Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0831

    2011/831/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 1 ta’ Diċembru 2011 dwar l-arranġamenti prattiċi u proċedurali għall-ħatra mill-Kunsill ta’ erba’ membri tal-bord Ewropew għall-azzjoni tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew

    ĠU L 330, 14.12.2011, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/831/oj

    14.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 330/23


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-1 ta’ Diċembru 2011

    dwar l-arranġamenti prattiċi u proċedurali għall-ħatra mill-Kunsill ta’ erba’ membri tal-bord Ewropew għall-azzjoni tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew

    (2011/831/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 1194/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 1194/2011/UE jipprevedi li għandu jiġi stabbilit bord Ewropew ta’ esperti indipendenti (“bord Ewropew”) u li dan il-bord għandu jinkludi tlettax-il membru maħtur mill-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej, li minnhom erbgħa għandhom jinħatru mill-Kunsill għal mandat ta’ tliet snin.

    (2)

    Kull istituzzjoni u korp għandhom ifittxu li jiżguraw li l-kompetenzi tal-membri tal-bord Ewropew li huma jaħtru jkunu kemm jista’ jkun komplementari.

    (3)

    Meta jippreżentaw kandidati sabiex isiru membri tal-bord Ewropew, l-Istati Membri li diġà jkollhom espert jew aktar, f’dak il-bord, li kienu nħatru minn istituzzjoni jew korp ieħor għajr il-Kunsill, huma mħeġġa jieħdu kont tat-tisħiħ tal-ekwilibriju ġeografiku u bejn is-sessi fil-bord Ewropew meta jieħdu deċiżjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess.

    (4)

    Huwa xieraq li l-Kunsill jiddeċiedi dwar l-arranġamenti prattiċi u proċedurali għall-ħatra tal-erba’ membri tiegħu fil-bord Ewropew.

    (5)

    Dawn l-arranġamenti għandhom ikunu ġusti, faċli biex jiġu implimentati, non-diskriminatorji, trasparenti, u għandhom ifittxu li jiżguraw li l-membri maħtura fil-bord Ewropew jissodisfaw debitament l-obbligi tagħhom.

    (6)

    Dawn l-arranġamenti għandhom jiġu adattati, jekk ikun meħtieġ, fil-dawl tar-riżultati tal-evalwazzjonijiet tal-azzjoni għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew previsti fl-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni 1194/2011/UE,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-ħatra ta’ erba’ membri tal-bord Ewropew skont l-arranġamenti prattiċi u proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 2.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom jiġu mistiedna jippreżentaw kandidati sabiex isiru membri tal-bord Ewropew. Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-proċess għandha tkun volontarja. Kull Stat Membru għandu jkollu d-dritt jippreżenta kandidat wieħed biss. Sabiex tkun żgurata rappreżentanza ġeografika bbilanċjata, l-Istati Membri li għandhom esperti maħtura mill-Kunsill għall-mandat preċedenti għandhom ikunu esklużi milli jipparteċipaw.

    2.   Il-kandidaturi għandhom jiġu ppreżentati bil-miktub u juru b’mod ċar li kandidat speċifiku huwa espert indipendenti b’esperjenza u kompetenza sostanzjali fl-oqsma li huma rilevanti għall-għanijiet tal-azzjoni u li jimpenja ruħu jaħdem fuq il-bord Ewropew, skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness. Dawk il-kandidaturi għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni debitament iffirmata kif stabbilit fil-Parti 2 tal-Anness.

    3.   Il-kandidaturi għandhom jispeċifikaw, għal kull kandidat, kategorija prinċipali ta’ kompetenza minn fost dawn li ġejjin:

    storja u kulturi Ewropej,

    edukazzjoni u żgħażagħ,

    ġestjoni kulturali, inkluża d-dimensjoni patrimonjali,

    komunikazzjoni u turiżmu.

    4.   Għandu jiġi organizzat tlugħ bix-xorti fost il-kandidaturi rikonoxxuti mill-korp preparatorju rilevanti tal-Kunsill bil-ħsieb li jintgħażel kandidat wieħed għal kull waħda mill-erba’ kategoriji msemmija fil-paragrafu 3. L-ewwel isem li jittella’ għal kull kategorija għandu jitqies bħala magħżul. Din l-għażla għandha sussegwentement tiġi approvata mill-Kunsill.

    5.   Jekk ma jkun hemm ebda kandidat f’kategorija waħda jew aktar, għandu jittella’ kandidat addizzjonali wieħed jew aktar mill-kategoriji li fihom ikun hemm l-akbar numru ta’ kandidati. Jekk ikun hemm kandidat wieħed biss f’kategorija speċifika, dak il-kandidat jitqies li ntgħażel mingħajr ma jittella’ bix-xorti.

    6.   Jekk membru tal-bord Ewropew ma jkunx jista’ jwettaq il-mandat tiegħu, l-Istat Membru li jkun ħatar dak il-membru għandu jaħtar sostitut malajr kemm jista’ jkun. Din il-ħatra għandha tissodisfa r-rekwiżiti kif stabbiliti fil-Partijiet 1 u 2 tal-Anness u tapplika għall-bqija tal-kariga ta’ dak il-membru.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    W. KOSINIAK-KAMYSZ


    (1)  ĠU L 303, 22.11.2011, p. 1.


    ANNESS

    LISTA TA’ REKWIŻITI LI GĦANDHOM JIĠU SODISFATTI MILL-KANDIDATI

    PARTI 1

    KULL PREŻENTAZZJONI BIL-MIKTUB GĦANDHA TINKLUDI:

    deskrizzjoni tal-edukazzjoni tal-kandidat, l-esperjenza tax-xogħol tiegħu u l-kisbiet eċċellenti tiegħu li jkunu rilevanti għall-għanijiet tal-azzjoni u l-kriterji li għandhom jiġu sodisfatti mis-siti,

    għażla ta’ kategorija speċifika ta’ kompetenza flimkien ma’ spjegazzjoni ta’ dik l-għażla.

    PARTI 2

    KULL PREŻENTAZZJONI GĦANDHA TINKLUDI D-DIKJARAZZJONI BIL-MIKTUB LI ĠEJJA:

    “Jiena konxju:

    tad-dmirijiet li l-pożizzjoni tinvolvi u ninsab kapaċi niddedika numru adatt ta’ ġranet tax-xogħol kull sena biex naħdem għall-bord Ewropew,

    li l-pożizzjoni ta’ membru tal-bord Ewropew mhijiex waħda onorarja u li ser nitħallas mill-Kummissjoni għal dan ix-xogħol kif ukoll għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni,

    li d-dmirijiet jirrikjedu indipendenza u li ser ikun meħtieġ li niffirma dikjarazzjoni kull sena li tikkonferma li ma għandi ebda konflitt ta’ interess la reali u lanqas potenzjali, f’konformità mal-Artikolu 8(5) tad-Deċiżjoni 1194/2011/UE.”


    Top