EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012L0011

Direttiva 2012/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta' April 2012 li temenda d-Direttiva 2004/40/KE fuq il-ħtiġijiet minimi għas-saħħa u s-sigurtà fir-rigward tal-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) (it-18-il Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

ĠU L 110, 24.4.2012, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/06/2013; Imħassar b' 32013L0035

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2012/11/oj

24.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 110/1


DIRETTIVA 2012/11/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' April 2012

li temenda d-Direttiva 2004/40/KE fuq il-ħtiġijiet minimi għas-saħħa u s-sigurtà fir-rigward tal-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) (it-18-il Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 153(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-partijiet interessati, b'mod partikolari dawk fil-komunità medika, esprimew tħassib serju dwar l-impatt li l-implimentazzjoni ta' dik id-Direttiva jista' jkollu fuq l-użu tal-proċeduri mediċi bbażati fuq l-immaġni mediċi kif ukoll dwar l-impatt tagħha fuq ċerti attivitajiet industrijali.

(2)

Il-Kummissjoni eżaminat l-argumenti li ressqu l-partijiet interessati u ddeċidiet li terġa' tikkonsidra xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/40/KE, abbażi ta' evidenza xjentifika ġdida.

(3)

Id-data tal-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/40/KE ġiet posposta bid-Direttiva 2008/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) sat-30 ta' April 2012 sabiex tkun tista' tiġi adottata sa dik id-data Direttiva ġdida bbażata fuq l-iżjed evidenza riċenti.

(4)

Fl-14 ta' Ġunju 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva ġdida biex tieħu post id-Direttiva 2004/40/KE. L-għan tad-Direttiva l-ġdida huwa li tiżgura kemm livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà għall-ħaddiema kif ukoll il-kontinwazzjoni u l-iżvilupp ta' attivitajiet mediċi u oħrajn industrijali li jużaw il-kampi elettromanjetiċi. Għaldaqstant, b'antiċipazzjoni tal-adozzjoni tad-Direttiva l-ġdida sat-30 ta' April 2012, il-maġġoranza tal-Istati Membri ma ttrasponewx id-Direttiva 2004/40/KE.

(5)

Madankollu, minħabba l-kumplessità teknika tas-suġġett inkwistjoni, x'aktarx id-Direttiva l-ġdida ma tiġix adotatta qabel it-30 ta' April 2012.

(6)

Għaldaqstant, l-iskadenza tat-30 ta' April 2012 għandha tiġi estiża. Għalhekk, huwa neċessarju li din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/40/KE, id-data "it-30 ta' April 2012" tiġi sostitwita bi "il-31 ta' Ottubru 2013".

Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ April 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

M. BØDSKOV


(1)  L-Opinjoni tat-22 ta' Frar 2012 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea).

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Marzu 2012 (għadha mhix pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' April 2012.

(3)  ĠU L 159, 30.4.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 114, 26.4.2008, p. 88.


Top