Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0609

    Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas- 26 ta' Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (Tfassil mill-ġdid)

    ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 03/05/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/609/oj

    7.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 168/39


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) Nru 609/2014

    tas-26 ta' Mejju 2014

    dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti

    (Tfassil mill-ġdid)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 322(2) tiegħu,

    Flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u partikolarment l-Artikolu 106a tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (1),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 (2) kien ġie sostanzjalment emendat diversi drabi. Minħabba li jeħtieġ li jsiru emendi ulterjuri, huwa għandu jiġi riformulat fl-interessi taċ-ċarezza.

    (2)

    Ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 ġew inklużi fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 (3) u mhumiex koperti minn dan ir-Regolament. Dawk id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw il-kalkolu u l-ibbaġitjar tal-bilanċ, il-kontroll u s-superviżjoni tar-riżorsi proprji u rekwiżiti ta' rappurtar rilevanti, kif ukoll il-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji.

    (3)

    L-Unjoni għandu jkollha r-riżorsi proprji msemmijin fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom (4), disponibbli bl-aħjar kondizzjonijiet possibbli u għalhekk għandhom ikunu preskritti regoli għall-Istati li jipprovdu lill-Kummissjoni bir-riżorsi proprji. Dan ir-Regolament jieħu r-regoli dwar kif isiru disponibbli r-riżorsi tradizzjonali proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, ir-riżorsi proprji bbażati fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b) ta' dik id-Deċiżjoni (minn hawn 'il quddiem “riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT”) u r-riżorsi proprji bbażati fuq l-introjtu nazzjonali gross (ING) imsemmija fl-Artikolu 2(1)(c) ta' dik id-Deċiżjoni (“riżorsa proprja bbażata fuq l-ING”), li qabel kienu inklużi fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000.

    (4)

    Il-kunċett ta' twaqqif għandu jkun definit fir-rigward tar-riżorsi proprji u r-regoli dettaljati jkunu preskritti biex jissodisfaw l-obbligi ħalli jkunu stabbiliti r-riżorsi proprji tradizzjonali msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom.

    (5)

    Għar-riżorsi proprji li joriġinaw minn imposti fuq iz-zokkor, li jinħtieġu li jiġu rkuprati fis-sena baġitarja li tikkorrispondi għas-sena tal-kummerċjalizzazzjoni u li magħha tirrelata l-ispiża, għandha ssir dispożizzjoni għall-Istati Membri biex jagħmlu dawk l-imposti disponibbli għall-Kummissjoni matul is-sena baġitarja li ġew stabbiliti matulha.

    (6)

    L-Istati Membri għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u, fejn meħtieġ, jgħaddulha d-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa ħalli hi tkun tista' teżerċita s-setgħat mogħtija lilha fir-rigward tar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

    (7)

    L-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw lill-Kummissjoni f'kull ħin, id-dokumenti li jissostanzjaw ir-riżorsi proprji miġbura.

    (8)

    Għandhom jinżammu kontijiet separati għal intitolamenti li ma jkunux ġew irkuprati. Dawn il-kontijiet u s-sottomissjoni ta' rendikont ta' kull tliet xhur ta' dawn il-kontijiet għandhom jiffaċilitaw lill-Kummissjoni biex tissorvelja aktar mill-qrib l-azzjoni meħuda minn Stati Membri biex jiġbru r-riżorsi proprji tagħhom, u partikolarment dawk kompromessi bi frodi jew irregolaritajiet.

    (9)

    Għandu jiġi stabbilit limitu ta' żmien għal relazzjonijiet bejn Stati Membri u l-Kummissjoni, ladarba l-intitolamenti ġodda mwaqqfa minn Stati Membri f'dak li għandu x'jaqsam ma' snin bikrija huma meqjusa li jkunu stabbiliti għas-sena kurrenti.

    (10)

    Sabiex jiġi żgurat li l-baġit tal-Unjoni jkun iffinanzjat fi kwalunkwe ċirkostanza, għandha tiġi stabbilita proċedura, fir-rigward tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, maħluqa f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 (5), li l-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni, fl-għamla ta' ħlas regolari kull xahar ta' wieħed minn tnax, ir-riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit u sussegwentament li jaġġustaw l-ammonti li jkunu disponibbli skont il-bażi attwali tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u l-bidliet rilevanti tal-ING malli dawn ikunu magħrufa bis-sħiħ.

    (11)

    L-impatt tal-modifiki li saru fid-dejta tal-ING wara t-tmiem ta' kull sena finanzjarja fuq il-finanzjament tat-tnaqqis gross għandu jiġi ċċarat.

    (12)

    Ir-riżorsi proprji għandhom isiru disponibbli fil-għamla ta' dħul fl-ammonti dovuti f'kont miftuħ għal dan il-għan f'isem il-Kummissjoni mat-Teżor jew ma' korp maħtur minn kull Stat Membru. Biex ikunu ristretti l-movimenti tal-fondi għal dak li huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-baġit, l-Unjoni għandha tillimita lilha nnifisha għal ġbid minn dawk il-kontijiet biss biex tkopri l-ħtiġijiet fi flus kontanti tal-Kummissjoni.

    (13)

    Il-Kummissjoni għandha jkollha biżżejjed riżorsi ta' flus kontanti biex tikkonforma mal-ħtiġijiet regolatorji għal pagamenti kkonċentrati fl-ewwel xhur tas-sena, b'mod partikolari għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħlas għan-nefqa tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (6).

    (14)

    F'konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja soda, tingħata attenzjoni biex l-ispejjeż ta' rkupru tal-imgħaxijiet dovuti fuq ir-riżorsi proprji li jkunu saru disponibbli tard, ma jeċċedux l-ammont tal-imgħax pagabbli.

    (15)

    Għandu jiġi armonizzat ir-rappurtar ta' tħassir ta' każijiet li jikkonċernaw l-intitolamenti stabbiliti li jkunu ddikjarati jew meqjusa bħala irrekuperabbli.

    (16)

    Il-kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-applikazzjoni xierqa tar-regoli finanzjarji li għandhom x'jaqsmu mar-riżorsi proprji.

    (17)

    Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

    (18)

    Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni bil-għan li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għar-rendikonti ta' kull xahar tal-kontijiet għall-intitolamenti ta' riżorsi proprji tradizzjonali u għar-rendikonti ta' kull tliet xhur tal-kontijiet separati, kif ukoll għall-każijiet li jikkonċernaw l-ammonti irrekuperabbli li jeċċedu EUR 50 000, minħabba n-natura teknika ta' dawk l-atti meħtieġa għal finijiet ta' rappurtar.

    (19)

    Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 għandu jitħassar.

    (20)

    Għal raġunijiet ta' konsistenza u filwaqt li jitqies l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-istess jum tad-dħul fis-seħħ ta' dik id-Deċiżjoni u għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar kif isiru disponibbli għall-Kummissjoni r-riżorsi proprji tal-Unjoni msemmijin fl-Artikolu 2(1)(a), (b) u (c) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom.

    Artikolu 2

    Data tat-twaqqif ta' riżorsi proprji tradizzjonali

    1.   Għall-iskop li jkun applikat dan ir-Regolament, l-intitolament tal-Unjoni għar-riżorsi proprji tradizzjonali msemmija 1 fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom għandu jkun stabbilit hekk kif jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet previsti fir-regolamenti doganali fir-rigward tad-dħul tal-intitolament fil-kontijiet u n-notifika tad-debitur.

    2.   Id-data tat-twaqqif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun id-data tal-entrata fir-reġistru tal-kontijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom fir-regolament doganali.

    Fir-rigward tal-imposti u taxxi oħra konnessi mal-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor, id-data tat-twaqqif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun id-data tan-notifika skont ir-regolamenti dwar iz-zokkor.

    Fejn ma jkunx hemm dispożizzjoni espliċita dwar dik in-notifika, id-data għandha tkun id-data tat-twaqqif mill-Istati Membri tal-ammonti dovuti mid-debituri, fejn meħtieġ permezz ta' pagament bil-quddiem jew pagament tal-bilanċ.

    3.   F'każijiet ta' disputa, l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti għandhom jitqiesu, għall-iskopijiet tat-twaqqif li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1, li jkunu f'pożizzjoni li jikkalkulaw l-ammont tal-intitolament mhux aktar tard minn meta tittieħed l-ewwel deċiżjoni amministrattiva li tinnotifika lid-debitur bid-dejn jew minn meta jitressqu l-proċedimenti ġudizzjarji meta dan iseħħ l-ewwel.

    Id-data tat-twaqqif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun id-data tad-deċiżjoni jew tal-kalkolu li għandhom isiru wara li jingħata bidu għal dawn il-proċeduri ġudizzjarji.

    4.   Il-paragrafu 1 għandu japplika meta jkollha ssir korrezzjoni ta' notifika.

    Artikolu 3

    Konservazzjoni tad-dokumenti ta' sostenn

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jassiguraw li d-dokumenti ta' sostenn li jirrigwardaw it-twaqqif u d-disponibbiltà ta' riżorsi proprji, jinżammu għal mill-anqas tliet snin kalendarji, li jibdew jgħoddu mit-tmiem tas-sena msemmija f'dawn id-dokumenti ta' sostenn.

    Id-dokumenti ta' sostenn li jirrigwardaw il-proċeduri statistiċi u l-bażijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003 jinżammu mill-Istati Membri sat-30 ta' Settembru tar-raba' sena wara s-sena finanzjarja kkonċernata. Id-dokumenti ta' sostenn dwar il-bażi tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT għandhom jinżammu għall-istess perijodu.

    Jekk il-verifika taħt l-Artikoli 2(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014 jew l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (8) tad-dokumenti ta' sostenn imsemmijin fl-ewwel u t-tieni paragrafi juru li korrezjoni hija meħtieġa, dawn għandhom jinżammu aktar mil-limitu ta' żmien li hemm dispożizzjoni dwaru fl-ewwel paragrafu għal perijodu suffiċjenti biex jippermettu li ssir il-korrezzjoni u li tkun sorveljata.

    Fejn disputa bejn Stat Membru u l-Kummissjoni rigward l-obbligu li jsir disponibbli għadd partikolari ta' riżorsi proprji tiġi riżolta permezz ta' ftehim reċiproku jew permezz ta' deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru għandu jgħaddi d-dokumenti ta' sostenn lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn minn meta tinstab is-soluzzjoni, sabiex ikun jista' jsir is-segwitu finanzjarju.

    Artikolu 4

    Kooperazzjoni amministrattiva

    1.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan li ġej:

    (a)

    l-ismijiet tad-dipartimenti jew aġenziji responsabbli għat-twaqqif, il-ġbir, biex jagħmlu disponibbli u biex jikkontrollaw ir-riżorsi tagħha proprji u d-dispożizzjonijiet bażiċi li għandhom x'jaqsmu mar-rwol u l-operat ta' dawk id-dipartimenti u aġenziji;

    (b)

    id-dispożizzjonijiet ġenerali preskritti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva u dawk relatati mal-proċedura tal-kontabbiltà li tikkonċerna t-twaqqif, il-ġbir, it-tqegħid għad-disponibbiltà u l-kontroll tar-riżorsi proprji mill-Kummissjoni;

    (c)

    it-titolu preċiż tar-reġistri amministrattivi u tal-kontijiet tar-rekords kontabilistiċi kollha li fihom jinkitbu l-intitolamenti stabbiliti kif speċifikat fl-Artikolu 2, partikolarment dawk użati għat-tħejjija tal-kontijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom fl-Artikolu 6.

    Il-Kummissjoni għandha tkun informata immedjetament b'xi tibdil li jista' jsir f'dawn l-ismijiet jew id-dispożizzjonijiet.

    2.   Il-Kummissjoni għandha, fuq talba ta' xi Stat Membru, tittrasmetti lill-Istati Membri kollha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

    Artikolu 5

    Rati applikabbli

    Ir-rata uniformi msemmija fl-Artikolu 2(1)(c) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom għandha tiġi stabbilita fil-kors tal-proċedura baġitarja u għandha tiġi kkalkulata bħala perċentwal tas-somma tal-previżjoni tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tal-Istati Membri b'tali mod li tkopri kompletament dik il-parti tal-baġit mhux iffinanzjata mid-dħul imsemmi fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi supplimentari ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku u dħul ieħor.

    Dik ir-rata għandha tiġi espressa fil-baġit b'ċifra li jkun fiha kemm huma meħtieġa postijiet deċimali biex ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING tinqasam kompletament bejn l-Istati Membri.

    KAPITOLU II

    KONTIJIET GĦAR-RIŻORSI PROPRJI

    Artikolu 6

    Entrata fil-kontijiet u r-rappurtar

    1.   Il-kontijiet għar-riżorsi proprji għandhom jinżammu mit-Teżor ta' kull Stat Membru jew minn korp maħtur minn kull Stat Membru u maqsum skont it-tipi ta' riżorsi.

    2.   Għal skopijiet ta' kontabbiltà tar-riżorsi proprji, ix-xahar għandu jintemm mhux aktar kmieni mis-1 p.m. tal-aħħar jum tax-xogħol tax-xahar li matulu jkun seħħ it-twaqqif.

    3.   L-intitolamenti stabbiliti konformement mal-Artikolu 2 għandhom, soġġetti għat-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu, jiddaħħlu fil-kontijiet sa mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d- dsatax-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu jkun ġie stabbilit l-intitolament.

    L-intitolamenti stabbiliti li ma jkunux imdaħħla fil-kontijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, għax ikunu għadhom ma ġewx irkuprati u għax ma tkun ġiet ipprovduta l-ebda garanzija, għandhom jintwerew f'kontijiet separati matul il-perjodu preskritt fl-ewwel subparagrafu. L-Istati Membri jistgħu jadottaw din il-proċedura meta l-intitolamenti stabbiliti, li dwarhom tkun ġiet ipprovduta garanzija, ikunu ġew kkontestati u, hekk kif tinstab soluzzjoni għall-kwistjonijiet li jkunu qamu, jistgħu jkunu soġġetti għal tibdil.

    Ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-effett fuq dawn ir-riżorsi tal-korrezzjoni permessa lir-Renju Unit għal żbilanċi baġitarji u t-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u l-Isvezja, għandhom, madankollu, jiġu dokumentati fil-kontijiet kif speċifikat fl-ewwel subparagrafu kif ġej:

    il-porzjon ta' wieħed minn tnax imsemmi fl-Artikolu 10(3) għandu jiġi rreġistrat fl-ewwel jum ta' xogħol ta' kull xahar,

    il-bilanċi msemmija fl-Artikolu 10(4) u (6) u l-aġġustamenti msemmija fl-Artikolu 10(5) u (7) għandhom jiġu dokumentati annwalment, minbarra l-aġġustamenti partikolari msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 10(5), li għandhom jitniżżlu fil-kontijiet fl-ewwel jum tax-xogħol tax-xahar ta' wara l-qbil bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni.

    L-intitolamenti stabbiliti relatati ma' imposti u taxxi oħra konnessi mal-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet msemmija fl-ewwel subparagrafu. Jekk dawk l-intitolamenti ma jkunux imbagħad rkuprati fil-limiti taż-żmien iffissati, l-Istati Membri jistgħu jikkorreġu l-entrata u, bħala eċċezzjoni, idaħħlu l-intitolament fil-kontijiet separati.

    4.   Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni, fil-limiti taż-żmien speċifikati fil-paragrafu 3:

    (a)

    rendikont ta' kull xahar dwar il-kontijiet tiegħu tal-intitolamenti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3;

    (b)

    rendikont ta' kull tliet xhur dwar il-kontijiet separati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3.

    Flimkien ma' dawk ir-rendikonti ta' kull xahar, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu dettalji jew rendikonti tat-tnaqqis mir-riżorsi proprji bbażati fuq id-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' territorji ta' status speċjali.

    Flimkien mar-rendikont trimestrali finali għal sena partikolari, l-Istati Membri għandhom jibagħtu stima tal-ammont totali ta' intitolamenti li jinstabu fil-kontijiet separati fil-31 ta' Diċembru ta' dik is-sena li l-irkupru tagħhom sar improbabbli.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati għar-rendikonti ta' kull xahar u ta' kull tliet xhur. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 16.

    Artikolu 7

    Korrezzjonijiet tal-kontabbiltà

    Wara l-31 ta' Diċembru tat-tielet sena wara sena partikolari, m'għandhom isiru l-ebda korrezzjonijiet oħra lis-somma tar-rendikonti ta' kull xahar innotifikati mill-Istati Membri skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) għas-sena inkwistjoni, ħlief dwar punti nnotifikati qabel din id-data mill-Kummissjoni jew mill-Istat Membru kkonċernat.

    Artikolu 8

    Korrezzjonijiet fit-twaqqif

    Il-korrezzjonijiet li jsiru permezz tal-Artikolu 2(4) għandhom jiżdiedu jew jitnaqqsu mill-ammont totali ta' intitolamenti stabbiliti. Dawn għandhom ikunu rreġistrati fil-kontijiet imsemmijin fl-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) u fir-rendikonti msemmijin fl-Artikolu 6(4) konformement mad-data ta' dawk il-korrezzjonijiet.

    KAPITOLU III

    DISPONIBBILTÀ TAR-RIŻORSI PROPRJI

    Artikolu 9

    It-teżor u l-arranġamenti tal-kontabbiltà

    1.   F'konformità mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi proprji fil-kont miftuħ f'isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar.

    Dan il-kont għandu jinżamm fil-munita nazzjonali u huwa mingħajr ħlas.

    2.   L-Istati Membri jew il-korpi maħtura minnhom għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni, b'mezzi elettroniċi:

    (a)

    fil-jum tax-xogħol li fih ir-riżorsi proprji jkunu kkreditati fil-kont tal-Kummissjoni, ir-rendikont tal-kont jew l-avviż ta' kreditu li juri d-dħul tar-riżorsi proprji;

    (b)

    mingħajr preġudizzju għall-punt (a), sa mhux aktar tard mit-tieni jum tax-xogħol wara l-ikkreditar tal-kont, ir-rendikont tal-kont li juri d-dħul tar-riżorsi proprji.

    3.   L-ammonti kkreditati għandu jittieħed kont tagħhom f'euro skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) (“Regolament Finanzjarju”) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (10).

    Artikolu 10

    Id-determinazzjoni tal-ammonti, iż-żmien speċifiku għad-disponibbiltà, l-aġġustamenti

    1.   Wara t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ġbir f'konformità mal-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, id-dħul tar-riżorsi proprji tradizzjonali msemmi fl-Artikolu 2(1)(a) ta' dik id-Deċiżjoni għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta' wara d- dsatax-il jum tat-tieni xahar ta' wara x-xahar li matulu jkun ġie stabbilit l-intitolament f'konformità mal-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament.

    Madankollu, għal intitolamenti murija f'kontijiet separati skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) ta' dan ir-Regolament, id-dħul għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta' wara d-dsatax-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu jkunu rkuprati l-intitolamenti.

    2.   Jekk ikun meħtieġ, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex iressqu 'l quddiem b'xahar id-dħul tar-riżorsi għajr ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING abbażi tal-informazzjoni disponibbli għalihom fil-ħmistax tal-istess xahar.

    Kwalunkwe dħul mressaq 'il quddiem jista' jiġi aġġustat fix-xahar ta' wara meta jseħħ id-dħul imsemmi fil-paragrafu 1. Dan l-aġġustament għandu jinvolvi d-dħul negattiv ta' ammont ugwali għal dak mogħti fid-dħul riportat.

    3.   Ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, b'kont meħud tal-effett fuq dawn ir-riżorsi tal-korrezzjoni permessa lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u tat-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u l-Isvezja, għandhom jiġu kkreditati fl-ewwel jum tax-xogħol ta' kull xahar, u l-ammonti għandhom ikunu wieħed minn kull tnax tat-totali rilevanti fil-baġit, ikkonvertiti fil-muniti nazzjonali bir-rati tal-kambju tal-aħħar jum tal-kwotazzjoni tas-sena kalendarja ta' qabel is-sena baġitarja, kif ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje C.

    Għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħlas għan-nefqa tal-FAEG skont ir-Regolament (KE) Nru 73/2009, u skont il-pożizzjoni ta' flus kontanti tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni iressqu 'l quddiem b'xahar jew xahrejn fl-ewwel tliet xhur tas-sena finanzjarja id-dħul ta' parti waħda minn tnax, jew biċċa minn dik il-parti tal-ammonti fil-baġit għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-effett fuq dawn ir-riżorsi tal-korrezzjoni permessa lir-Renju Unit għal żbilanċi baġitarji u tat-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u l-Isvezja.

    Wara l-ewwel kwart tas-sena, id-dħul rikjest ta' kull xahar ma jistax jeċċedi wieħed mill-porzjon ta' tnax mir-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING, filwaqt li jibqa' fil-limitu tal-ammonti mdaħħla fil-baġit għal dak l-iskop.

    Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri dwar dan bil-quddiem, mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel id-dħul rikjest.

    It-tmien subparagrafu li jirrigwarda l-ammont li għandu jiddaħħal f'Jannar ta' kull sena u d-disa' subparagrafu applikabbli jekk il-baġit ma jkunx għadu ġie finalment adottat qabel il-bidu tas-sena finanzjarja għandhom ikunu applikabbli għal dan id-dħul antiċipat.

    Kull bidla fir-rata uniformi tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, fir-rata tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, fil-korrezzjoni permessa lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u fil-finanzjament tagħha msemmi fl-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, u fil-finanzjament tat-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u l-Isvezja għandu jirrikjedi l-adozzjoni finali tal-baġit emendatorju u għandu jwassal għal riaġġustamenti tal-ħlasijiet ta' wieħed minn tnax li jkunu ddaħħlu sa mill-bidu tas-sena finanzjarja.

    Dawn ir-riaġġustamenti għandhom isiru meta jsir l-ewwel dħul wara l-adozzjoni finali tal-baġit emendatorju jekk ikun adottat qabel is- sittax tax-xahar. Inkella dawn għandhom isiru meta jsir it-tieni dħul wara l-adozzjoni finali. B'deroga mill-Artikolu 11 tar-Regolament Finanzjarju, dawn ir-riaġġustamenti għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet fir-rigward tas-sena finanzjarja tal-baġit emendatorju kkonċernat.

    Il-kalkolu tal-wieħed minn tnax għal Jannar ta' kull sena finanzjarja għandu jkun ibbażat fuq l-ammonti stipulati fl-abbozz tal-baġit, imsemmija fl-Artikolu 314(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u kkonvertiti fil-muniti nazzjonali bir-rati tal-kambju tal-ewwel jum tal-kwotazzjoni ta' wara l-15 ta' Diċembru tas-sena kalendarja li tippreċedi s-sena baġitarja; l-aġġustament għandu jsir mad-daħla għax-xahar ta' wara.

    Jekk il-baġit ma jkunx ġie finalment adottat sa mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel lid-dħul għal Jannar tas-sena finanzjarja ta' wara, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fl-ewwel jum tax-xogħol ta' kull xahar, inkluż Jannar, parti waħda minn tnax tal-ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-effett fuq dawn ir-riżorsi tal-korrezzjoni permessa lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u tat-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u l-Isvezja, li ddaħħlu fl-aħħar baġit finalment adottat; l-aġġustament għandu jsir fl-ewwel data li jmiss wara l-adozzjoni finali tal-baġit jekk jiġi adottat qabel is-sittax tax-xahar. Altrimenti, l-aġġustament għandu jsir fit-tieni data li jmiss wara l-adozzjoni finali tal-baġit.

    4.   Kull Stat Membru għandu, abbażi tal-istqarrija annwali fuq il-bażi tar-riżorsi proprji bbażata fuq il-VAT stipulata fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89, ikun iddebitat b'ammont ikkalkulat mill-informazzjoni li tinsab f'dik l-istqarrija bl-applikazzjoni tar-rata uniformi adottata għas-sena finanzjarja preċedenti u kkreditat bit-12-il pagament magħmula matul dik is-sena finanzjarja. Madankollu, il-bażi tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT ta' kull Stat Membru li għaliha tiġi applikata dik ir-rata ma tistax taqbeż il-perċentwal determinat mill-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom tal-ING tiegħu, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7) ta' dik id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-bilanċ u għandha tinforma lill-Istati Membri fil-ħin biex ikunu jistgħu idaħħluh fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament fl-ewwel jum ta' xogħol ta' Diċembru tal-istess sena.

    5.   Kwalunkwe korrezzjoni tal-bażi ta' riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT taħt l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 għandha twassal biex kull Stat Membru kkonċernat li l-bażi tiegħu, meta jitqiesu dawk il-korrezzjonijiet, ma taqbiżx il-perċentwali ddeterminati mill-Artikoli 2(1)(b) u 10(2) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom għall-aġġustamenti li ġejjin għall-bilanċ imsemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu:

    il-korrezzjonijiet taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 magħmula sal-31 ta' Lulju għandhom iwasslu għal aġġustament ġenerali li għandu jitniżżel fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Diċembru tal-istess sena. Madankollu, aġġustament partikolari jista' jiddaħħal qabel dik id-data jekk l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni jaqblu dwar dan,

    fejn il-miżuri li tieħu l-Kummissjoni permezz tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 biex tikkorreġi l-bażi konsegwentement jinvolvu aġġustament tad-dħul fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament, dak l-aġġustament għandu jsir fid-data speċifikata mill-Kummissjoni f'konformità ma' dawk il-miżuri.

    It-tibdil għall-ING imsemmi fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu għandu wkoll iwassal għal aġġustament tal-bilanċ ta' kwalunkwe Stat Membru li l-bażi tiegħu, meta jitqiesu l-korrezzjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, ikollha bħala massimu stabbilit il-perċentwali determinati bl-Artikolu 2(1)(b) u 10(2) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom.

    Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b'dawn l-aġġustamenti fil-waqt biex dawn ikunu jistgħu jdaħħluhom fil-kont msemmi fl-Artikolu 9(1) fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Diċembru tal-istess sena.

    Iżda, aġġustament partikolari jista' jiddaħħal fi kwalunkwe żmien jekk l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni jaqblu dwar dan.

    6.   Abbażi tal-figuri għall-ING aggregat bil-prezzijiet tas-suq u l-komponenti tiegħu mis-sena ta' qabel, forniti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003, kull Stat Membru għandu jiġi ddebitat bl-ammont ikkalkulat billi tiġi applikata għall-ING ir-rata adottata għas-sena finanzjarja preċedenti u kkreditat bil-ħlasijiet magħmula matul dik is-sena finanzjarja preċedenti. Il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-bilanċ u għandha tinforma lill-Istati Membri fil-waqt biex dawn ikunu jistgħu idaħħluh fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Diċembru tal-istess sena.

    7.   Kwalunkwe bidla fl-ING tas-snin finanzjarji preċedenti konformement mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003, soġġett għall-Artikolu 5 tiegħu, għandha twassal, għal kull Stat Membru kkonċernat, għal aġġustament tal-bilanċ stabbilit konformement mal-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu. Dan l-aġġustament għandu jiġi stabbilit bil-mod stipulat fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b'dawn l-aġġustamenti biex huma jkunu jistgħu jdaħħluhom fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Diċembru tal-istess sena. Wara t-30 ta' Settembru tar-raba' sena wara sena finanzjarja partikolari, kwalunkwe bidla fl-ING m'għandhiex tkun meqjusa aktar, ħlief fuq punti nnotifikati f'dan il-limitu ta' żmien jew mill-Kummissjoni jew mill-Istat Membru.

    8.   L-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 4 sa 7 jikkostitwixxu modifikazzjonijiet għall-introjtu fir-rigward tas-sena finanzjarja li fiha jseħħu.

    L-ammont ta' introjtu stabbilit fil-baġit għas-sena finanzjarja kurrenti jista' jiżdied jew jitnaqqas, permezz ta' emenda fil-baġit, bl-ammont li jirriżulta minn dawn l-operazzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014.

    9.   M'għandu jkun hemm ebda reviżjoni sussegwenti tal-finanzjament tat-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u l-Isvezja fil-każ ta' modifiki tad-data tal-ING skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003.

    Artikolu 11

    L-aġġustament tan-non-parteċipazzjoni

    1.   F'każ li, skont it-TFUE u l-Protokolli 21 u 22 tiegħu, Stat Membru ma jiħux sehem fil-finanzjament ta' azzjoni jew politika speċifika tal-Unjoni, hu għandu jkun intitolat għal aġġustament, ikkalkulat skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, tal-ammont li jkun ħallas f'riżorsi proprji fir-rigward ta' kull sena li fiha ma jkunx ħa sehem.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-aġġustament matul is-sena li tiġi wara s-sena finanzjarja kkonċernata, fl-istess waqt li tiddetermina l-bilanċi 1 tal-ING previsti fl-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament.

    Il-kalkolu għandu jsir abbażi tal-figuri relatati mas-sena finanzjarja rilevanti:

    (a)

    l-ING aggregat bil-prezzijiet tas-suq u l-komponenti tiegħu,

    (b)

    l-eżitu tal-baġit tan-nefqa operazzjonali li tikkorrispondi mal-miżura jew mal-politika inkwistjoni.

    L-aġġustament għandu jkun daqs il-riżultat tal-moltiplikazzjoni tal-ammont totali tan-nefqa in kwistjoni, bl-eċċezzjoni ta' dik iffinanzjata minn pajjiżi terzi parteċipanti, bil-perċentwal li l-ING tal-Istat Membru li hu intitolat għall-aġġustament jirrapreżenta fl-ING tal-Istati Membri kollha. L-aġġustament għandu jiġi finanzjat mill-Istati Membri parteċipanti skont skala determinata billi jiġi diviż l-ING rispettiv tagħhom bl-ING tal-Istati Membri parteċipanti kollha. Bil-għan li jiġi kkalkolat l-aġġustament, l-ammonti għandhom jiġu kkonvertiti mill-munita nazzjonali għall-euro bir-rata tal-kambju fl-aħħar jum ta' kwotazzjoni tas-sena kalendarja li tiġi qabel is-sena baġitarja kkonċernata.

    L-aġġustament għal kull sena rilevanti għandu jsir darba biss u għandu jkun finali fl-eventwalità ta' modifikazzjoni sussegwenti tal-figura tal-ING.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri fi żmien xieraq bl-ammont tal-aġġustament sabiex ikunu jistgħu jikkreditawh fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Diċembru.

    Artikolu 12

    Imgħax fuq l-ammonti li jkunu saru disponibbli tard

    1.   Kwalunkwe dewmien fid-dħul fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti lok għall-ħlas ta' mgħax min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat.

    Madankollu, l-irkupru ta' ammonti ta' mgħax li jkunu inqas minn EUR 500 għandu jiġi rrinunzjat.

    2.   Fil-każ ta' Stati Membri li jagħmlu parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja, ir-rata tal-interessi għandha tkun daqs ir-rata kif pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C, li l-Bank Ċentrali Ewropew applika għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta' finanzjament mill-ġdid, fl-ewwel jum tax-xahar li fih ħabtet id-data dovuta, miżjuda b'żewġ punti ta' perċentwal.

    Din ir-rata għandha tiżdied b'0,25 ta' punt perċentwali għall kull xahar ta' dewmien. Ir-rata miżjuda għandha tiġi applikata għall-perjodu kollu ta' dewmien.

    3.   Fil-każ ta' Stati Membri li ma jagħmlux parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja, ir-rata għandha tkun daqs ir-rata applikata fl-ewwel jum tax-xahar inkwistjoni mill-Banek Ċentrali għall-operazzjonijiet prinċipali tagħhom ta' finanzjament mill-ġdid, miżjuda b'żewġ punti ta' perċentwal, jew għal dawk l-Istati Membri li ma jkollhomx għad-dispożizzjoni tagħhom ir-rata tal-Bank Ċentrali, l-iktar rata ekwivalenti applikata fl-ewwel jum tax-xahar inkwistjoni fis-suq tal-flus tal-Istat Membru, miżjud b'żewġ punti perċentwali.

    Din ir-rata għandha tiżdied b'0,25 ta' punt perċentwali għall kull xahar ta' dewmien. Ir-rata miżjuda għandha tiġi applikata għall-perjodu kollu ta' dewmien.

    4.   Għall-ħlas tal-imgħax imsemmi fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 9(2) u (3) għandu japplika mutatis mutandis.

    Artikolu 13

    Ammonti irrekuperabbli

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-ammonti korrispondenti għall-intitolamenti stabbiliti taħt l-Artikolu 2 isiru disponibbli għall-Kummissjoni kif speċifikat f'dan ir-Regolament.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal intitolamenti stabbiliti skont l-Artikolu 2 li jirriżultaw bħala irrekuperabbli minħabba xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

    (a)

    raġunijiet ta' force majeure;

    (b)

    raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom.

    L-ammonti ta' drittijiet stabbiliti għandhom jiġu ddikjarati irrekuperabbli b'deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti li ssib li ma jistgħux jiġu rkuprati.

    L-ammonti ta' drittijiet stabbiliti għandhom jiġu kkunsidrati bħala irrekuperabbli, sa mhux aktar tard, wara perjodu ta' ħames snin mid-data li fiha l-ammont ikun ġie stabbilit skont l-Artikolu 2 jew, fil-każ ta' appell amministrattiv jew ġudizzjarju, id-deċiżjoni finali tkun ġiet mogħtija, notifikata jew pubblikata.

    Jekk ikunu ġew riċevuti ħlasijiet jew ħlasijiet parzjali, il-perjodu ta' ħames snin massimu għandu jibda mid-data tal-aħħar ħlas li jkun sar, fejn dan ma jkunx temm id-dejn.

    L-ammonti ddikjarati jew ikkunsidrati bħala irrekuperabbli għandhom jitneħħew definittivament mill-kontijiet separati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3). Għandhom jintwerew f'anness mad-dikjarazzjoni trimestrali msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) u, fejn applikabbli, fid- deskrizzjonijiet trimestrali msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014.

    3.   Fi żmien tliet xhur mid-deċiżjoni amministrattiva msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jew skont il-limiti ta' żmien imsemmija f'dak il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b' rapport li jinkludi l-informazzjoni dwar dawk il-każijiet fejn il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu ġie applikat sakemm l-intitolamenti stabbiliti involuti jaqbżu l-EUR 50 000.

    Dak ir-rapport għandu jinkludi l-fatti kollha meħtieġa biex issir analiżi sħiħa tar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 2(a) u (b) ta' dan l-Artikolu, li ostakolaw lill-Istat Membru kkonċernat milli jagħmel disponibbli l-ammonti inkwistjoni, u tal-miżuri ta' rkupru li l-Istat Membru ħa fil-każ jew fil-każijiet inkwistjoni.

    Dak ir-rapport għandu jsir skont il-format stabbilit mill-Kummissjoni. Għal dak l-iskop, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 16.

    4.   Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi r-rapport previst fil-paragrafu 3, tikkomunika l-kummenti tagħha lill-Istat Membru kkonċernat.

    Fejn il-Kummissjoni tara li hemm bżonn li tintalab informazzjoni addizzjonali, il-limitu ta' żmien ta' sitt xhur għandu jibda jgħodd mid-data meta tasal l-informazzjoni supplimentari mitluba.

    KAPITOLU IV

    ĠESTJONI TAR-RIŻORSI TA' FLUS KONTANTI

    Artikolu 14

    Il-ħtiġijiet fir-rigward tal-ġestjoni tar-riżorsi ta' flus kontanti

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiġbed mis-somom ikkreditati fil-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1) sal-limitu meħtieġ biex tkopri l-ħtiġijiet tagħha f'riżorsi ta' flus kontanti li joriġinaw mill-implimentazzjoni tal-baġit.

    2.   Jekk il-ħtiġijiet f'riżorsi ta' flus kontanti jeċċedu l-assi fil-kontijiet, il-Kummissjoni tista' tiġbed b'eċċess mill-ammont totali ta' dawn l-assi, suġġett għad-disponibbilta' ta' approprazzjonijiet fil-baġit u fil-limiti tar-riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit. F'dan il-każ, hi għandha tinforma lill-Istati Membri bil-quddiem dwar kwalunkwe ħtiġijiet ta' eċċess li hija tkun tista' tipprevedi.

    3.   Fil-każ biss ta' inadempjenza taħt it-termini ta' self ikkuntrattat jew iggarantit f'konformità mar-regolamenti u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill, f'ċirkostanzi li fihom il-Kummissjoni ma tkunx tista' tattiva miżuri oħra li hemm dispożizzjoni dwarhom fl-arranġementi finanzjarji li japplikaw għal dan is-self fil-waqt biex tassigura konformità mal-obbligazzjonijiet legali tal-Unjoni lejn dawk li jisilfu, jistgħu jkunu applikati l-paragrafi 2 u 4 b'mod temporanju, indipendentement mill-kondizzjonijiet fil-paragrafu 2, biex ikunu ttrattati d-djun tal-Unjoni.

    4.   Id-differenza bejn l-assi totali u l-ħtiġijiet f'riżorsi ta' flus kontanti għandha tiġi kondiviża fost l-Istati Membri, sa fejn ikun possibbli, proporzjonalment mad-dħul tal-baġit stmat minn kull wieħed minnhom.

    Artikolu 15

    Eżekuzzjoni ta' ordnijiet ta' ħlas

    1.   L-Istati Membri, jew il-korpi appuntati minnhom, għandhom jeżegwixxu l-ordnijiet ta' ħlas tal-Kummissjoni fuq istruzzjonijiet tal-Kummissjoni u f'mhux aktar minn tlitt ijiem tax-xogħol mill-jum tal-wasla. Madankollu, fil-każ ta' tranżazzjonijiet ta' ċaqliq ta' flus, l-Istati Membri għandhom jeżegwixxu l-ordnijiet fil-perjodu mitlub mill-Kummissjoni.

    2.   L-Istati Membri, jew il-korpi maħtura minnhom, għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, b'mezzi elettroniċi u sa mhux aktar tard mit-tieni jum tax-xogħol wara li ssir kull tranżazzjoni, rendikont tal-kont li juri l-movimenti relatati.

    KAPITOLU V

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 16

    Proċedura ta' kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji msemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu jkun applikabbli l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 17

    Dispożizzjoni tranżizzjonali dwar ir-rata tal-imgħax

    Ir-rata prevista fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 fil-verżjoni tiegħu ta' qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2028/2004 (11) għandha tkompli tapplika għall-kalkolu ta' mgħax fuq ħlasijiet li jsiru tard meta d-data dovuta taħbat qabel l-1 ta' Diċembru 2004.

    Artikolu 18

    Tħassir

    1.   Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 huwa b'dan imħassar.

    2.   Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u jinqraw f'konformità mat-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

    Artikolu 19

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom.

    Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Mejju 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Ch. VASILAKOS


    (1)  Opinjoni Nru 2/2012 tal-20 ta' Marzu 2012 (ĠU C 112, 18.4.2012, p. 1).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta' Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni għas-sistema ta' riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ara l-paġna 29 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ara l-paġna 105 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 tal-15 ta' Lulju 2003 fuq l-armonizzazzjoni tal-introjtu nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq (“ir-Regolament ING”) (ĠU L 181, 19.7.2003, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006 u (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16).

    (7)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).

    (9)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

    (10)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad- 29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

    (11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2028/2004 tas-16 ta' Novembru 2004 li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU L 352, 27.11.2004, p. 1).


    ANNESS I

    IR-REGOLAMENT IMĦASSAR FLIMKIEN MAL-LISTA TAL-EMENDI SUĊĊESSIVI TIEGĦU

    Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000

    (ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1)

    Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2028/2004

    (ĠU L 352, 27.11.2004, p. 1)

    Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 105/2009

    (ĠU L 36, 5.2.2009, p. 1)


    ANNESS II

    TABELLA TA' KORRELAZZJONI

    Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000

    Dan ir-Regolament

    Artikolu 1

    Artikolu 1

    Artikolu 2

    Artikolu 2

    Artikolu 3, l-ewwel, it-tieni u t-tielet paragrafu

    Artikolu 3, l-ewwel, it-tieni u t-tielet paragrafu

    Artikolu 3, ir-raba' paragrafu

    Artikolu 4

    Artikolu 4

    Artikolu 5

    Artikolu 5

    Artikolu 6(1) u (2)

    Artikolu 6(1) u (2)

    Artikolu 6(3)(a)

    Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 6(3)(b)

    Artikolu 6(3), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 6(3)(c)

    Artikolu 6(3), it-tielet subparagrafu

    Artikolu 6(3)(d)

    Artikolu 6(3), ir-raba' subparagrafu

    Artikolu 6(4) l-ewwel subparagrafu, punt (a), l-ewwel sentenza

    Artikolu 6(4), l-ewwel subparagrafu, punt (a)

    Artikolu 6(4) l-ewwel subparagrafu, punt (a), it-tieni sentenza

    Artikolu 6(4), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 6(4), l-ewwel subparagrafu, punt (b), l-ewwel sentenza

    Artikolu 6(4), l-ewwel subparagrafu, punt (b)

    Artikolu 6(4), l-ewwel subparagrafu, punt (b), it-tieni sentenza

    Artikolu 6(4), it-tielet subparagrafu

    Artikolu 6(4), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 6(4) ir-raba' subparagrafu

    Artikolu 6(5)

    Artikolu 7

    Artikolu 7

    Artikolu 8, l-ewwel paragrafu

    Artikolu 8

    Artikolu 8, it-tieni paragrafu

    Artikolu 9(1)

    Artikolu 9(1)

    Artikolu 9(1)(a)

    Artikolu 9(2)

    Artikolu 9(2)

    Artikolu 9(3)

    Artikolu 10(1), (2), (3), (4), (5), (6) u (7)

    Artikolu 10(1), (2), (3), (4), (5), (6) u (7)

    Artikolu 10(8)

    Artikolu 10(8), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 10(9)

    Artikolu 10(9)

    Artikolu 10(10)

    Artikolu 10a

    Artikolu 11

    Artikolu 11(1)

    Artikolu 12(1), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 12(1), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 11(2), (3) u (4)

    Artikolu 12(2), (3) u (4)

    Artikolu 12(1), (2), (3) u (4)

    Artikolu 14

    Artikolu 12(5), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 15(1)

    Artikolu 12(5), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 15(2)

    Artikolu 15

    Artikolu 16, l-ewwel u t-tieni paragrafu

    Artikolu 16, it-tielet paragrafu

    Artikolu 10(8), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 17(1) u (2)

    Artikolu 13(1) u (2)

    Artikolu 17(3), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 13(3), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 17(3), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 17(3), it-tielet subparagrafu

    Artikolu 13(3), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 13(3), it-tielet subparagrafu

    Artikolu 17(4)

    Artikolu 13(4)

    Artikolu 17(5)

    Artikolu 18

    Artikolu 19

    Artikolu 20

    Artikolu 21

    -

    Artikolu 16

    Artikolu 21a

    Artikolu 17

    Artikolu 22

    Artikolu 23

    Artikolu 18

    Artikolu 19

    Anness

     

     

    Anness I

    Anness II


    Top