Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0727

    2012/727/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta’ Novembru 2012 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-lattoferrina bovina bħala ingredjent ġdid tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (FrieslandCampina) (notifikata bid-dokument numru C(2012) 8404)

    ĠU L 327, 27.11.2012, p. 52–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/727/oj

    27.11.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 327/52


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-22 ta’ Novembru 2012

    li tawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-lattoferrina bovina bħala ingredjent ġdid tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (FrieslandCampina)

    (notifikata bid-dokument numru C(2012) 8404)

    (It-test Olandiż biss huwa awtentiku)

    (2012/727/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (1), u partikolarment l-Artikolu 7 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-2 ta’ Marzu 2009 l-kumpanija FrieslandCampina (qabel DMV International) għamlet talba lill-awtoritajiet kompetenti tal-Pajjiżi Baxxi biex tqiegħed il-lattoferrina bovina fis-suq bħala ingredjent ġdid tal-ikel. Il-Lattoferrina bovina hija proteina ġejja mill-ħalib, li magħha żżomm il-ħadid u li tista’ tiġi miżjuda mal-ikel.

    (2)

    Fil-31 ta’ Marzu 2010 l-korp kompetenti tal-valutazzjoni tal-ikel tal-Pajjiżi l-Baxxi ħareġ ir-rapport ta’ valutazzjoni inizjali tiegħu. F’dan ir-rapport wasal għall-konklużjoni li ma kien hemm l-ebda raġuni għal tħassib għalhekk il-lattoferrina tista’ titqiegħed fis-suq bħala ingredjent ġdid tal-ikel.

    (3)

    Il-Kummissjoni bagħtet ir-rapport preliminari ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri kollha fit-13 ta’ April 2010.

    (4)

    Fi żmien il-perjodu ta’ 60 jum stipulat fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tqajmu oġġezzjonijiet motivati f’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni.

    (5)

    Għalhekk, fid-9 ta’ Novembru 2010, ġiet ikkonsultata l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA).

    (6)

    Fis-27 ta’ April 2012 fl-“Opinjoni xjentifika dwar il-lattoferrina bovina” (2) l-EFSA waslet għall-konklużjoni li l-Lattoferrina bovina hija sikura fir-rigward tal-użijiet u l-livelli tal-użu proposti.

    (7)

    Fit-28 ta’ Ġunju 2012 f’“Opinjoni xjentifika dwar il-lattoferrina bovina” (3) oħra, l-EFSA waslet għall-konklużjoni li l-lattoferrina bovina hija sikura fir-rigward tal-użijiet proposti u l-livelli tal-użu. Għalhekk jidher xieraq li jiġu awtorizzati l-istess użijiet għaż-żewġ applikazzjonijiet.

    (8)

    Il-lattoferrina tikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

    (9)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-lattoferrina bovina kif speċifikat fl-Anness I tista’ titqiegħed fis-suq bħala ingredjent tal-ikel ġdid għall-użijiet iddefiniti u fil-livelli massimi stabbiliti fl-Anness II, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u d-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    Artikolu 2

    Id-deżinjazzjoni tal-lattoferrina bovina awtorizzata minn din id-Deċiżjoni dwar l-ittikkettjar tal-oġġetti tal-ikel li fihom dan l-ingredjent għandha tkun “lattoferrina mill-ħalib tal-baqar”

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil FrieslandCampina, Nieuwe Kanaal 7R, 6709 Pa Wageningen, The Netherlands.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Novembru 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Maroš ŠEFČOVIČ

    Viċi President


    (1)  ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.

    (2)  EFSA Journal 2012; 10(5): 2701.

    (3)  EFSA Journal 2012; 10(7): 2811.

    (4)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26.

    (5)  ĠU L 124, 20.5.2009, p. 21.


    ANNESS I

    SPEĊIFIKAZZJONIJIET TAL-LATTOFERRINA BOVINA

    Definizzjoni

    Il-lattoferrina bovina (bLF) hija proteina li tokkorri b’mod naturali fil-ħalib tal-baqar. Din hija glikoproteina li magħha żżomm il-ħadid ta’ madwar 77 kDa u tikkonsisti f’katina unika tal-polipeptidi ta’ 689 aċidi amminiċi.

    Il-bLF hija iżolata mill-ħalib xkumat permezz ta’ skambju joniku u stadji sussegwenti ta’ ultrafiltrazzjoni. Fl-aħħar nett tiġi mnixxfa bl-isprejjar u jintgħarblu l-partikoli kbar.

    Id-deskrizzjoni: Trab fir-roża ċar prattikament bla riħa

    Proprjetajiet fiżiko-kimiċi tal-lattoferrina bovina

    Umdità

    inqas minn 4,5 %

    Irmied

    inqas minn 1,5 %

    Arseniku

    inqas minn 2 mg/kg

    Ħadid

    inqas minn 350 mg/kg

    Proteini

    aktar minn 93 %

    li minnhom il-lattoferrina bovina

    aktar minn 95 %

    li minnhom proteini oħrajn

    inqas minn 5 %

    pH (2 % ta ‘soluzzjoni, 20 °C)

    5,2 sa 7,2

    Is-solubbiltà (2 % ta’ soluzzjoni, 20 °C)

    kompluta


    ANNESS II

    L-UŻIJIET TAL-LATTOFERRINA BOVINA (bLF)

    Kategorija tal-ikel

    L-livelli massimi tal-użu tal-bLF

    Formuli tal-ħalib tat-trabi u formuli tal-ħalib tat-trabi ta’ prosegwiment (lesti biex jiġu kkunsmati)

    100 mg/100 ml

    Ikel fuq bażi tal-ħalib maħsub għal tfal żgħar (lest biex jiġi kkunsmat)

    200 mg/100 g

    Ikel taċ-ċereali pproċessati (solidu)

    670 mg/100 g

    Ikel għal skopijiet mediċi speċjali

    Skont il-bżonnijiet tal-individwu sa 3 g/kuljum

    Xarbiet ibbażati fuq il-ħalib

    200 mg/100 g

    Taħlitiet ta’ xorb f’forma ta’ trab ibbażati fuq il-ħalib (lesti għax-xorb)

    330 mg/100 g

    Xarbiet ibbażati fuq il-ħalib iffermentat (inklużi xarbiet tal-jogurt)

    50 mg/100 g

    Xorb mhux alkoħoliku

    120 mg/100 g

    Prodotti bbażati fuq il-jogurt

    80 mg/100 g

    Prodotti bbażati fuq il-ġobon

    2 000  mg/100 g

    Ġelat

    130 mg/100 g

    Kejkijiet u ikel tal-għaġina

    1 000  mg/100 g

    Konfettura

    750 mg/100 g

    Ċuwingamm

    3 000  mg/100 g


    Top