EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0786

2011/786/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti ta’ sigurtà li għandhom jiġu ssodisfati mill-istandards Ewropej għar-roti, ir-roti għat-tfal żgħar, u l-mezzi ta’ ġarr fuq ir-rota skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 319, 2.12.2011, p. 106–111 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/786/oj

2.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 319/106


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta’ Novembru 2011

dwar ir-rekwiżiti ta’ sigurtà li għandhom jiġu ssodisfati mill-istandards Ewropej għar-roti, ir-roti għat-tfal żgħar, u l-mezzi ta’ ġarr fuq ir-rota skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/786/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2001/95/KE tistipola l-istandards Ewropej li għandhom jiġu stabbiliti mill-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni. Dawn l-istandards għandhom jiżguraw li l-prodotti jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ sikurezza ġenerali tad-Direttiva.

(2)

Skont id-Direttiva 2001/95/KE, prodott jitqies li jkun sikur meta jkun konformi mal-istandards nazzjonali volontarji li jittrasponu l-istandards Ewropej, li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(3)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/95/KE jistipula l-proċedura għat-tfassil tal-istandards Ewropej. Skont dik il-proċedura, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ sikurezza speċifiċi li għandhom ikunu ssodisfati mill-istandards Ewropej u sussegwentement jagħtu mandat lill-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex ifasslu dawk l-istandards.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-referenzi għall-istandards Ewropej adottati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/95/KE, ir-referenzi tal-istandards Ewropej, adottati mill-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dik id-Direttiva, jistgħu jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, anki fin-nuqqas ta’ mandat mill-Kummissjoni, jekk dawk l-istandards jiżguraw il-konfomità mar-rekwiżit ġenerali ta’ sikurezza stabbilit f’dik id-Direttiva.

(6)

Bid-Deċiżjoni 2006/514/KE (2), il-Kummissjoni ppubblikat, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ir-referenzi tal-istandards Ewropej EN 14764:2005 għar-roti tal-ibliet u tal-ivvjaġġar fit-tul, EN 14766:2005 għall-mountain bikes, EN 14781:2005 għar-ti tat-tlielaq, u EN 14872:2006 għall-mezzi ta’ ġarr fuq ir-rota.

(7)

L-erba’ standards Ewropej koperti mid-Deċiżjoni 2006/514/KE mhumiex appoġġjati minn mandat tal-Kummissjoni adottat skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/95/KE.

(8)

Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) ħabbar li l-istandards Ewropej EN 14764:2005, EN 14766:2005, EN 14781:2005, u EN 14872:2006 se jiġu riveduti. Ir-referenzi tal-verżjonijiet il-ġodda ta’ dawk l-istandards wara r-reviżjoni ma jistgħux jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-assenza ta’ mandat mill-Kummissjoni li jistipula rekwiżiti ta’ sikurezza speċifiċi.

(9)

Il-Kummissjoni għandha għalhekk tiddetermina rekwiżiti ta’ sikurezza speċifiċi għar-roti u għall-mezzi ta’ ġarr fuq ir-rota bil-ħsieb li jingħata mandat lill-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex jiżviluppaw standards Ewropej abbażi ta’ dawk ir-rekwiżiti.

(10)

Ir-roti għat-tfal żgħar, li mhumiex ikkunsidrati bħala ġugarelli skont it-tifsira tad-Direttiva tas-Sikurezza tal-Ġugarelli (id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3)), jekk ma jkunux sikuri, jistgħu jesponu lit-tfal għal perikli serji fir-ras, fis-sider, fiż-żaqq jew fl-idejn u fis-saqajn, partikolarment b’riżultat ta’ waqgħat.

(11)

Iċ-ċiklisti żgħar għandhom it-tendenza li jweġġgħu waqt li jkunu qed jilagħbu jew isuqu r-rota b’veloċità żejda (4) u huma partikolarment vulnerabbli għall-waqgħat, kemm minħabba li jkun għadhom qed jiżviluppaw il-ħiliet taċ-ċaqliq tagħhom, huma u jikbru, kif ukoll minħabba li jkunu fil-proċess tat-tagħlim ta’ kif jimmaniġġjaw rota, inkluża l-kapaċità li jevitaw ostakoli, nies mexjin jew ċiklisti oħra. Dawn il-fatturi, flimkien ma’ ċentru ta’ gravità iktar ’il fuq fit-tfal, jagħmlu l-bilanċ xi ħaġa diffiċli.

(12)

Skont il-Bażi ta’ Dejta tal-Korrimenti, 37 % tal-korrimenti fejn kien involut rikkieb ta’ rota fl-UE kienu jikkonċernaw tfal bejn il-ħames (5) u d-disa’ (9) snin (5) Għalkemm l-inċidenti fit-toroq jikkontribwixxu għal proporzjon sinifikanti ta’ dawn l-inċidenti, ħafna inċidenti jseħħu waqt il-logħob, minħabba li ċiklisti żgħar jaħbtu f’oġġetti u nies oħra, jew sempliċement jaqgħu minn fuq ir-rota. Fir-Renju Unit, ġie stmat li iktar minn 2 000 tifel u tifla jiddaħħlu l-isptar kull sena wara li jkollhom inċident bir-rota d-dar, u 21 000 tifel u tifla oħra wara li jkollhom inċident f’postijiet bħal parks u grawnds (6)

(13)

L-istandard Ewropew EN 14765: 2005 + A1:2008 jispeċifa rekwiżiti ta’ sikurezza u metodi ta’ ttestjar għar-roti għat-tfal żgħar, li huma esklużi mill-ambitu tad-Direttiva tas-Sikurezza tal-Ġugarelli (id-Direttiva 2009/48/KE). Madankollu dan l-istandard mhuwiex appoġġjat minn mandat tal-Kummissjoni.

(14)

Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti rekwiżiti ta’ sikurezza, u sejħa għall-iżvilupp ta’ standards Ewropej skont dawn ir-rekwiżiti għar-roti għat-tfal żgħar, li mhumiex ikkunsidrati bħala ġugarelli skont it-tifsira tad-Direttiva tas-Sikurezza tal-Ġugarelli (Id-Direttiva 2009/48/KE).

(15)

Ġaladarba l-istandards rilevanti jkunu disponibbli, u jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tippubblika r-referenza tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/95/KE, ir-roti, ir-roti għat-tfal żgħar, u l-mezzi ta’ ġarr fuq ir-rota li jkunu konformi ma’ dawk l-istandards jkunu preżunti li jikkonformaw mar-rekwiżiti ġenerali ta’ sikurezza tad-Direttiva 2001/95/KE, fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ sikurezza koperti mill-istandards.

(16)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/95/KE. La l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Rota” tfisser vettura b’żewġ roti li jduru biss jew prinċipalment permezz tal-enerġija muskulari tar-rikkieb, għajr għal vetturi b’żewġ sruġ jew aktar.

(b)

“Rota għat-tfal żgħar” tfisser rota b’għoli massimu tas-sarġ ta’ aktar minn 435 mm u anqas minn 635 mm, maħsuba għal rikkieba ta’ piż medju ta’ 30 kg.

(c)

“Rota tal-ibliet u tal-ivvjaġġar fit-tul” tfisser rota b’għoli massimu tas-sarġ ta’ 635 mm jew aktar maħsuba għall-użu f’toroq pubbliċi, inklużi toroq bla bankina.

(d)

“Mountain bike” tfisser rota b’għoli massimu tas-sarġ ta’ 635 mm jew aktar maħsuba għall-użu f’toroq mhux pavimentati f’terren imħarbat, fit-toroq pubbliċi u f’passaġġi pubbliċi, li tkun mgħammra b’qafas u komponenti oħra msaħħa kif xieraq, u tipikament, b’tajers wesgħin b’disinni rozzi u firxa wiesgħa ta’ gerijiet ta’ trażmissjoni.

(e)

“Rota tat-tlielaq” tfisser rota b’għoli massimu tas-sarġ ta’ 635 mm jew aktar maħsuba għal użu b’veloċità għolja f’toroq pubbliċi. Dawn ir-roti ġeneralment ikunu maħsuba għall-użu f’korsi pavimentati.

(f)

“Mezzi ta’ ġarr fuq ir-rota” tfisser apparat jew kontenitur, għajr trailers, li jiġi mmuntat u mwaħħal b’mod permanenti fuq u/jew maġenb ir-rota ta’ wara (mezz ta’ ġarr fuq wara), jew mar-rota ta’ quddiem (mezz ta’ ġarr fuq quddiem) ta’ rota u li huwa ddisinjat esklużivament biex iġorr tagħbija jew tfal bilqiegħda f’sit tat-tfal.

Artikolu 2

L-Anness ma’ din id-Deċiżjoni jistipula rekwiżiti ta’ sikurezza speċifiċi għar-roti, ir-roti għat-tfal żgħar, u l-mezzi ta’ ġarr fuq ir-rota li għandhom jiġu ssodisfati mill-istandards Ewropej skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/95/KE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

(2)  ĠU L 200, 22.7.2006, p. 35.

(3)  ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1.

(4)  http://www.rospa.com/roadsafety/info/cycling_accidents.pdf

(5)  Il-Bażi ta’ Dejta IDB għal bejn l-2006 u l-2008

(6)  http://www.capt.org.uk/resources/talking-about-cycle-safety


ANNESS

PARTI I

Ir-rekwiżiti ta’ sikurezza speċifiċi għar-roti

TAQSIMA 1

ir-rekwiżiti ta’ sikurezza applikabbli għal kull tip ta’ rota

1.   Rekwiżiti ġenerali

Kull tip ta’ rota għandu jkollha disinn adattat għall-ħiliet tas-sewqan u l-istat fiżiku tal-utent li għalih tkun maħsuba. Għandha tingħata attenzjoni partikulari għad-disinn tar-roti għat-tfal żgħar.

Il-livell ta’ riskju ta’ korriment jew ta’ ħsara għas-saħħa waqt l-irkib ta’ rota għandu jkun l-anqas kompatibbli mal-użu raġonevoli u prevedibbli għall-prodott, meqjus bħala aċċettabbli u konsistenti ma’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza.

Il-partijiet kollha aċċessibbli għall-utent waqt l-użu normali jew maħsub ma għandhomx jikkawżaw ħsara fiżika.

L-utenti għandhom ikunu infurmati bir-riskji u l-perikli li jista’ jkun hemm u kif jistgħu jipprevenuhom (ara t-taqsima dwar t-tagħrif ta’ sikurezza tal-prodott).

Ir-roti għandhom ikunu armati b’apparat li jdawwal u apparat li jirriffletti d-dawl fuq quddiem, fuq wara u fil-ġnub biex tkun żgurata il-viżibbiltà tajba tar-rota u tar-rikkieb. Dan l-apparat għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-pajjiż fejn jinbiegħ il-prodott.

Il-manifattur għandu jindika t-tagħbija massima permessa rakkomandata (pereżempju, il-piż tar-rikkieb u l-passiġġieri, it-tagħbija, il-mezz ta’ ġarr, eċċ.) li għaliha tkun maħsuba rota.

Il-manifattur għandu jindika jekk rota hix adattata għat-twaħħil ta’ mezz ta’ ġarr u (jew) sit tat-tfal.

2.   Il-proprjetajiet fiżiċi

Immaniġġjar

Ir-rota immuntata kompletament għandha toffri mmaniġġar stabbli waqt l-irkib, l-ibbrejkjar, id-dawrien u s-sewqan. Għandu jkun possibbli li wieħed jirkeb ir-rota b’id waħda biss fuq il-handlebar (bħal meta wieħed jagħmel xi sinjali bl-id l-oħra) mingħajr ma tkun diffiċli għalih biex iħaddimha jew ta’ periklu għar-rikkieb.

Stabbiltà

Il-partijiet kollha tar-rota għandhom ikunu mibnija biex jipprovdu livell ta’ stabbiltà kompatibbli mal-użu normali mill-utent maħsub.

Għandu jkun possibbli li wieħed jirkeb ir-rota b’id waħda biss fuq il-handlebar (bħal meta wieħed jagħmel xi sinjali bl-id l-oħra) mingħajr ma tkun diffiċli għalih biex iħaddimha jew ta’ periklu għar-rikkieb. Ir-rota b’mezz ta’ ġarr immuntat għandha toffri mmaniġġar stabbli waqt l-irkib, l-ibbrejkjar, id-dawrien u s-sewqan.

Durabbiltà/Strapazz

Il-partijiet kollha tar-rota għandhom ikunu sikuri għall-utent maħsub matul il-ħajja kollha tal-prodott. Fejn ikun meħtieġ, dawn il-partijiet għandu jkollhom indikazzjoni tal-limitu tal-użu, li fih għandhom jiġu mibdula biex jibqgħu jaħdmu sew.

L-effett tat-temp (pereżempju x-xita) fuq is-sistemi tal-ibbrekjar għandu jiġi mminimizzat.

Sistemi ta’ bbrekjar

Rota għandu jkollha tal-inqas żewġ sistemi ta’ bbrekjar indipendenti. Tal-inqas waħda minnhom għandha topera fuq ir-rota ta’ quddiem u waħda oħra fuq ir-rota ta’ wara. Is-sistemi ta’ bbrekjar għandhom ikunu ddisinjati b’tali mod li jiżguraw is-sigurtà f’każijiet ta’ bbrekjar fin-niexef u fl-imxarrab.

Id-deċiżjoni dwar jekk is-sistema ta’ bbrekjar ta’ wara tkunx imħaddma minn id jew minn sieq ir-rikkieb, għandha tkun f’konformità mal-leġiżlazzjoni, id-drawwa jew il-preferenza fil-pajjiż fejn tkun se tintbagħat ir-rota.

Truf jaqtgħu

It-truf kollha mikxufa li jistgħu jiġu f’kuntatt ma’ ġisem l-utent waqt rikba normali jew waqt l-immaniġġar normali jew il-manutenzjoni ma għandhomx ikunu jaqtgħu.

Qbid

Ir-roti ma għandhomx jippreżentaw riskju ta’ qbid li jista’ jiġi evitat permezz tad-disinn.

Jekk ikun hemm riskju ta’ qbid waqt l-użu normali jew il-manutenzjoni, dan għandu jissemma fil-manwal għall-utent/twissijiet fuq ir-rota.

Ħruġ ’il barra

Partijiet li joħorġu ‘l barra għandhom jiġu evitati meta dawn ikunu ta’ periklu għall-utent.

3.   Kwalitajiet mekkaniċi

Mekkaniżmi li jintwew

Il-mekkaniżmi li jintwew għandhom ikunu funzjonali, stabbli u sikuri f’każ ta’ ftuħ mhux previst waqt l-użu u ma għandhomx jikkawżaw korrimenti.

Qfil

Il-qfil, il-viti, l-imagħżel u n-nipples kollha użati fir-rota għandhom ikunu ta’ daqs xieraq u magħmulin minn materjal addattat biex ikunu evitati l-korrimenti.

Il-qfil kollu u l-viti użati f’postijiet importanti għas-sikurezza fuq ir-rota għandhom ikunu mwaħħla fis-sod biex ikun evitat li jinħallu meta mhux suppost.

Addattament u kontroll

Il-partijiet tar-rota ddisinjati biex ikunu addattati skont il-daqs u l-binja tal-utent, bħal pereżempju s-sarġ jew il-handlebar, għandhom ikunu jistgħu jiġu manipulati faċilment mingħajr ma titnaqqas is-sikurezza tal-utent. L-istruzzjonijiet għandhom jindikaw l-għodda adattata li għandha tintuża, filwaqt li jkun ikkunsidrat l-utent maħsub. Il-partijiet tal-kontroll kollha għandhom ikunu aċċessibbli b’mod faċli u taħt kundizzjonijiet ta’ użu normali. Għandhom jinbnew u jkunu mmuntati biex jippermettu lill-utent iżomm il-kontroll tar-rota. B’mod partikolari, ir-rikkieb għandu jkun jista’ jibbrejkja u jbiddel il-gerijiet waqt li jżomm tal-anqas id waħda fuq il-handlebar.

4.   Kwalitajiet kimiċi

L-oġġetti kollha li jiġu f’kuntatt mar-rikkieb ma għandhomx jippreżentaw perikli tossiċi għall-utent maħsub, partikolarment f’roti għat-tfal.

5.   Metodi ta’ ttestjar

L-istandard għandu jiddeskrivi testijiet ta’ stabbiltà, testijiet ta’ prestazzjoni biex ikunu evalwati t-tagħbija massima, is-saħħa tal-magna, l-ibbrejkjar, is-sewqan, id-durabbiltà tal-partijiet tal-qafas u t-testijiet ta’ strapazz.

6.   Tagħrif dwar is-sikurezza tal-prodott

It-tagħrif dwar is-sikurezza għandu jkun miktub bil-lingwa/i tal-pajjiż li fih jinbiegħ il-prodott.

It-tagħrif dwar is-sikurezza tal-prodott għandu jingħata ma’ kull tip ta’ rota. Tagħrif bħal dan dwar is-sikurezza għandu jkun jista’ jinqara, jinftiehem u kemm jista’ jkun komprensiv, waqt li jinżamm fil-qosor.

Għodda viżiva, bħal pereżempju pittogrammi u stampi għandhom jidhru b’mod prominenti fit-tagħrif dwar is-sikurezza tal-prodott.

It-tagħrif dwar is-sikurezza għandu jinkludi tagħrif dwar ix-xiri, l-istruzzjonijiet dwar l-użu, it-tindif, l-iċċekkjar u l-manutenzjoni, marki u twissijiet u għandu jiġbed l-attenzjoni għall-perikli li jista’ jkun hemm u l-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu biex jiġu evitati l-aċċidenti.

It-tagħrif dwar is-sikurezza għandu jinkludi struzzjonijiet dwar kif għandhom ikunu pożizzjonati r-rifletturi u l-bozoz biex tkun żgurata viżibbiltà massima, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-pajjiż li fih jinbiegħ il-prodott.

Ma għandhux ikun hemm kunflitt bejn it-tagħrif dwar is-sikurezza mogħti mal-prodott u l-użu normali tal-prodott.

In-numru sekwenzjali tal-qafas għandu jkun miktub fuq il-qafas b’mod permanenti u li jidher faċilment, f’post viżibbli u għandu jinkludi l-isem u l-indirizz tal-operatur li mmonta r-rota (jew tar-rappreżentant tiegħu).

TAQSIMA 2

Rekwiżiti ta’ sikurezza addizzjonali applikabbli għal roti speċifiċi

Għar-roti li jinsabu f’din it-taqsima, barra mir-rekwiżiti ta’ sikurezza tat-Taqsima 1, għandhom japplikaw ukoll ir-rekwiżiti li jidhru speċifikati hawn taħt.

1.   Roti għat-tfal żgħar

Il-limiti għall-għoli massimu tas-sarġ u għall-piż medju huma bbażati fuq dejta antropometrika (il-piż medju u t-tul tas-saqajn skont l-età). Għal dawn ir-roti għandhom japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

L-ebda tip ta’ qfil li jista’ jinfetaħ malajr ma jista’ jintuża.

Ma għandhomx jitwaħħlu ċineg u klipps li jaqbdu mas-swaba’ tas-saqajn.

Il-forza tal-brejkijiet ta’ quddiem għandha tkun limitata biex tevita li jintilef il-kontroll tar-rota minħabba li jeħlu r-roti.

Għandu jkun possibbli li jitwaħħlu jew jitneħħew stabbilizzaturi mingħajr ma tħoll l-muntatura tal-assi tar-rota ta’ wara.

Roti għat-tfal żgħar ma għandhomx ikunu ta’ periklu ta’ qbid fi kwalunkwe pożizzjoni possibbli tas-sedil.

Roti għat-tfal żgħar għandhom ikunu armati b’tal-anqas żewġ sistemi ta’ brejkijiet indipendenti, waħda fuq quddiem u l-oħra fuq wara.

2.   Mountain bikes

Fuq il-mountain bikes, il-komponenti ta’ sikurezza kollha għandhom ikunu ddisinjati biex jifilħu il-forzi kollha li f’użu normali huma ikbar minn dawk f’tipi oħra ta’ roti (eż vibrazzjoni u taħbit ikkawżati minn toroq imħarbta, forzi ikbar fuq il-komponenti tas-sewqan u l-iggwidar u l-brejkijiet) u biex jifilħu għar-reazzjoni f’każ ta’ użu ripetut tal-brejkijiet.

3.   Roti tat-tlielaq

Fuq ir-roti tat-tlielaq, il-komponenti tas-sikurezza kollha għandhom ikunu ddisinjati biex jifilħu l-forzi kollha li f’użu normali huma ikbar minn dawk f’tipi oħra ta’ roti (eż veloċità ogħla, forzi ikbar fuq il-komponenti tas-sewqan u l-iggwidar u l-brejkijiet).

PARTI II

Ir-rekwiżiti ta’ sikurezza speċifiċi għal mezzi ta’ ġarr fuq ir-rota

1.   Rekwiżiti ġenerali

Rekwiżiti speċifiċi u metodi ta’ ttestjar għall-mezzi ta’ ġarr fuq ir-rota għandhom jiggarantixxu s-sikurezza tal-utent u tat-tfal, meta jiġu trasportati fuq ir-roti. Il-prodott għandu jgħaddi minn testijiet li jassiguraw l-istabbiltà tiegħu u d-durabbiltà tiegħu, kif ukoll ir-reżistenza tiegħu għall-istrapazz u t-temperatura.

2.   Klassifikazzjoni

Il-mezzi ta’ ġarr għandhom jinqasmu fi klassijiet ta’ kapaċità għall-ġarr ta’ tagħbija, skont l-użu intenzjonat u skont il-post fejn il-mezz ta’ ġarr ikun se jitwaħħal fuq ir-rota.

3.   Daqs

Il-mezzi ta’ ġarr maħsuba biex iġorru is-sits għat-tfal għandhom ikunu ta’ daqs xieraq għal dan l-użu.

4.   Stabbiltà

Il-partijiet kollha tal-mezz ta’ ġarr għandhom ikunu ddisinjati b’tali mod li joffru biżżejjed stabbiltà għall-użu normali mill-utenti maħsuba.

Il-partijiet tal-mezzi tal-ġarr għandhom jiġu mmontati u mwaħħla fis-sod bl-użu ta’ tagħmir għat-twaħħil provdut jew b’dak speċifikat mill-manifattur, u skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur.

It-tagħmir kollu għat-twaħħil għandu jkun ta’ daqs xieraq.

L-effetti tal-kundizzjonijiet tat-temp fuq il-prestazzjoni ta’ sikurezza tal-mezz ta’ ġarr għandhom ikunu mminimizzati.

5.   Truf jaqtgħu

Truf esposti li jistgħu jiġu f’kuntatt ma’ ġisem ir-rikkieb jew it-tifel/tifla ttrasportat/a waqt rikba normali jew waqt immaniġġar normali jew manutenzjoni ma għandhomx joħolqu riskju ta’ korriment. It-truf tal-molol għandhom ikunu tondi jew mgħottija b’kappa prottettiva.

6.   Ħruġ ’il barra

Biex ikun evitat jew imminimizzat ir-riskju għall-utent jew għat-tifel/tifla li j/tkun qed j/tinġarr, oġġetti li joħorġu ‘l barra għandhom jiġu evitati jew ikunu ddisinjati kif xieraq.

7.   Viżibbiltà

Il-prodott għandu jkun iddisinjat b’tali mod li jiżgura li r-rota tibqa’ viżibbli meta tintuża fid-dlam jew f’kundizzjonijiet ta’ viżibbiltà mnaqqsa.

8.   Tagħrif dwar is-sikurezza tal-prodott

Kemm jekk il-mezz ta’ ġarr ikun mibjugħ separatament kif ukoll jekk huwa diġà mmuntat fuq ir-rota, il-prodott għandu jkollu tal-inqas it-tagħrif li ġej għall-konsumatur:

(a)

kif u fejn għandu jitwaħħal il-mezz ta’ ġarr mar-rota;

(b)

il-kapaċità ta’ ġarr ta’ tagħbija massima tal-mezz ta’ ġarr u twissija biex ma tinqabiżx din it-tagħbija, għandhom ikunu mmarkati b’mod permanenti fuq il-prodott;

(c)

jekk il-mezz ta’ ġarr huwiex addattat għat-twaħħil ta’ sit tat-tfal;

(d)

twissija li t-tagħbija tista’ tinġarr biss b’mod sikur fuq il-mezz ta’ ġarr;

(e)

twissija biex il-mezz ta’ ġarr ma jiġix modifikat;

(f)

twissija li l-qfil għandu jintrass u jiġi ċċekkjat spiss;

(g)

twissija li r-rota tista’ tirreaġixxi differenti (partikolarment fis-sewqan u l-ibbrejkjar) meta l-mezz ta’ ġarr ikun mgħobbi;

(h)

twissija biex ikun żgurat li kull tagħbija jew tifel/tifla impoġġija fil-mezz ta’ ġarr ikunu marbuta b’mod sikur skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur u biex ikun żgurat li ma jkunx hemm ċineg maħlula li jistgħu jinqabdu fir-roti;

(i)

struzzjonijiet dwar kif għandhom ikunu pożizzjonati r-rifletturi u l-lampi biex tkun żgurata l-viżibbiltà f’kull mument, speċjalment meta, pereżempju, ikun hemm tagħbija fuq il-mezz ta’ ġarr;

(j)

tagħrif bl-isem u l-indirizz tal-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant, il-marka kummerċjali, il-mudell u n-numru tal-produzzjoni jew ir-referenza għandu jitpoġġa b’mod viżibbli, li jinqara faċilment u permanenti fuq il-prodott;

(k)

tagħrif dwar it-tip/i ta’ roti li għalih/om huma maħsuba l-mezzi ta’ ġarr, sakemm il-prodott ma jinbiegħx bħala parti mir-rota u jkun diġà mwaħħal magħha.


Top