Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013L0056

    Direttiva 2013/56/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Novembru 2013 li temenda d-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli li jkun fihom il-kadmju maħsuba għall-użu f’għodda mingħajr fil imħaddma bl-enerġija, u ta’ ċelluli buttuna li fihom kontenut baxx ta’ merkurju, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/603/KE Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 329, 10.12.2013, p. 5–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/56/oj

    10.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 329/5


    DIRETTIVA 2013/56/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-20 ta’ Novembru 2013

    li temenda d-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli li jkun fihom il-kadmju maħsuba għall-użu f’għodda mingħajr fil imħaddma bl-enerġija, u ta’ ċelluli buttuna li fihom kontenut baxx ta’ merkurju, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/603/KE

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli, inklużi dawk inkorporati f’appliances, li jkun fihom aktar minn 0,002 % ta’ kadmju fil-piż. Madankollu, il-batteriji u l-akkumulaturi portabbli maħsuba għall-użu f’għodda mingħajr fil imħaddma bl-enerġija huma eżentati minn dik il-projbizzjoni.

    (2)

    Il-Kummissjoni rrevediet dik l-eżenzjoni skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2006/66/KE.

    (3)

    Dik ir-reviżjoni wasslet għall-konklużjoni li, sabiex l-ammont ta’ kadmju rilaxxat fl-ambjent jiġi mnaqqas b’mod gradwali, il-projbizzjoni tal-użu tal-kadmju għandha tiġi estiża għal batteriji u akkumulaturi portabbli maħsuba għall-użu f’għodda mingħajr fil imħaddma bl-enerġija għar-raġuni li għal tali applikazzjonijiet fis-suq hemm disponibbli sostituti xierqa li ma għandhomx kadmju, jiġifieri teknoloġiji tal-batteriji tan-nikil-idrur tal-metall u tal-litju-jone.

    (4)

    L-eżenzjoni attwali għal batteriji u akkumulaturi portabbli maħsuba għall-użu f’għodda mingħajr fil imħaddma bl-enerġija għandha tkompli tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2016 sabiex l-industrija tar-riċiklaġġ u l-konsumaturi fil-katina kollha tal-valur ikunu jistgħu jkomplu jadattaw għat-teknoloġiji ta’ sostituzzjoni rilevanti b’mod uniformi fir-reġjuni kollha tal-Unjoni.

    (5)

    Id-Direttiva 2006/66/KE tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-batteriji u l-akkumulaturi kollha, kemm jekk inkorporati f’appliances u kemm jekk le, li jkun fihom aktar minn 0,0005 % ta’ merkurju fil-piż. Madankollu, iċ-ċelluli buttuna b’kontenut ta’ merkurju ta’ mhux aktar minn 2 % fil-piż huma eżentati minn din il-projbizzjoni. Is-suq taċ-ċelluli buttuna fl-Unjoni diġà qed jesperjenza bidla lejn ċelluli buttuna li ma għandhomx merkurju. Għaldaqstant huwa xieraq li tiġi pprojbita l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċelluli buttuna b’kontenut ta’ merkurju li jaqbeż 0,0005 % fil-piż.

    (6)

    B’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, is-setgħat ikkonferiti lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2006/66/KE iridu jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    (7)

    Sabiex id-Direttiva 2006/66/KE tiġi ssupplimentata jew emendata, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ kriterji għall-valutazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti li jirrigwardaw it-trattament u r-riċiklaġġ barra mill-Unjoni, it-tikkettar tal-kapaċità ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli u awtomotivi, u l-eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tat-tikkettar. Huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt il-fażi ta’ xogħol ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti delegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (8)

    Kull meta xieraq, ir-rekwiżiti u l-format għar-reġistrazzjoni tal-produttur għandhom ikunu koerenti fir-rigward tar-regoli u l-format ta’ reġistrazzjoni stabbiliti skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Parti A tal-Anness X għall-istess Direttiva (4).

    (9)

    Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/66/KE, il-Kummissjoni Ewropea għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ arranġamenti tranżitorji dwar ir-rati minimi ta’ kollezzjoni, metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-bejgħ annwali ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli lil utenti aħħarin, regoli dettaljati rigward il-kalkolu tal-effiċjenzi ta’ riċiklaġġ, u kwestjonarju jew skema għal rapporti nazzjonali ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    (10)

    Id-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) ġiet revokata bid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) b’effett mit-12 ta’ Diċembru 2010.

    (11)

    Għaldaqstant, id-Direttiva 2006/66/KE għandha tiġi emendata skont dan,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2006/66/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(a) m’għandhiex tapplika għal ċelluli buttuna b’kontenut ta’ merkurju ta’ mhux aktar minn 2 % fil-piż sal-1 ta’ Ottubru 2015”;

    (b)

    il-punt (c) tal-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    għodda mingħajr fil imħaddma bl-enerġija; din l-eżenzjoni għall-għodda mingħajr fil imħaddma bl-enerġija għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2016.”;

    (c)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit bdan’li ġej:

    “4.   Fir-rigward ta’ ċelluli buttuna għall-apparati tas-smigħ, il-Kummissjoni għandha żżomm taħt osservazzjoni l-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 2 u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-disponibbiltà taċ-ċelluli buttuna għall-apparati tas-smigħ li huma f’konformità mal-paragrafu 1(a) mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2014. Fejn iġġustifikat minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà taċ-ċelluli buttuna għall-apparati tas-smigħ li huma f’konformità mal-paragrafu 1(a), il-Kummissjoni għandha takkumpanja r-rapport tagħha bi proposta adatta bil-ħsieb li tiġi estiża l-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 2 fir-rigward taċ-ċelluli buttuna għall-apparati tas-smigħ.”;

    (2)

    L-Artikolu 6(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Batteriji u akkumulaturi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, iżda li tqiegħdu fis-suq legalment qabel id-dati ta’ applikazzjoni tal-projbizzjonijiet rispettivi fl-Artikolu 4, jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.”;

    (3)

    L-Artikolu 10(4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, arranġamenti tranżitorji sabiex tindirizza d-diffikultajiet li Stat Membru jiffaċċa biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 2 li jirriżultaw minn ċirkustanzi nazzjonali speċifiċi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).

    Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-bejgħ annwali ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli lil utenti aħħarin sas-26 ta’ Settembru 2007. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).”;

    (4)

    L-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 11

    Tneħħija ta’ skart ta’ batteriji u akkumulaturi

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi jiddiżinjaw l-appliances b’ mod li l-iskart ta’ batteriji u akkumulaturi jkun jista’ jitneħħa faċilment. Meta ma jkunux jistgħu jitneħħew faċilment mill-utent aħħari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi jiddiżinjaw l-appliances b’tali mod li l-iskart ta’ batteriji u akkumulaturi jista’ jitneħħa faċilment minn professjonisti kwalifikati li jkunu indipendenti mill-manifattur. Appliances li jkollhom batteriji u akkumulaturi inkorporati fihom għandhom jiġu akkumpanjati minn istruzzjonijiet dwar kif dawk il-batteriji u akkumulaturi jistgħu jitneħħew mingħajr periklu jew mill-utent aħħari jew inkella minn professjonisti indipendenti u kwalifikati. Meta jkun xieraq, l-istruzzjonijiet għandhom jinfurmaw ukoll lill-utent aħħari bit-tipi ta’ batterija jew akkumulatur inkorporat fl-appliance.

    Id-dispożizzjonijiet stipulati fl-ewwel paragrafu m’għandhomx japplikaw fejn, għal raġunijiet ta’ sigurtà, ta’ prestazzjoni mediċi jew ta’ integrità tad-data, tkun neċessarja l-kontinwità tal-provvista tal-enerġija u konnessjoni permanenti bejn l-appliance u l-batterija jew l-akkumulatur tkun rikjesta.”;

    (5)

    L-Artikolu 12(6) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “6.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta regoli dettaljati rigward il-kalkolu tal-effiċjenzi ta’ riċiklaġġ sas-26 ta’ Marzu 2010. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).”;

    (6)

    L-Artikolu 12(7) huwa mħassar;

    (7)

    L-Artikolu 15(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23a biex tistabbilixxi regoli dettaljati li jissupplimentaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari l-kriterji għall-valutazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti kif imsemmija fih.”;

    (8)

    L-Artikolu 17 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 17

    Reġistrazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull produttur ikun irreġistrat. Ir-reġistrazzjoni għandha tkun soġġetta għall-istess rekwiżiti ta’ proċedura f’kull Stat Membru skont l- Anness IV.”;

    (9)

    L-Artikolu 18(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw l-abbozzi ta’ miżuri ta’ eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u r-raġunijiet li għalihom dawn ikunu proposti, u għandhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni u l-Istati Membri oħra.”;

    (10)

    L-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sas-26 ta’ Settembru 2009, il-kapaċità tal-batteriji u akkumulaturi portabbli u awtomotivi kollha tkun indikata fuqhom b’mod viżibbli, leġibbli u li ma jitħassarx. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23a li jistabilixxu regoli dettaljati li jissupplimentaw dak ir-rekwiżit, inklużi metodi armonizzati għad-determinazzjoni tal-kapaċità u l-użu xieraq sas-26 ta’ Marzu 2009.”;

    (b)

    il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “7.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23a sabiex jingħataw eżenzjonijiet mir-rekwiżiti ta’ tikkettar stipulati f’dan l-Artikolu. Bħala parti mit-tħejjija ta’ tali atti delegati, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet interessati rilevanti, b’mod partikolari il-produtturi, il-kolletturi, ir-riċiklaturi, l-operaturi tat-trattamenti, l-organizzazzjonijiet ambjentali u tal-konsumaturi, u l-assoċjazzjonijiet tal-impjegati.”;

    (11)

    L-Artikolu 22(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Ir-rapporti għandhom jitfasslu abbażi ta’ kwestjonarju jew ta’ skema. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-kwestjonarju jew l-iskema għal dawk ir-rapporti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 24(2). Il-kwestjonarju jew l-iskema għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri sitt xhur qabel ma jibda l-ewwel perijodu tar-rappurtar.”;

    (12)

    L-Artikolu li ġej huwa miżjud:

    “Artikolu 23a

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa li tadotta atti delegati hija kkonferita lill-Kummissjoni, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 15(3) u l-Artikolu 21(2) u (7) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-30 ta’ Diċembru 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħat sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħat għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta’ durata identika, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponix tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

    3.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 15(3) u l-Artikolu 21(2) u (7) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tkun effettiva mill-jum wara dak tal-publikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew minn data oħra aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b’mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5.   Att delegat li jiġi adottat skont l-Artikolu 15(3) u l-Artikolu 21(2) u (7) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

    (13)

    L-Artikolu 24 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 24

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**).

    2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni m’għandhiex tadotta l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    (*)  Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3)."

    (**)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”"

    (14)

    L-Anness li ġej jiżdied:

    “ANNESS IV

    Rekwiżiti proċedurali għar-reġistrazzjoni

    1.   Rekwiżiti għar-reġistrazzjoni

    Ir-reġistrazzjoni tal-produtturi ta’ batteriji u akkumulaturi għandha ssir mal-awtoritajiet nazzjonali jew mal-organizzazzjonijiet ta’ responsabbiltà ta’ produtturi nazzjonali awtorizzati mill-Istati Membri (minn hawn ‘il quddiem: korpi tar-reġistrazzjoni), bil-miktub jew elettronikament.

    Din il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tista’ tkun parti minn proċedura oħra ta’ reġistrazzjoni ta’ produttur.

    Il-produtturi ta’ batteriji u akkumulaturi għandu jkollhom bżonn biss li jirreġistraw darba fi Stat Membru fejn huma jqiegħdu l-batteriji u l-akkumulaturi fis-suq tal-Istat Membru għall-ewwel darba fuq bażi professjonali, u għandhom jiġu pprovduti b’numru ta’ reġistrazzjoni meta sseħħ ir-reġistrazzjoni.

    2.   Informazzjoni li għandha tingħata mill-produtturi

    Il-produtturi ta’ batteriji u akkumulaturi għandhom jipprovdu lill-korpi tar-reġistrazzjoni l-informazzjoni li ġejja:

    (i)

    l-isem tal-produttur u l-marki kummerċjali (jekk disponibbli) li taħthom joperaw fl-Istat Membru,

    (ii)

    l-indirizz(i) tal-produttur: il-kodiċi postali u l-lokalità, l-isem tat-triq u n-numru, il-pajjiż, il-URL, in-numru tat-telefon, kif ukoll il-persuna ta’ kuntatt, in-numru tal-fax u l-indirizz elettroniku tal-produttur, jekk huma disponibbli,

    (iii)

    l-indikazzjoni dwar it-tipi ta’ batteriji u akkumulaturi li tqiegħdu fis-suq mill-produttur: batteriji u akkumulaturi portabbli, batteriji u akkumulaturi industrijali, jew batteriji u akkumulaturi awtomotivi,

    (iv)

    informazzjoni dwar kif il-produttur jirrispetta r-responsabbiltajiet tiegħu; permezz ta’ skema individwali jew kollettiva,

    (v)

    data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni,

    (vi)

    kodiċi ta’ identifikazzjoni nazzjonali tal-produttur, inkluż in-numru tal-kodiċi fiskali Ewropew jew in-numru tal-kodiċi fiskali nazzjonali tal-produttur (fakultattiv),

    (vii)

    dikjarazzjoni li l-informazzjoni pprovduta hija vera.

    Għall-fini tar-reġistrazzjoni msemmija fit-tieni paragrafu tal-punt 1, il-produtturi ta’ batteriji u akkumulaturi ma għandhomx ikunu obbligati jipprovdu l-ebda informazzjoni oħra għajr dik elenkata fil-punt 2 (i) - (vii).

    3.   Ħlas għar-reġistrazzjoni

    Il-korpi tar-reġistrazzjoni jistgħu japplikaw ħlas għar-reġistrazzjoni bil-kundizzjoni li dawn ikunu abbażi tal-ispiża u proporzjonati.

    Il-korpi tar-reġistrazzjoni li japplikaw ħlas għar-reġistrazzjoni għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bil-metodoloġija li tintuża biex jiġi kkalkulat il-prezz tal-ħlas.

    4.   Bidla fid-data tar-reġistrazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każ li tinbidel id-data pprovduta minn produtturi skont il-punt 2 (i) - (vii), il-produtturi għandhom jinfurmaw b’dan lill-korp tar-reġistrazzjoni rilevanti mhux aktar tard minn xahar wara l-bidla.

    5.   Tneħħija tar-reġistrazzjoni

    Meta l-produtturi ma jibqgħux aktar produtturi fi Stat Membru, huma għandhom ineħħu r-reġistrazzjoni billi jinfurmaw lill-korp tar-reġistrazzjoni rilevanti b’dan.”

    Artikolu 2

    Tħassir tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/603/KE

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/603/KE (8) għandha titħassar b’effett mill-1 ta’ Lulju 2015.

    Artikolu 3

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi mal-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva sal-1 ta’ Lulju 2015. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

    2.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

    3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 5

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta’ Novembru 2013.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. LEŠKEVIČIUS


    (1)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 140.

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Ottubru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal 15 ta’ Novembru 2013.

    (3)  Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1).

    (4)  Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).

    (5)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċitar mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (6)  Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9).

    (7)  Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

    (8)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/603/KE tal-5 ta’ Awwissu 2009 li tistabbilixxi r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni tal-produtturi ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi skont id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 206, 8.8.2009, p. 13).


    Top