Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1335

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1335/2013 tat- 13 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012 dwar l-istandards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa

    ĠU L 335, 14.12.2013, p. 14–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 23/11/2022; Impliċitament imħassar minn 32022R2104

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1335/oj

    14.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 335/14


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1335/2013

    tat-13 ta’ Diċembru 2013

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012 dwar l-istandards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 113(1)(a) u l-Artikolu 121(1)(a) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 29/2012 (2) jistipula l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni speċifiċi għaż-żejt taż-żebbuġa u għaż-żejt mir-residwi taż-żebbuġ fil-livell tal-bejgħ bl-imnut.

    (2)

    Jeħtieġ li l-produtturi, in-negozjanti u l-konsumaturi jkollhom standards tal-kummerċjalizzazzjoni għaż-żejt taż-żebbuġa li jiggarantixxu l-kwalità tal-prodotti u li bihom ukoll ikunu jistgħu jilqgħu għall-frodi. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġu previsti dispożizzjonijiet partikulari bil-għan li jikkompletaw ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u li jitjieb il-kontroll effettiv tal-istandards tal-merketing.

    (3)

    Diversi studji xjentifiċi wrew li d-dawl u s-sħana jħallu effetti negattivi fuq l-iżvilupp tal-kwalità taż-żejt taż-żebbuġa. Għaldaqstant hemm bżonn li l-kundizzjonijiet partikulari tal-ħażna jkunu indikati b’mod ċar fuq it-tikketta biex il-konsumatur ikun infurmat sew dwar l-aqwa kundizzjonijiet għall-ħażna.

    (4)

    Biex ikun aktar faċli għall-konsumatur li jagħżel bejn il-prodotti, huwa importanti li l-indikazzjonijiet obbligatorji li jridu jidhru fuq it-tikketta jkunu jistgħu jinqraw tajjeb. Għalhekk jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar kemm l-informazzjoni obbligatorja fil-parti viżwali ewlenija tkun tista’ tinqara u dwar x’informazzjoni għandha tiġi inkluża fiha.

    (5)

    Biex il-konsumatur ikun jista’ jaċċerta ruħu li l-prodott ikun wieħed frisk, hemm bżonn jiġi stipulat li l-indikazzjoni fakultattiva dwar is-sena tal-ħsad tista’ titniżżel fuq it-tikketta biss kemm-il darba 100 % tal-kontenut tal-pakkett ikun inġabar minn dak il-ħsad.

    (6)

    Sabiex ikun hemm is-simplifikazzjoni, jeħtieġ jiġi previst li t-tikkettar tal-prodotti tal-ikel ikkonservati esklussivament fiż-żejt taż-żebbuġa ma jibqax jindika l-perċentwali ta’ żejt miżjud meta mqabbel mal-piż totali nett tal-oġġett tal-ikel.

    (7)

    Sabiex tiġi assigurata l-koerenza bejn ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 (4) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mat-tolleranza tar-riżultat tal-kontrolli, jeħtieġ li tiġi emendata kif xieraq id-dispożizzjoni kkonċernata ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

    (8)

    L-Istati Membri jridu jwettqu kontrolli biex jassiguraw il-korrettezza tal-indikazzjonijiet ippreżentati fuq it-tikketta u biex jaraw li dan ir-Regolament jiġi osservat. Għal dan il-għan, hemm bżonn jissaħħu u jkomplu jiġu armonizzati l-kontrolli dwar jekk id-denominazzjoni tal-bejgħ tal-prodott tikkonformax mal-kontenut tar-reċipjent, abbażi ta’ analiżi tar-riskji, kif ukoll il-penali rispettivi. Approċċ bħal dan għandu jippermetti wkoll li tiġi miġġielda l-frodi billi jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi ta’ kontroll għall-Istati Membri kollha kif ukoll billi jiġu standardizzati r-rapporti li għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni.

    (9)

    L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-penali fil-livell nazzjonali. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    (10)

    Il-prodotti mmanifatturati u ttikkettati fl-Unjoni, inkella impurtati fl-Unjoni qabel ma jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament imma li jikkonformaw mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012, għandhom jibbenefikaw minn perjodu tranżitorju, sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jużaw l-istokk eżistenti tal-imballaġġ u jbiegħu l-prodotti diġà imballati.

    (11)

    Il-Kummissjoni żviluppat sistema ta’ informazzjoni li tippermetti l-ġestjoni tad-dokumenti u tal-proċeduri b’mod elettroniku fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ħidma interni tagħha u fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħha mal-awtoritajiet involuti fil-politika agrikola komuni. Din is-sistema titqies li tippermetti li jiġu ssodisfati l-obbligi ta’ komunikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012, f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (5).

    (12)

    Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012 għandu jiġi emendat kif xieraq.

    (13)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012 għandu jiġi emendat kif ġej:

    1.

    Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli 4a u 4b li ġejjin:

    “Artikolu 4a

    Għaż-żjut imsemmijin fl-Artikolu 1(1), l-informazzjoni fuq il-kundizzjonijiet partikulari tal-konservazzjoni taż-żejt, jiġifieri li għandhom jinħażnu ‘l bogħod mid-dawl u mis-sħana, iridu jidhru fuq l-imballaġġ jew fuq it-tikketta mwaħħla fuq il-prodott.

    Artikolu 4b

    L-indikazzjonijiet obbligatorji msemmijin fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3 u, fejn tapplika, l-indikazzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1), jingħataw flimkien fil-parti viżwali ewlenijai, kif iddefinit mill-Artikolu 2(2)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), fuq l-istess tikketta jew fuq bosta tikketti mwaħħla mal-istess reċipjent, inkella direttament fuq l-istess reċipjent. Kull waħda minn dawn l-indikazzjonijiet obbligatorji għandha tidher kollha kemm hi u f’korp testwali omoġenju.

    (*)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).”"

    2.

    Fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 5, għandu jiżdied il-punt e) li ġej:

    “(e)

    Għaż-żjut imsemmija fil-punti 1 a) u b) tal-Anness XVI tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-indikazzjoni dwar is-sena tal-ħsad tista’ tidher biss kemm-il darba 100 % tal-kontenut tal-pakkett ikun inġabar minn dak il-ħsad.”

    3.

    L-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(2) għandu jinbidel bit-test li ġej:

    “2.   Ħlief għall-prodotti tal-ikel solidi kkonservati esklussivament fiż-żejt taż-żebbuġa, partikolarment il-prodotti msemmija fir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1536/92 (**) u (KEE) Nru 2136/89 (***), meta bl-użu ta’ kliem, immaġni jew grafiċi, tkun enfasizzata fuq it-tikketta l-preżenza ta’ żjut fl-ikel kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, f’post ieħor minbarra fil-lista tal-ingredjenti, id-denominazzjoni tal-bejgħ tal-ikel għandha tkun segwita immedjatament mill-indikazzjoni tal-perċentwali ta’ żejt taż-żebbuġa miżjud imsemmi fl-Artikolu 1(1) meta mqabbel mal-piż totali nett tal-oġġett tal-ikel.

    (**)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1536/92 tad-9 ta’ Ġunju 1992 li jippreskrivi l-istandards ta’ marketing komuni għat-tonn u għall-plamtu/tumbrell priservat (ĠU L 163, 17.6.1992, p. 1)."

    (***)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2136/89 tal-21 ta’ Ġunju 1989 li jistabbilixxi ċerti standards komuni dwar il-marketing tas-sardin ippriservat u deskrizzjonijiet kummerċjali tas-sardin ippriservat u tal-prodotti li qishom sardin (ĠU L 212, 22.7.1989, p. 79).”"

    4.

    Fl-Artikolu 7, għandu jitħassar it-tieni inċiż.

    5.

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu 8a li ġej:

    “Artikolu 8a

    Kull Stat Membru għandu jivverifika jekk l-indikazzjonijiet fuq it-tikketta humiex korretti, b’mod partikolari jekk id-denominazzjoni tal-bejgħ tal-prodott tikkonformax mal-kontenut tar-reċipjent, abbażi tal-analiżi tar-riskji msemmija fl-Artikolu 2a tar-Regolament (KEE) Nru 2568/91. Jekk jinstab li hemm xi irregolarità u fil-każ li l-manifattur, min jippakkja l-prodott jew il-bejjiegħ li jkun jidher fuq it-tikketta jkun fi Stat Membru ieħor, l-organu ta’ kontroll tal-Istat Membru kkonċernat għandu jitlob li ssir verifika skont l-Artikolu 8(2).”

    6.

    L-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1) għandu jinbidel bit-test li ġej:

    “1.   Mingħajr ħsara għall-penali previsti fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u għall-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 2568/91, kemm-il darba jinkiser dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom japplikaw penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-livell nazzjonali.”

    7.

    L-Artikolu 10 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 10

    L-Istati Membri kkonċernati għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, rapport li jkun fih it-tagħrif li ġej dwar is-sena ta’ qabel:

    (a)

    it-talbiet għall-verifika li jkunu waslulhom skont l-Artikolu 8(2);

    (b)

    il-verifiki li jkunu saru u dawk mibdija fis-snin tas-suq ta’ qabel li jkunu għadhom għaddejjin;

    (c)

    il-verifiki li jkunu saru skont l-Artikolu 8a u li jkunu tressqu skont il-mudell mogħti fl-Anness XXI tar-Regolament (KEE) Nru 2568/91;

    (d)

    dak li jseħħ b’riżultat tal-verifiki magħmula u l-penali li jkunu ġew applikati.

    Ir-rapport għandu jippreżenta dan it-tagħrif skont is-sena tal-kalendarju li fiha jkunu saru l-verifiki u skont il-kategoriji tal-ksur. Fejn ikun il-każ, ir-rapport għandu jindika d-diffikultajiet speċifiċi li wieħed ikun iltaqa’ magħhom u l-proposti li jkunu tressqu biex jitjiebu l-kontrolli.”

    8.

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu 10a li ġej:

    “Artikolu 10a

    In-notifiki msemmija f’dan ir-Regolament għandhom isiru skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (****).

    (****)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta’ Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).”"

    Artikolu 2

    Il-prodotti li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012 li jkunu ġew immanifatturati u ttikkettati fl-Unjoni, jew li jkunu ġew impurtati fl-Unjoni u rrilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera qabel it-13 ta’ Diċembru 2014 jistgħu jitqiegħdu fis-suq sakemm il-ħażniet jintużaw kollha.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mit-13 ta’ Diċembru 2014. Madankollu, f’dak li għandu x’jaqsam mal-Artikolu 10(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012, l-Artikolu 1(7) ta’ dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2016.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 29/2012 tat-13 ta’ Jannar 2012 dwar l-istandards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa (ĠU L 12, 14.1.2012, p. 14).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

    (4)  Ir-Regolament Tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 tal-11 ta’ Lulju 1991 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta’ analiżi rilevanti (ĠU L 248, 5.9.1991, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta’ Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).


    Top