Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0655

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/655 tat-23 ta' April 2015 skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-formulazzjoni bbażata fuq il-polidimetilsilossan li tqiegħed fis-suq għall-kontroll tan-nemus (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2015/2572

ĠU L 107, 25.4.2015, p. 75–75 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/655/oj

25.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/75


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/655

tat-23 ta' April 2015

skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-formulazzjoni bbażata fuq il-polidimetilsilossan li tqiegħed fis-suq għall-kontroll tan-nemus

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' Mejju 2014, il-Belġju talab lill-Kummissjoni tiddeċiedi, skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, dwar jekk il-formulazzjoni bbażata fuq il-polidimetilsilossan għall-kontroll tan-nemus hiex prodott bijoċidali għall-finijiet tal-Artikolu 3(1)(a) ta' dak ir-Regolament.

(2)

Skont l-informazzjoni fornuta mill-kumpanija li tqiegħed il-prodott fis-suq, il-formulazzjoni bbażata fuq il-polidimetilsilossan iżżid rita rqiqa tas-silikon fuq il-wiċċ tal-ilma. It-tensjoni baxxa tas-superfiċje tar-rita tas-silikon twaqqaf il-larva tan-nemus milli jieħdu l-ossiġenu kif ukoll twaqqaf in-nemus femminili milli jiddepożitaw il-bajd tagħhom fuq wiċċ l-ilma, fejn ħafna minnhom jgħerqu hekk kif jippruvaw.

(3)

Il-formulazzjoni bbażata fuq il-polidimetilsilossan għalhekk tikkostitwixxi ostaklu fiżiku għall-kapaċitajiet riproduttivi tan-nemus.

(4)

Skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 huma biss il-prodotti li huma intenzjonati li jeqirdu, jimpedixxu, jrendu mhux dannuż, jipprevjenu l-azzjoni ta', jew li jeżerċitaw b'mod ieħor effett ta' kontroll fuq kwalunkwe organiżmu ta' ħsara bi kwalunkwe mezz għajr b'azzjoni sempliċiment fiżika jew mekkanika, li jikkostitwixxu prodotti bijoċidali.

(5)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Formulazzjoni bbażata fuq il-polidimetilsilossan għall-kontroll tan-nemus billi żżid rita tas-silikon ta' tensjoni iktar baxxa tas-superfiċje fuq il-wiċċ tal-ilma, u li titqiegħed fis-suq għal dak il-għan, mhijiex prodott bijoċidali għall-finijiet tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.


Top