EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1181

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1181/2012 tal- 10 ta’ Diċembru 2012 li jawtorizza żieda tal-limiti għall-arrikkiment tal-inbid prodott mill-għeneb maħsud fl-2012 f’ċerti reġjuni tat-tkabbir tad-dwieli

ĠU L 337, 11.12.2012, p. 44–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/1181/oj

11.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 337/44


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1181/2012

tal-10 ta’ Diċembru 2012

li jawtorizza żieda tal-limiti għall-arrikkiment tal-inbid prodott mill-għeneb maħsud fl-2012 f’ċerti reġjuni tat-tkabbir tad-dwieli

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 121 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Punt A.3 tal-Anness XVa tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-limiti ta’ żieda tas-saħħa alkoħolika (arrikkiment) ta’ nbid bil-volum jiżdiedu b’sa 0,5 % fis-snin meta l-kundizzjonijiet klimatiċi jkunu eċċezzjonalment ħżiena.

(2)

Id-Danimarka, l-Isvezja u r-Renju Unit talbu dawn iż-żidiet tal-limiti ta’ arrikkiment tal-inbid prodott mill-għeneb maħsud fis-sena 2012, minħabba li l-kundizzjonijiet klimatiċi matul l-istaġun tat-tkabbir kienu eċċezzjonalment ħżiena f’ċerti reġjuni ġeografiċi.

(3)

Minħabba l-kundizzjonijiet eċċezzjonalment ħżiena tat-temp fl-2012, il-limiti fuq iż-żidiet tas-saħħa alkoħolika naturali stabbiliti fil-punt A.2 tal-Anness XVa tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, ma jippermettux il-produzzjoni ta’ inbid b’total ta’ saħħa alkoħolika xierqa f’ċerti reġjuni li jkabbru d-dwieli u li għalih normalment ikun hemm domanda fis-suq.

(4)

Huwa għalhekk xieraq li tiġi awtorizzata żieda tal-limiti għall-arrikkiment tal-inbid prodott mill-għeneb maħsud fl-2012 fid-Danimarka, fl-Isvezja u fir-Renju Unit.

(5)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fir-reġjuni ġeografiċi msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, b’deroga mill-punt A.2 tal-Anness XVa tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, iż-żieda bil-volum fis-saħħa alkoħolika naturali ta’ għeneb frisk maħsud fis-sena 2012, most tal-għeneb, most tal-għeneb fil-fermentazzjoni, inbid ġdid li jkun għadu fil-proċess ta’ fermentazzjoni u nbid li ġie prodott mill-għeneb maħsud fis-sena 2012, ma għandhomx jaqbżu 3,5 % vol.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.


ANNESS

Reġjuni ġeografiċi fejn żieda fil-limitu ta’ arrikkiment hi awtorizzata skont l-Artikolu 1

Stat Membru

Reġjuni ġeografiċi

Id-Danimarka

Ir-reġjuni kollha tal-vitikultura

L-Isvezja

Ir-reġjuni kollha tal-vitikultura

Ir-Renju Unit

Ir-reġjuni kollha tal-vitikultura


Top