EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010L0059

Direttiva tal-Kummissjoni 2010/59/UE tas- 26 ta' Awwissu 2010 li temenda d-Direttiva 2009/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward is-solventi ta' estrazzjoni użati fil-produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel u l-ingredjenti tal-ikel Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 225, 27.8.2010, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/59/oj

27.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 225/10


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2010/59/UE

tas-26 ta' Awwissu 2010

li temenda d-Direttiva 2009/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward is-solventi ta' estrazzjoni użati fil-produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel u l-ingredjenti tal-ikel

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward is-solventi ta' estrazzjoni użati fil-produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel u l-ingredjenti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/32/KE tapplika għas-solventi ta' estrazzjoni użati jew maħsuba biex jintużaw fil-produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel jew tal-ingredjenti tal-ikel. Din id-Direttiva ma tapplikax għas-solventi ta' estrazzjoni użati fil-produzzjoni ta' addittivi fl-ikel, vitamini jew addittivi nutrijenti oħra, għajr jekk addittivi fl-ikel bħal dawn, vitamini jew addittivi nutrijenti huma elenkati fl-Anness I tagħha. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza Alimentari (“l-Awtorità”) evalwat is-sikurezza tad-dimethyl ether bħala solvent ta' estrazzjoni biex jitneħħa x-xaħam mill-materja prima tal-proteini tal-annimali u esprimiet l-opinjoni tagħha fid-29 ta' Jannar 2009 (2). L-Awtorità kkonkludiet li m'hemm l-ebda tħassib għas-sikurezza sakemm il-limitu tar-residwu massimu ta' dimethyl ether huwa ta' 9 μg/kg ta' proteini estratti mill-annimali. Għalhekk l-użu ta' dimethyl ether bħala solvent ta' estrazzjoni biex jitneħħa x-xaħam mill-materja prima tal-proteini tal-annimali għandu jiġi awtorizzat skont il-kundizzjoni ta' limitu ta' residwu massimu ta' dimethyl ether ta' 9 μg/kg fil-prodott ta' proteina bix-xaħam imneħħi.

(2)

Il-Parti III tal-Anness I tad-Direttiva 2009/32/KE ma tistipulax limiti speċifiċi tar-residwi fl-ikel għall-methanol u propan-2-ol li jirriżultaw mill-preparazzjoni ta' taħwir. L-Istati Membri u l-Kummissjoni enfasizzaw li l-limitu ta' residwu ġenerali ta' 10 mg / kg għall-methanol u propan-2-ol, kif stipulat fil-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2009/32/KE, huwa strett wisq jekk jkun applikat direttament għall-ħwawar.

(3)

Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti limiti speċifiċi fl-ikel għall-methanol u propan-2-ol li jirriżultaw mill-użu tagħhom għall-preparazzjoni ta' taħwir minn materjali naturali tat-taħwir. Dawk il-limiti għandhom ikunu aktar baxxi mil-limitu ta' 10 mg/kg evalwat bħala mingħajr periklu mill-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel (3), sabiex jiġu meqjus bħala mingħajr periklu.

(4)

Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponihom,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 2009/32/KE huwa emendat skont l-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Settembru 2011. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Awwissu 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 141, 6.6.2009, p. 3.

(2)  Opinjoni xjentifika tal-bord dwar Materjali ta' Kuntatt mal-Ikel, Enżimi, Ħwawar u għajnuniet għall-Ipproċessar (CEF) fuq talba mill-Kummissjoni Ewropea dwar is-sikurezza fl-użu ta' dimethyl ether bħala solvent ta' estrazzjoni. The EFSA Journal (2009) 983, 1-13.

(3)  Kumitat Xjentifiku għall-Ikel It-tieni opinjoni dwar is-solventi ta' estrazzjoni espressa fil-21 ta' Ġunju 1991. Rapport dwar Ikel, Xjenza u Teknika tal-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel (serje nru 29), p. 1-11.


ANNESS

L-Anness I tad-Direttiva 2009/32/KE hu emendat kif ġej:

1.

Fil-Parti II, tiżdied ir-ringiela li ġejja:

“Dimethyl ether

Preparazzjoni ta' prodotti ta' proteini ta' annimali mingħajr xaħam

0,009 mg/kg fil-prodott ta' proteina bix-xaħam imneħħi”

2.

Fil-Parti III jiżdiedu r-ringieli li ġejjin:

“Metanol

1,5  mg/kg

Propan-2-ol

1  mg/kg”


Top