This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D1024
Council Decision (EU) 2015/1024 of 15 June 2015 authorising certain Member States to accept, in the interest of the European Union, the accession of Singapore to the 1980 Hague Convention on the Civil Aspects of International Child Abduction
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1024 tal-15 ta' Ġunju 2015 li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jaċċettaw. fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni ta' Singapore għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1024 tal-15 ta' Ġunju 2015 li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jaċċettaw. fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni ta' Singapore għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri
ĠU L 163, 30.6.2015, p. 32–34
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32015D1024R(01) | (DA) |
30.6.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 163/32 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1024
tal-15 ta' Ġunju 2015
li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jaċċettaw. fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni ta' Singapore għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(3), flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni. Miżuri għall-protezzjoni tat-tfal kontra t-teħid jew iż-żamma illegali tagħhom huma parti essenzjali ta' dik il-politika. |
(2) |
L-Unjoni adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 (2)“Brussell IIa”), li għandu l-għan li jħares it-tfal mill-effetti dannużi tat-teħid jew taż-żamma illegali tagħhom u li jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn rapidu tagħhom lejn l-Istat tar-residenza abitwali tagħhom, kif ukoll li jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet ta' aċċess u d-drittijiet tal-kustodja. |
(3) |
Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 jikkumplimenta u jirrinfurza l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) li tistabbilixxi, fil-livell internazzjonali, sistema ta' obbligi u kooperazzjoni fost l-istati kontraenti u bejn l-awtoritajiet ċentrali bil-għan li jkun żgurat ir-ritorn minnufih ta' tfal li ttieħdu jew inżammu b'mod illegali. |
(4) |
L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma parti għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. |
(5) |
L-Unjoni tinkoraġġixxi lil stati terzi biex jaċċedu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi tieħu sehem, flimkien mal-Istati Membri, fost oħrajn, fil-kummissjonijiet speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza tal-Aja dwar id-dritt internazzjonali privat. |
(6) |
Qafas legali komuni applikabbli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u l-istati terzi jista' jiġi kkunsidrat li joffri l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta' ħtif internazzjonali ta' minuri. |
(7) |
Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tistipula li hija tapplika bejn l-istat aderenti u tali stati kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni. |
(8) |
Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma tippermettix li organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jsiru parti għaliha. Għalhekk, l-Unjoni la tista' taderixxi għall-Konvenzjoni, u lanqas ma tista' tressaq dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' stat aderenti. |
(9) |
Skont l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea d-dikjarazzjonijiet ta' aċċettazzjoni taħt il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 jaqgħu fi ħdan il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. |
(10) |
Singapore ressaq l-istrument tal-adeżjoni tiegħu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fit-28 ta' Diċembru 2010. Dik il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ għal Singapore fl-1 ta' Marzu 2011. |
(11) |
Bosta Stati Membri diġà aċċettaw l-adeżjoni ta' Singapore għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Valutazzjoni tas-sitwazzjoni f'Singapore wasslet għall-konklużjoni li dawk l-Istati Membri li għadhom ma aċċettawx l-adeżjoni ta' Singapore, jinsabu f'pożizzjoni li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni ta' Singapore taħt it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. |
(12) |
L-Istati Membri li għadhom ma aċċettawx l-adeżjoni ta' Singapore għandhom għalhekk ikunu awtorizzati li jressqu d-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta' Singapore fl-interess tal-Unjoni skont it-termini stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju tal-Iżvezja li diġà aċċettaw l-adeżjoni ta' Singapore għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 m'għandhomx iressqu dikjarazzjonijiet ġodda ta' aċċettazzjoni peress li d-dikjarazzjonijiet eżistenti jibqgħu validi skont id-dritt internazzjonali pubbliku. |
(13) |
Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbuta bir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 u qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. |
(14) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan huma b'dan awtorizzati li jaċċettaw l-adeżjoni ta' Singapore għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) fl-interess tal-Unjoni.
2. Dawk l-Istati Membri għandhom, mhux aktar tard mis-16 ta' Ġunju 2016 iressqu dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta' Singapore għall-Konvenzjoni tal-Aja tal- 1980 fl-interess tal-Unjoni fformulata kif ġej:
“[L-isem sħiħ tal-ISTAT MEMBRU] jiddikjara li jaċċetta l-adeżjoni ta' Andorra għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri’, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1024”.
3. Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-depożitu tad-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tiegħu tal-adeżjoni ta' Andorra u jikkommunika lill-Kummissjoni t-test tad-dikjarazzjoni fi żmien xahrejn mid-depożitu tagħha.
Artikolu 2
Dawk l-Istati Membri li ressqu d-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta' Singapore għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 qabel id-data ta' adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, m'għandhomx jagħmlu dikjarazzjonijiet ġodda.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju tal-Iżvezja.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta' Ġunju 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
Dz. RASNAČS
(1) Opinjoni tal-11 ta' Frar 2015 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).