Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0759

    2013/759/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 12 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri ta’ tranżizzjoni tal-ġestjoni tal-FEŻ mill- 1 ta’ Jannar 2014 sad-dħul fis-seħħ tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp

    ĠU L 335, 14.12.2013, p. 48–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/759/oj

    14.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 335/48


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-12 ta’ Diċembru 2013

    dwar miżuri ta’ tranżizzjoni tal-ġestjoni tal-FEŻ mill-1 ta’ Jannar 2014 sad-dħul fis-seħħ tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp

    (2013/759/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Partenarjat bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea (“Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar”) (1),

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-finanzjament tal-għajnuna Komunitarja taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2008 sal-2013 b’konformità mal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat tal-KE (2) (l-“10 Ftehim Intern tal-FEŻ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 1(5) tal-Ftehim Intern għall-10 FEŻ, jistipula li l-fondi tal-10 FEŻ ma għandhomx ikunu impenjati aktar wara l-31 ta’ Diċembru 2013, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor b’mod unanimu, fuq proposta mill-Kummissjoni.

    (2)

    Il-Paragrafu 5 tal-Anness Ib (Qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu mill-2008 sal-2013) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE jistipula li l-fondi tal-10 FEŻ, għajr l-ammonti allokati għall-Faċilità tal-Investiment, bl-esklużjoni tas-sussidji relatati tar-rati tal-imgħax, ma għandhomx ikunu impenjati aktar wara l-31 ta’ Diċembru 2013, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor b’mod unanimu, fuq proposta mill-Kummissjoni.

    (3)

    L-Artikolu 1(2) tal-Anness IIAa tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea jistipula li l-fondi tal-10 FEŻ ma għandhomx ikunu impenjati aktar wara l-31 ta’ Diċembru 2013, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor b’mod unanimu, fuq proposta mill-Kummissjoni.

    (4)

    L-Artikolu 13(3) tal-Ftehim Intern għall-10 FEŻ jipprevedi li huwa konkluż għall-istess tul ta’ żmien bħall-qafas finanzjarju pluriennali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u li jibqa’ fis-seħħ sakemm ikun meħtieġ sabiex l-operazzjonijiet kollha ffinanzjati taħt il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u d-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea u taħt dak l-imsemmi qafas finanzjarju pluriennali jiġu eżegwiti b’mod sħiħ.

    (5)

    L-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna huma deskritti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (3).

    (6)

    Id-dħul fis-seħħ tal-11-il FEŻ jista’ jiġi ttardjat sa wara l-1 ta’ Jannar 2014. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu previsti miżuri ta’ tranżizzjoni (“Faċilità ta’ Tranżizzjoni”) sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-fondi għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-ACP u mal-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej (OCTs), bejn Jannar 2014 u d-dħul fis-seħħ tal-11-il Ftehim Intern, li għandhom jiġu ffinanzjati mill-bilanċi u l-fondi diżimpenjati tal-10 FEŻ u dawk ta’ qablu,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Sakemm jidħol fis-seħħ il-11-il Ftehim Intern tal-FEŻ, miżuri ta’ tranżizzjoni fil-forma ta’ programmi ta’ azzjoni, miżuri individwali, miżuri speċjali għas-sħab tal-AKP, deċiżjonijiet ta’ finanzjament f’appoġġ għall-OCTs, u programmi ta’ azzjoni speċifiċi għas-sostenn tan-nefqa jiġu ffinanzjati minn Faċilità ta’ Tranżizzjoni, magħmula minn bilanċi mhux impenjati mill-FEŻ preċedent u minn fondi diżimpenjati minn proġetti ta’ dawn il-FEŻ. Dik il-Faċilità ta’ Tranżizzjoni tista’ wkoll tkopri l-għotjiet biex ikunu ffinzanzjati s-sussidji fuq ir-rati tal-imgħax u assistenza teknika marbuta ma’ proġetti allokati lill-Bank Ewropew tal-Investiment kif stipulat fl-Artikoli 1, 2 u 4 tal-Anness II tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u fid-Deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni extra-Ewropea. Dawk il-miżuri tranżizzjonali ta’ finanzjament għandu jkollhom l-għan li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tad-dokumenti ta’ programmazzjoni, u li jwieġbu għar-rekwiżiti tal-għajnuna ta’ emerġenza.

    Fondi impenjati skont dik il-Faċilità ta’ Tranżizzjoni għandhom ikunu kkontabilizzati taħt il-11-il FEŻ. Is-sehem tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri stipulat fl-Artikolu 1(2)(a) tal-Ftehimiet Interni tat-8, id-9 u l-10 FEŻ għandhom jitnaqqsu skont dan, wara d-dħul fis-seħħ tal-11-il Ftehim Intern tal-FEŻ.

    Artikolu 2

    Għall-implimentazzjoni tal-Faċilità ta’ Tranżizzjoni, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 617/2007 (4) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2008 (5) għandhom ikomplu japplikaw.

    Artikolu 3

    L-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni tkun skont id-Deċiżjoni 2010/427/UE.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Hija applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2014 sad-dħul fis-seħħ il-Ftehim Intern tal-11-il FEŻ.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. ASHTON


    (1)  ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1.

    (2)  ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.

    (3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

    (4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 617/2007 tal-14 ta’ Mejju 2007 dwar l-implimentazzjoni tal-10 Fond Ewropew tal-Iżvilupp taħt il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (ĠU L 152, 13.6.2007, p. 1).

    (5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2008 tat- 18 ta’ Frar 2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU L 78, 19.3.2008, p. 1).


    Top