titjira b'mod sikur. |
5. AMBJENT ESTERN U METEOROLOĠIJA
(1) |
Ħabta jew kważi ħabta, fuq l-art jew fl-ajru, ma' inġenju tal-ajru ieħor, fuq terren jew ma' ostaklu (1). |
(2) |
ACAS RA (Sistema għall-Evitar ta' Kolliżjonijiet fl-Ajru, Riżoluzzjoni Konsultattiva). |
(3) |
Attivazzjoni ta' sistema awtentika ta' ħabta mal-art bħal “twissija” GPWS (Sistema ta' Twissija ta' Qrubija lejn l-Art)/TAWS (Sistema ta' Sensibilizzazzjoni u Twissija ta' Terren). |
(4) |
Ħabta ma' annimali selvaġġi inkluż ħabta ma' għasfur. |
(5) |
Ħsara/frak minn oġġett barrani (FOD). |
(6) |
Sejba mhux mistennija ta' kundizzjonijiet ħżiena tas-superfiċe tar-runway. |
(7) |
Sejba ta' turbolenza tar-radda. |
(8) |
Interferenza mal-inġenju tal-ajru minn armi tan-nar, logħob tan-nar, tajri, illuminazzjoni bil-laser, dawl qawwi ħafna, lasers, sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod, mudelli ta' inġenji tal-ajru jew mezzi simili. |
(9) |
Sajjetta li rriżultat fi ħsara lill-inġenju tal-ajru jew telf jew funzjonament ħażin ta' kwalunkwe sistema tal-inġenju tal-ajru. |
(10) |
Sejba ta' silġ li rriżultat fi ħsara lill-inġenju tal-ajru jew telf jew funzjonament ħażin ta' kwalunkwe sistema tal-inġenju tal-ajru. |
(11) |
Sejba ta' turbolenza severa jew kwalunkwe sejba oħra li jiltaqa' magħha li tirriżulta f'korriment għal min jinsab fl-inġenju tal-ajru jew fejn l-inġenju tal-ajru ikun meqjus li jirrikjedi “verifika tat-turbolenza”. |
(12) |
Sejba ta' varjazzjonijiet sinifikanti fir-riħ jew maltempata li pperikolaw jew setgħu pperikolaw l-inġenju tal-ajru, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
(13) |
Sejba ta' silġ li tirriżulta f'diffikultajiet ta' mmaniġjar, ħsara lill-inġenju tal-ajru jew telf jew funzjonament ħażin ta' kwalunkwe sistema tal-inġenju tal-ajru. |
(14) |
Sejba ta' rmied volkaniku. |
6. SIGURTÀ
(1) |
Theddida ta' bomba jew hijack. |
(2) |
Diffikultà biex jiġu kkontrollati passiġġieri intossikati, vjolenti jew li ma jirrispettawx ir-regoli. |
(3) |
Sejba ta' passiġġier klandestin. |
(1) L-ostaklu jinkludi vettura.
ANNESS II
OKKORRENZI RELATATI MA' KUNDIZZJONIJIET TEKNIĊI, MANUTENZJONI U TISWIJA TAL-INĠENJU TAL-AJRU
1. MANIFATTURA
Prodotti, partijiet jew tagħmir rilaxxati mill-organizzazzjoni tal-produzzjoni b'devjazzjonijiet mid-dejta applikabbli tad-disinn li tista' twassal għal kundizzjoni potenzjalment mhux sikura kif identifikat mid-detentur taċ-ċertifikat tat-tip jew l-approvazzjoni tad-disinn.
2. DISINN
Kwalunkwe nuqqas, funzjonament ħażin, difett jew okkorrenza oħra relatati ma' prodott, parti jew tagħmir li rriżultaw jew jistgħu jirriżultaw f'kundizzjoni mhux sikura.
Rimarka: Din il-lista hija applikabbli għal okkorrenzi li jokkorru fuq prodott, parti jew tagħmir kopert miċ-ċertifikat tat-tip, ċertifikat tat-tip ristrett, ċertifikat tat-tip supplimentari, awtorizzazzjoni ETSO, approvazzjoni ta' disinn ta' tiswija kbira jew kwalunkwe approvazzjoni rilevanti oħra kkunsidrata li tkun inħarġet skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (1).
3. MANUTENZJONI JEW ĠESTJONI KONTINWATA TAL-AJRUNAVIGABBILTÀ
(1) |
Ħsara strutturali serja (pereżempju: xquq, deformazzjoni permanenti, delaminazzjoni, debonding, ħruq, użu eċċessiv, jew korrużjoni) misjuba matul il-manutenzjoni tal-inġenju tal-ajru jew ta' komponent. |
(2) |
Tnixxija serja jew kontaminazzjoni tal-fluwidi (pereżempju: fluwidi idrawliċi, fjuwil, żejt, gass jew oħrajn). |
(3) |
Ħsara jew funzjonament ħażin ta' kwalunkwe parti tal-magna jew powerplant u/jew trażmissjoni li jirriżultaw f'waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:
|
(4) |
Ħsara, telf jew difett fi skrun, li jistgħu jwasslu għal separazzjoni matul it-titjira tal-iskrun jew kwalunkwe porzjoni maġġuri oħra tal-iskrun u/jew funzjonamenti ħżiena tal-kontroll tal-iskrun. |
(5) |
Ħsara, telf jew difett tal-gerboks/ehmża tar-rotor prinċipali, li tista' twassal għal separazzjoni matul it-titjira tal-assemblaġġ tar-rotor u/jew għal funzjonamenti ħżiena tal-kontroll tar-rotor. |
(6) |
Funzjonament ħażin sinifikanti ta' sistema jew tagħmir tas-sikurezza kritiċi inkluż sistema jew tagħmir tal-emerġenza matul l-ittestjar tal-manutenzjoni jew nuqqas ta' attivazzjoni ta' dawn is-sistemi wara l-manutenzjoni. |
(7) |
Assemblaġġ jew installazzjoni skorretti ta' komponenti tal-inġenju tal-ajru misjuba matul spezzjoni jew proċedura tat-test mhux intenzjonati għal dak l-iskop speċifiku. |
(8) |
Valutazzjoni żbaljata ta' difett serju, jew nuqqas ta' konformità serju mal-MEL u l-proċeduri tal-logbook tekniku. |
(9) |
Ħsara serja fl-EWIS (Sistema ta' Interkonnessjoni tal-Wajering Elettriku). |
(10) |
Kwalunkwe difett f'parti kritika limitata b'perjodu taż-żmien taċ-ċiklu tal-ħajja tagħha li jikkawża l-irtirar qabel it-tlestija taċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħha. |
(11) |
L-użu ta' prodotti, komponenti jew materjali minn komponenti kritiċi mhux magħrufa, ta' oriġini suspettuża, jew li ma jistax isir servizz fuqhom. |
(12) |
Dejta jew proċeduri ta' manutenzjoni li jfixklu, huma skorretti jew insuffiċjenti li jistgħu jwasslu għal żbalji sinifikanti ta' manutenzjoni, inkluż il-kwistjoni tal-lingwa. |
(13) |
Kontroll jew applikazzjoni skorretti tal-limitazzjonijiet tal-manutenzjoni tal-inġenju tal-ajru jew tal-manutenzjoni skedata. |
(14) |
Rilaxx ta' inġenju tal-ajru għas-servizz mill-manutenzjoni fil-każ ta' kwalunkwe nuqqas ta' konformità li tipperikola s-sikurezza tat-titjira. |
(15) |
Ħsara serja kkawżata f'inġenju tal-ajru matul attivitajiet ta' manutenzjoni minħabba manutenzjoni skorretta jew użu ta' tagħmir ta' appoġġ fl-art mhux adattat jew li ma jistax isir servizz fuqu li jirrikjedi azzjonijiet addizzjonali tal-manutenzjoni. |
(16) |
Okkorrenzi identifikati ta' ħruq, tidwib, duħħan, arcing, tisħin żejjed jew nirien. |
(17) |
Kwalunkwe okkorrenza fejn il-prestazzjoni umana, inkluż eżawriment tal-persunal, ikkontribwiet direttament jew setgħat ikkontribwiet għal aċċident jew inċident serju. |
(18) |
Funzjonament ħażin, kwistjoni ta' affidabbiltà, jew kwistjoni ta' kwalità ta' rekordjar rikorrenti sinifikanti, li jeffettwaw sistema ta' rekordjar tat-titjira (bħal sistema ta' rekordjar tad-dejta ta' titjira, sistema ta' rekordjar b'link tad-dejta jew sistema ta' rekordjar tal-vuċi fil-kabina tal-ekwipaġġ) jew nuqqas ta' informazzjoni meħtieġa biex tiżgura l-abbiltà ta' servizz ta' sistema ta' rekordjar ta' titjira. |
(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta' Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta' inġenji tal-ajru u ta' prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).
ANNESS III
OKKORRENZI RELATATI MA' SERVIZZI U FAĊILITAJIET TA' NAVIGAZZJONI TAL-AJRU
Rimarka: Dan l-Anness huwa strutturat f'tali mod li l-okkorrenzi pertinenti huma marbuta mal-kategoriji tal-attivitajiet li matulhom jiġu osservati normalment, skont l-esperjenza, sabiex jiffaċilitaw ir-rapportar ta' dawk l-okkorrenzi. Madankollu, din il-preżentazzjoni ma tridx tinftiehem li tfisser li l-okkorrenzi ma jridux jiġu rrapportati fil-każ li jokkorru barra mill-kategorija tal-attivitajiet li magħhom huma marbuta fil-lista.
1. OKKORRENZI RELATATI MAL-INĠENJU TAL-AJRU
(1) |
Ħabta jew kważi ħabta, fuq l-art jew fl-ajru, bejn inġenju tal-ajru u inġenju tal-ajru ieħor, fuq terren jew ma' ostaklu (1), inkluż titjira kkontrollata mill-qrib fuq terren (CFIT mill-qrib). |
(2) |
Ksur tas-separazzjoni minima (2). |
(3) |
Separazzjoni inadegwata (3). |
(4) |
ACAS RAs. |
(5) |
Ħabta ma' annimali selvaġġi inkluż ħabta ma' għasfur. |
(6) |
Eskursjoni tat-taxiway jew tar-runway. |
(7) |
Inkursjoni reali jew potenzjali tat-taxiway jew tar-runway. |
(8) |
Inkursjoni taż-Żona ta' Tlugħ u ta' Avviċinament Finali (FATO). |
(9) |
Devjazzjoni tal-inġenju tal-ajru mill-approvazzjoni tal-ATC. |
(10) |
Devjazzjoni tal-inġenju tal-ajru mir-regolament applikabbli tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM):
|
(11) |
Okkorrenzi relatati ma' konfużjoni tas-sinjal tas-sejħa. |
2. DEGRADAZZJONI JEW TELF TOTALI TA' SERVIZZI JEW TA' FUNZJONIJIET
(1) |
Inabbiltà ta' forniment ta' servizzi ATM jew ta' eżekuzzjoni ta' funzjonijiet ATM:
|
(2) |
Informazzjoni nieqsa jew skorretta, korrotta, inadegwata jew żbaljata b'mod sinifikanti minn kwalunkwe servizz ta' appoġġ (4), inkluż dik marbuta ma' kundizzjonijiet dgħajfa tas-superfiċe tar-runway. |
(3) |
Ħsara fis-servizz tal-Komunikazzjoni. |
(4) |
Ħsara fis-servizzi ta' Sorveljanza. |
(5) |
Ħsara fil-funzjoni jew is-servizz tal-Ipproċessar u d-Distribuzzjoni tad-Dejta. |
(6) |
Ħsara fis-servizz ta' Navigazzjoni. |
(7) |
Ħsara fis-sistema tas-sigurtà tal-ATM li kellha jew jista' jkollha impatt negattiv dirett fuq il-forniment sikur tas-servizz. |
(8) |
Tagħbija eċċessiva sinifikanti tas-settur/pożizzjoni tal-ATS li possibbilment twassal għal deterjorament fil-forniment tas-servizz. |
(9) |
Riċeviment jew interpretazzjoni skorretta ta' komunikazzjonijiet sinifikanti, inkluż nuqqas ta' fehim tal-lingwa użata, fejn din kellha jew jista' jkollha impatt negattiv sinifikanti fuq il-forniment sikur ta' servizz. |
(10) |
Telf prolongat ta' komunikazzjoni ma' inġenju tal-ajru jew ma' unità ATS oħra. |
3. OKKORRENZI OĦRAJN
(1) |
Dikjarazzjoni ta' emerġenza (sejħa “MAYDAY” jew “PAN”). |
(2) |
Interferenza esterna sinifikanti mas-Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru (pereżempju Stazzjonijiet tax-Xandir bir-Radju li jittrasmettu fuq il-frekwenza FM, li jinterferixxu mal-ILS (sistema ta' nżul bl-istrumenti), il-VOR (sinjal tar-radju omnidirezzjonali VHF) u l-komunikazzjoni). |
(3) |
Interferenza mal-inġenju tal-ajru, unità ATS jew trażmissjoni ta' komunikazzjoni bir-radju li tinkludi armi tan-nar, logħob tan-nar, tajri, illuminazzjoni bil-laser, dawl tal-laser qawwi ħafna, Sistemi ta' Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod, mudelli ta' inġenji tal-ajru jew mezzi simili. |
(4) |
Rimi ta' fjuwil. |
(5) |
Theddida ta' bomba jew hijack. |
(6) |
Eżawriment li jkollha impatt jew potenzjalment jista' jkollha impatt fuq l-abbiltà ta' prestazzjoni sikura tad-doveri tan-navigazzjoni bl-ajru jew tat-traffiku tal-ajru. |
(7) |
Kwalunkwe okkorrenza fejn il-prestazzjoni umana kkontribwiet direttament jew setgħat ikkontribwiet għal aċċident jew inċident serju. |
(1) L-ostaklu jinkludi vettura.
(2) Din tirreferi għal sitwazzjoni fejn is-separazzjoni minima preskritta ma nżammitx bejn l-inġenji tal-ajru jew bejn inġenju tal-ajru u l-ispazju tal-ajru fejn hija preskritta s-separazzjoni minima.
(3) Fin-nuqqas ta' separazzjoni minima preskritta, sitwazzjoni li fiha l-inġenji tal-ajru ġew perċeputi li kienu viċin wisq ta' xulxin biex il-piloti jiżguraw separazzjoni sikura.
(4) Pereżempju: servizzi tat-traffiku tal-ajru (ATS), servizz ta' informazzjoni b'terminal awtomatiku (ATIS), servizzi meteoroloġiċi, bażijiet tad-dejta tan-navigazzjoni, mapep, charts, servizz ta' informazzjoni ajrunawtika (AIS), manwali.
ANNESS IV
OKKORRENZI RELATATI MAL-AJRUDROMI U S-SERVIZZI FUQ L-ART
1. ĠESTJONI TAS-SIKUREZZA TA' AJRUDROM
Rimarka: Din it-Taqsima hija strutturata f'tali mod li l-okkorrenzi pertinenti huma marbuta mal-kategoriji tal-attivitajiet li matulhom jiġu osservati normalment, skont l-esperjenza, sabiex jiffaċilitaw ir-rapportar ta' dawk l-okkorrenzi. Madankollu, din il-preżentazzjoni ma tridx tinftiehem li tfisser li l-okkorrenzi ma jridux jiġu rrapportati fil-każ li jokkorru barra mill-kategorija tal-attivitajiet li magħhom huma marbuta fil-lista.
1.1. Okkorrenzi relatati mal-inġenju tal-ajru u mal-ostaklu
(1) |
Ħabta jew kważi ħabta, fuq l-art jew fl-ajru, bejn inġenju tal-ajru u inġenju tal-ajru ieħor, fuq terren jew ma' ostaklu (1). |
(2) |
Ħabta ma' annimali selvaġġi inkluż ħabta ma' għasfur. |
(3) |
Eskursjoni tat-taxiway jew tar-runway. |
(4) |
Inkursjoni reali jew potenzjali tat-taxiway jew tar-runway. |
(5) |
Inkursjoni jew eskursjoni taż-Żona ta' Tlugħ u ta' Avviċinament Finali (FATO). |
(6) |
Inġenju tal-ajru jew vettura jonqsu milli jsegwu approvazzjoni, struzzjoni jew restrizzjoni filwaqt li jkunu qed joperaw fiż-żona tal-moviment ta' ajrudrom (pereżempju: runway, taxiway jew parti ristretta ta' ajrudrom żbaljati). |
(7) |
Oġġett barrani fiż-żona tal-moviment tal-ajrudrom li pperikola jew seta' pperikola l-inġenju tal-ajru, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
(8) |
Preżenza ta' ostakli fl-ajrudrom jew fil-viċinat ta' ajrudrom li ma humiex pubblikati fl-AIP (Pubblikazzjoni ta' Informazzjoni Ajrunawtika) jew min-NOTAM (Avviż lill-Ekwipaġġ) u/jew li ma humiex immarkati jew mixgħula sew. |
(9) |
Imbuttatura lura, tnaqqis fil-potenza jew interferenza fuq it-taxi minn vettura, tagħmir jew persuna. |
(10) |
Passiġġieri jew persuna mhux awtorizzata tħallew mingħajr superviżjoni fuq is-superfiċe asfaltata fl-ajrudrom. |
(11) |
Blast tal-ġett, bidla fil-kurrent tal-arja tar-rotor jew effett tal-blast tal-iskrun. |
(12) |
Dikjarazzjoni ta' emerġenza (sejħa “MAYDAY” jew “PAN”). |
1.2. Degradazzjoni jew telf totali ta' servizzi jew ta' funzjonijiet
(1) |
Telf jew nuqqas ta' komunikazzjoni bejn:
|
(2) |
Telf sinifikanti, funzjonament ħażin jew difett tat-tagħmir jew sistema tal-ajrudrom li pperikolaw jew setgħu pperikolaw l-inġenju tal-ajru jew il-persuni ta' ġo fih. |
(3) |
Nuqqasijiet sinifikanti fid-dawl, fl-immarkar jew fis-sinjali tal-ajrudrom. |
(4) |
Telf tas-sistema tal-alert ta' emerġenza tal-ajrudrom. |
(5) |
Servizzi ta' salvataġġ u ta' tifi tan-nar mhux disponibbli skont ir-rekwiżiti applikabbli. |
1.3. Okkorrenzi oħrajn
(1) |
Nirien, duħħan, splużjonijiet fil-faċilitajiet, il-viċinanżi u t-tagħmir tal-ajrudrom li pperikolaw jew setgħu pperikolaw l-inġenju tal-ajru, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
(2) |
Okkorrenzi relatati mas-sigurtà tal-ajrudrom (pereżempju: dħul mhux awtorizzat, sabutaġġ, theddida ta' bomba). |
(3) |
Nuqqas ta' rapportar ta' bidla sinifikanti fil-kundizzjonijiet tal-operat tal-ajrudrom li pperikola jew seta' pperikola l-inġenju tal-ajru, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
(4) |
Trattament skorrett, mhux adegwat jew li ma sarx għat-tneħħija tas-silġ/ta' kontra s-silġ. |
(5) |
Tixrid sinifikanti matul l-operazzjonijiet tal-fjuwil. |
(6) |
Għoti ta' fjuwil jew fluwidi essenzjali oħrajn kontaminati jew ta' tip skorrett (inkluż ossiġenu, nitroġenu, żejt u ilma tajjeb għax-xorb). |
(7) |
Nuqqas fl-immaniġġjar tal-kundizzjonijiet ħżiena tas-superfiċe tar-runway. |
(8) |
Kwalunkwe okkorrenza fejn il-prestazzjoni umana kkontribwiet direttament jew setgħat ikkontribwiet għal aċċident jew inċident serju. |
2. GROUND HANDLING TA' INĠENJU TAL-AJRU
Rimarka: Din it-Taqsima hija strutturata f'tali mod li l-okkorrenzi pertinenti huma marbuta mal-kategoriji tal-attivitajiet li matulhom jiġu osservati normalment, skont l-esperjenza, sabiex jiffaċilitaw ir-rapportar ta' dawk l-okkorrenzi. Madankollu, din il-preżentazzjoni ma tridx tinftiehem li tfisser li l-okkorrenzi ma jridux jiġu rrapportati fil-każ li jokkorru barra mill-kategorija tal-attivitajiet li magħhom huma marbuta fil-lista.
2.1. Okkorrenzi marbuta mal-inġenju tal-ajru u mal-ajrudrom
(1) |
Ħabta jew kważi ħabta, fuq l-art jew fl-ajru, bejn inġenju tal-ajru u inġenju tal-ajru ieħor, fuq terren jew ma' ostaklu (2). |
(2) |
Inkursjoni tar-runway jew tat-taxiway. |
(3) |
Eskursjoni tar-runway jew tat-taxiway. |
(4) |
Kontaminazzjoni sinifikanti tal-istruttura, tas-sistemi u tat-tagħmir tal-inġenju tal-ajru li tirriżulta mill-ġarr ta' bagalji, posta jew merkanzija. |
(5) |
Imbuttatura lura, tnaqqis fil-potenza jew interferenza fuq it-taxi minn vettura, tagħmir jew persuna. |
(6) |
Oġġett barrani fiż-żona tal-moviment tal-ajrudrom li pperikola jew seta' pperikola l-inġenju tal-ajru, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
(7) |
Passiġġieri jew persuna mhux awtorizzata tħallew mingħajr superviżjoni fuq is-superfiċe asfaltata fl-ajrudrom. |
(8) |
Nirien, duħħan, splużjonijiet fil-faċilitajiet, il-viċinanżi u t-tagħmir tal-ajrudrom li pperikolaw jew setgħu pperikolaw l-inġenju tal-ajru, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
(9) |
Okkorrenzi relatati mas-sigurtà tal-ajrudrom (pereżempju: dħul mhux awtorizzat, sabutaġġ, theddida ta' bomba). |
2.2. Degradazzjoni jew telf totali ta' servizzi jew ta' funzjonijiet
(1) |
Telf jew nuqqas ta' komunikazzjoni mal-inġenju tal-ajru, il-vettura, l-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru jew l-unità ta' servizz ta' ġestjoni fuq is-superfiċe asfaltata fl-ajrudrom. |
(2) |
Telf sinifikanti, funzjonament ħażin jew difett tat-tagħmir jew sistema tal-ajrudrom li pperikolaw jew setgħu pperikolaw l-inġenju tal-ajru jew il-persuni ta' ġo fih. |
(3) |
Nuqqasijiet sinifikanti fid-dawl, fl-immarkar jew fis-sinjali tal-ajrudrom. |
2.3. Okkorrenzi speċifiċi tal-ground handling
(1) |
Trattament jew tlugħ abbord skorretti ta' passiġġieri, bagalji, posta jew merkanzija, li jista' jkollhom effett sinifikanti fuq il-massa u/jew il-bilanċ tal-inġenju tal-ajru (inkluż żbalji sinifikanti fil-kalkoli tal-iskeda tat-tagħbija). |
(2) |
Tagħmir tat-tlugħ abbord imneħħi li jwassal għall-ipperikolar tal-persuni li jinsabu fl-inġenju tal-ajru. |
(3) |
Stivar jew assikurar skorrett ta' bagalji, posta jew merkanzija li jistgħu b'xi mod jipperikolaw l-inġenju tal-ajru, it-tagħmir tiegħu jew il-persuni ta' ġo fih jew li jimpedixxi l-evakwazzjoni f'emerġenza. |
(4) |
Trasportar, attentat ta' trasportar jew ta' trattament ta' oġġetti perikolużi li rriżultaw jew setgħu rriżultaw fl-ipperikolar tas-sikurezza tal-operazzjoni jew wasslu għal kundizzjoni mhux sikura (pereżempju: inċident jew aċċident ta' oġġetti perikolużi kif definit fl-Istruzzjonijiet Tekniċi tal-ICAO (3)). |
(5) |
Nuqqas ta' konformità fir-rikonċiljazzjoni ta' bagalja jew passiġġier. |
(6) |
Nuqqas ta' konformità mal-proċeduri meħtieġa tal-groundhandling u l-għoti ta' servizz, speċjalment fil-proċeduri tat-tneħħija tas-silġ, l-għoti tal-fjuwil jew tat-tagħbija, inkluż l-ippożizzjonar skorrett jew it-tneħħija tat-tagħmir. |
(7) |
Tixrid sinifikanti matul l-operazzjonijiet tal-fjuwil. |
(8) |
Tagħbija ta' kwantitajiet skorretti tal-fjuwil li jista' jkollha effett sinifikanti fuq ir-reżistenza, il-prestazzjoni, il-bilanċ jew is-saħħa strutturali tal-inġenju tal-ajru. |
(9) |
Għoti ta' fjuwil jew fluwidi essenzjali oħrajn kontaminati jew ta' tip skorrett (inkluż ossiġenu, nitroġenu, żejt u ilma tajjeb għax-xorb). |
(10) |
Telf, funzjonament ħażin jew difett fit-tagħmir ta' fuq l-art użat għall-groundhandling, li jirriżulta fi ħsara jew potenzjal ta' ħsara lill-inġenju tal-ajru (pereżempju: żbarra tal-irmonk jew GPU (Ground Power Unit)). |
(11) |
Trattament skorrett, mhux adegwat jew li ma sarx għat-tneħħija tas-silġ/ta' kontra s-silġ. |
(12) |
Ħsara lill-inġenju tal-ajru mit-tagħmir jew vetturi tal-groundhandling inkluż ħsara li ma ġietx rapportata preċedentament. |
(13) |
Kwalunkwe okkorrenza fejn il-prestazzjoni umana kkontribwiet direttament jew setgħat ikkontribwiet għal aċċident jew inċident serju. |
(1) L-ostaklu jinkludi vettura.
(2) L-ostaklu jinkludi vettura.
(3) Struzzjonijiet Tekniċi għat-Trasportar Sikur ta' Oġġetti Perikolużi bl-Ajru (ICAO — Dok 9284).
ANNESS V
OKKORRENZI RELATATI MA' INĠENJU TAL-AJRU APPARTI MINN INĠENJU TAL-AJRU KUMPLESS LI JAĦDEM BIL-MAGNI, INKLUŻ GLIDERS U VETTURI LI HUMA EĦFEF MILL-ARJA
Għall-finijiet ta' dan l-Anness:
(a) |
“Inġenju tal-ajru apparti minn inġenju tal-ajru li jaħdem bil-magni” tfisser kwalunkwe inġenju tal-ajru apparti minn dak definit fl-Artikolu 3(j) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008. |
(b) |
“Glider” għandha t-tifsira assenjata fl-Artikolu 2(117) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 (1) |
(c) |
“Vetturi li huma eħfef mill-arja” għandha t-tifsira assenjata fil-punt ML10 tat-taqsima “Definizzjonijiet tat-termini użati f'din il-lista” tal-Anness tad-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
1. INĠENJU TAL-AJRU APPARTI MINN INĠENJU TAL-AJRU KUMPLESS LI JAĦDEM BIL-MAGNI, ESKLUŻ GLIDERS U VETTURI LI HUMA EĦFEF MILL-ARJA
Rimarka: Din it-Taqsima hija strutturata f'tali mod li l-okkorrenzi pertinenti huma marbuta mal-kategoriji tal-attivitajiet li matulhom jiġu osservati normalment, skont l-esperjenza, sabiex jiffaċilitaw ir-rapportar ta' dawk l-okkorrenzi. Madankollu, din il-preżentazzjoni ma tridx tinftiehem li tfisser li l-okkorrenzi ma jridux jiġu rrapportati fil-każ li jokkorru barra mill-kategorija tal-attivitajiet li magħhom huma marbuta fil-lista.
1.1. Operazzjonijiet tal-ajru
(1) |
Telf tal-kontroll mhux intenzjonat. |
(2) |
Inżul barra miż-żona intenzjonata tal-inżul. |
(3) |
Inabbiltà jew nuqqas ta' kisba tal-prestazzjoni meħtieġa tal-inġenju tal-ajru mistennija f'kundizzjonijiet normali matul it-tluq, it-tlugħ jew l-inżul. |
(4) |
Inkursjoni tar-runway |
(5) |
Eskursjoni tar-runway. |
(6) |
Kwalunkwe titjira li tkun twettqet b'inġenju tal-ajru li ma kienx ajrunavigabbli, jew li għalih il-preparazzjoni tat-titjira ma kinetx tlestiet, li pperikolat jew setgħat ipperikolat l-inġenju tal-ajru, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
(7) |
Titjira mhux intenzjonata f'kundizzjonijiet IMC (Kundizzjonijiet meteoroloġiċi tal-istrument) tal-inġenju tal-ajru mhux ċertifikati IFR (regoli tat-titjir bl-istrumenti), jew minn pilota mhux kwalifikat għall-IFR, li pperikola jew seta' pperikola l-inġenju tal-ajru, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
(8) |
Rilaxx mhux intenzjonat tal-merkanzija (3). |
1.2. Okkorrenzi tekniċi
(1) |
Vibrazzjoni severa anormali (pereżempju: “flutter” tal-aileron jew il-kontrollur tat-tlugħ tal-inġenju tal-ajru, jew tal-iskrun). |
(2) |
Kwalunkwe kontroll tat-titjira li mhux qed jiffunzjona sew jew mitfi. |
(3) |
Ħsara jew deterjorament sostanzjali tal-istruttura tal-inġenju tal-ajru. |
(4) |
Telf ta' xi parti tal-istruttura tal-inġenju tal-ajru matul it-titjira. |
(5) |
Ħsara ta' magna, rotor, skrun, sistema tal-fjuwil jew sistema essenzjali oħra. |
(6) |
Tnixxija ta' kwalunkwe fluwidu li rriżultat f'periklu ta' ħruq jew possibbilment kontaminazzjoni perikoluża tal-istruttura, is-sistemi jew it-tagħmir tal-inġenju tal-ajru jew riskju għal min jinsab ġo fih. |
1.3. Interazzjoni ma' servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u ġestjoni tat-traffiku tal-ajru
(1) |
Interazzjoni mas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (pereżempju: forniment ta' servizzi skorretti, komunikazzjonijiet konfliġġenti jew devjazzjoni mill-approvazzjoni) li pperikolaw jew setgħu pperikolaw l-inġenju tal-ajru, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
(2) |
Ksur tar-regoli tal-ispazju tal-ajru. |
1.4. Emerġenzi u sitwazzjonijiet kritiċi oħrajn
(1) |
Kwalunkwe okkorrenza li twassal għal sejħa tal-emerġenza. |
(2) |
Nirien, splużjoni, duħħan, gassijiet tossiċi jew dħaħen tossiċi fl-inġenju tal-ajru. |
(3) |
Inkapaċitazzjoni tal-pilota li twassal għal inabbiltà li jwettaq kwalunkwe dover. |
1.5. Ambjent estern u meteoroloġija
(1) |
Ħabta fuq l-art jew fl-ajru, ma' inġenju tal-ajru ieħor, fuq terren jew ma' ostaklu (4). |
(2) |
Kważi ħabta fuq l-art jew fl-ajru ma' inġenju tal-ajru ieħor, fuq terren jew ma' ostaklu (4), li tirrikjedi manuvra ta' evitar ta' emerġenza biex tiġi evitata ħabta. |
(3) |
Ħabta ma' annimali selvaġġi inkluż ħabta ma' għasfur li rriżultat fi ħsara lill-inġenju tal-ajru jew telf jew funzjonament ħażin ta' kwalunkwe servizz essenzjali. |
(4) |
Interferenza mal-inġenju tal-ajru minn armi tan-nar, logħob tan-nar, tajri, illuminazzjoni bil-laser, dawl qawwi ħafna, lasers, Sistemi ta' Inġenji tal-ajru Ppilotati mill-Bogħod, mudelli ta' inġenji tal-ajru jew mezzi simili. |
(5) |
Sajjetta li tirriżulta fi ħsara fi jew telf ta' funzjonijiet tal-inġenju tal-ajru. |
(6) |
Sejba ta' turbolenza severa li rriżultat f'korriment lill-persuni li jinsabu fl-inġenju tal-ajru jew fil-ħtieġa ta' kontroll ta' wara t-titjira għall-ħsara mit-turbolenza tal-inġenju tal-ajru. |
(7) |
Kopertura ta' silġ inkluż kopertura ta' silġ mal-karburatur li pperikolat jew setgħat ipperikolat l-inġenju tal-ajru, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
2. GLIDERS (SAILPLANES)
Rimarka: Din it-Taqsima hija strutturata f'tali mod li l-okkorrenzi pertinenti huma marbuta mal-kategoriji tal-attivitajiet li matulhom jiġu osservati normalment, skont l-esperjenza, sabiex jiffaċilitaw ir-rapportar ta' dawk l-okkorrenzi. Madankollu, din il-preżentazzjoni ma tridx tinftiehem li tfisser li l-okkorrenzi ma jridux jiġu rrapportati fil-każ li jokkorru barra mill-kategorija tal-attivitajiet li magħhom huma marbuta fil-lista.
2.1. Operazzjonijiet tal-ajru
(1) |
Telf tal-kontroll mhux intenzjonat. |
(2) |
Okkorrenza fejn il-pilota tal-glider ma setgħax jirrilaxxa l-kejbil tal-winċ jew il-ħabel tal-aerotow u kellu jagħmel dan billi juża proċeduri tal-emerġenza. |
(3) |
Kwalunkwe rilaxx tal-kejbil tal-winċ jew tal-ħabel tal-aerotow jekk ir-rilaxx ipperikola jew seta' pperikola l-glider, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
(4) |
Fil-każ ta' glider bil-magna, ħsara fil-magna matul it-tluq. |
(5) |
Kwalunkwe titjira li tkun twettqet bi glider li ma kienx ajrunavigabbli, jew li għalih il-preparazzjoni tat-titjira ma kinetx tlestiet, ipperikola jew seta' pperikola l-glider, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
2.2. Okkorrenzi tekniċi
(1) |
Vibrazzjoni severa anormali (pereżempju: “flutter” tal-aileron jew il-kontrollur tat-tlugħ tal-inġenju tal-ajru, jew tal-iskrun). |
(2) |
Kwalunkwe kontroll tat-titjira li mhux qed jiffunzjona sew jew mitfi. |
(3) |
Ħsara jew deterjorament sostanzjali fl-istruttura tal-glider. |
(4) |
Telf ta' kwalunkwe parti tal-istruttura jew l-installazzjoni tal-glider matul it-titjira. |
2.3. Interazzjoni ma' servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u ġestjoni tat-traffiku tal-ajru
(1) |
Interazzjoni mas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (pereżempju: forniment ta' servizzi skorretti, komunikazzjonijiet konfliġġenti jew devjazzjoni mill-approvazzjoni) li pperikolaw jew setgħu pperikolaw l-inġenju tal-ajru, il-persuni ta' ġo fih jew kwalunkwe persuna oħra. |
(2) |
Ksur tar-regoli tal-ispazju tal-ajru. |
2.4. Emerġenzi u sitwazzjonijiet kritiċi oħrajn
(1) |
Kwalunkwe okkorrenza li twassal għal sejħa tal-emerġenza. |
(2) |
Kwalunkwe sitwazzjoni fejn ma tibqax disponibbli żona sikura tal-inżul. |
(3) |
Nirien, splużjoni, duħħan, jew gassijiet jew dħaħen tossiċi fil-glider. |
(4) |
Inkapaċitazzjoni tal-pilota li twassal għal inabbiltà li jwettaq kwalunkwe dover. |
2.5. Ambjent estern u meteoroloġija
(1) |
Ħabta fuq l-art jew fl-ajru ma' inġenju tal-ajru, fuq terren jew ma' ostaklu (5). |
(2) |
Kważi ħabta fuq l-art jew fl-ajru ma' inġenju tal-ajru, fuq terren jew ma' ostaklu (5), li tirrikjedi manuvra ta' evitar ta' emerġenza biex tiġi evitata ħabta. |
(3) |
Interferenza mal-glider minn armi tan-nar, logħob tan-nar, tajri, illuminazzjoni bil-laser, dawl qawwi ħafna, lasers, Sistemi ta' Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod, mudelli ta' inġenji tal-ajru jew mezzi simili. |
(4) |
Sajjetta li tirriżulta fi ħsara fil-glider. |
3. VETTURI LI HUMA EĦFEF MILL-ARJA (BŻIEŻAQ U BLALEN TAL-ARJA)
Rimarka: Din it-Taqsima hija strutturata f'tali mod li l-okkorrenzi pertinenti huma marbuta mal-kategoriji tal-attivitajiet li matulhom jiġu osservati normalment, skont l-esperjenza, sabiex jiffaċilitaw ir-rapportar ta' dawk l-okkorrenzi. Madankollu, din il-preżentazzjoni ma tridx tinftiehem li tfisser li l-okkorrenzi ma jridux jiġu rrapportati fil-każ li jokkorru barra mill-kategorija tal-attivitajiet li magħhom huma marbuta fil-lista.
3.1. Operazzjonijiet tal-ajru
(1) |
Kwalunkwe titjira li tkun twettqet b'vettura li hija eħfef mill-arja li ma kinetx ajrunavigabbli, jew li għaliha l-preparazzjoni tat-titjira ma kinetx tlestiet, li pperikolat jew setgħat ipperikolat l-vettura li hija eħfef mill-arja, il-persuni ta' ġo fiha jew kwalunkwe persuna oħra. |
(2) |
Tifi permanenti mhux intenzjonat tad-dawl tal-pilota. |
3.2. Okkorrenzi tekniċi
(1) |
Ħsara fi kwalunkwe mill-partijiet jew kontrolli li ġejjin: it-tubu minn fejn jimtela ċ-ċilindru tal-fjuwil, il-pakkett tat-taljola, il-linja tal-kontroll, il-ħabel tas-sikurezza, tnixxija tas-siġill tal-valv fuq il-berner, tnixxija tas-siġill tal-valv fuq iċ-ċilindru tal-fjuwil, il-karabiner, ħsara fil-linja tal-fjuwil, il-valv tal-gass tat-tlugħ, il-pakkett jew il-ballonet, il-blower, il-valv tar-rilaxx tal-pressjoni (bużżieqa tal-gass), winċ (bżieżaq tal-gass marbutin flimkien). |
(2) |
Tnixxija sinifikanti jew telf tal-gass tat-tlugħ (pereżempju: porożità, valvi tal-gass tat-tlugħ li ma tpoġġewx). |
3.3. Interazzjoni ma' servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u ġestjoni tat-traffiku tal-ajru
(1) |
Interazzjoni mas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (pereżempju: forniment ta' servizzi skorretti, komunikazzjonijiet konfliġġenti jew devjazzjoni mill-approvazzjoni) li pperikolaw jew setgħu pperikolaw il-vettura li hija eħfef mill-arja, il-persuni ta' ġo fiha jew kwalunkwe persuna oħra. |
(2) |
Ksur tar-regoli tal-ispazju tal-ajru. |
3.4. Emerġenzi u sitwazzjonijiet kritiċi oħrajn
(1) |
Kwalunkwe okkorrenza li twassal għal sejħa tal-emerġenza. |
(2) |
Nirien, splużjoni, duħħan jew dħaħen tossiċi fil-vettura li hija eħfef mill-arja (lil hinn mill-operat normali tal-berner). |
(3) |
Il-persuni li jinsabu fil-vettura li hija eħfef mill-arja mormija mill-qoffa jew il-gondla. |
(4) |
Inkapaċitazzjoni tal-pilota li twassal għal inabbiltà li jwettaq kwalunkwe dover. |
(5) |
Tlugħ jew tkaxkir mhux intenzjonati tal-ekwipaġġ tal-art, li jwassal għal fatalità jew korriment ta' persuna. |
3.5. Ambjent estern u meteoroloġija
(1) |
Ħabta jew kważi ħabta fuq l-art jew fl-ajru, ma' inġenju tal-ajru, fuq terren jew ma' ostaklu (6) li pperikolaw jew setgħu pperikolaw il-vettura li hija eħfef mill-arja, il-persuni ta' ġo fiha jew kwalunkwe persuna oħra. |
(2) |
Interferenza mal-vettura li hija eħfef mill-arja minn armi tan-nar, logħob tan-nar, tajri, illuminazzjoni bil-laser, dawl qawwi ħafna, lasers, Sistemi ta' Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod, mudelli ta' inġenji tal-ajru jew mezzi simili. |
(3) |
Sejba mhux mistennija ta' kundizzjonijiet avversi tat-temp li pperikolaw jew setgħu pperikolaw il-vettura li hija eħfef mill-arja, il-persuni ta' ġo fiha jew kwalunkwe persuna oħra. |
(1) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 tas-26 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011 u r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2007, (KE) Nru 1794/2006, (KE) Nru 730/2006, (KE) Nru 1033/2006 u (UE) Nru 255/2010 (ĠU L 281, 13.10.2012, p. 1).
(2) Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1).
(3) Din l-entrata tapplika biss għal operazzjonijiet kummerċjali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(i) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.
(4) L-ostaklu jinkludi vettura.
(5) L-ostaklu jinkludi vettura.
(6) L-ostaklu jinkludi vettura.