Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0234

2010/234/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 26 ta’ April 2010 li tagħti lil-Lussemburgu deroga parzjali mid-Deċiżjoni 2006/66/KE dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-subsistema ta’ mezzi fuq il-binarji – storbju tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (traduzzjoni mhux uffiċjali) u mid-Deċiżjoni 2006/861/KE dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-subsistema ta’ mezzi fuq il-binarji – vaguni tal-merkanzija tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (traduzzjoni mhux uffiċjali) (notifikata bid-dokument numru C(2010) 2546)

ĠU L 105, 27.4.2010, pp. 112–113 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/234/oj

27.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/112


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-26 ta’ April 2010

li tagħti lil-Lussemburgu deroga parzjali mid-Deċiżjoni 2006/66/KE dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-subsistema ta’ “mezzi fuq il-binarji – storbju” tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (traduzzjoni mhux uffiċjali) u mid-Deċiżjoni 2006/861/KE dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-subsistema ta’ “mezzi fuq il-binarji – vaguni tal-merkanzija” tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (traduzzjoni mhux uffiċjali)

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 2546)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(2010/234/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tagħha,

Wara li kkunsidrat it-talba li ressaq il-Lussemburgu fit-23 ta’ Settembru 2009,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 9(1)(d) tad-Direttiva 2008/57/KE, fit-23 ta’ Settembru 2009 il-Lussemburgu ressaq talba għal deroga parzjali mid-Deċiżjoni tal-Kumissjoni 2006/66/KE (2) (TSI għall-Istorbju) u mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/861/KE (3) (TSI għall-Vaguni tal-Merkanzija), għal vaguni tat-tip NA u AFA tal-kumpanija LOHR.

(2)

Din it-talba għal deroga tikkonċerna l-vaguni tal-merkanzija użati għat-trasport ta’ trakkijiet tat-triq u li saru skont diżinn li kien jeżisti qabel id-dħul fis-seħħ taż-żewġ TSIs.

(3)

Fis-16 ta’ Diċembru 2009 l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea tat l-opinjoni teknika tagħha dwar it-talba għal deroga parzjali skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(4)

L-opinjoni tindika li d-dispożizzjonijiet ta’ sitt taqsimiet tat-TSI għall-Vaguni tal-Merkanzija li jiddeskrivu l-armar tal-ġbid, l-irfigħ u l-iġġakkjar, żjidiet għal tagħmir, il-qisien ċinematiki, ir-reazzjoni dinamika tal-vettura u l-brejk tal-ipparkjar (fit-taqsimiet 4.2.2.1.2.2, 4.2.2.3.2.4, 4.2.2.3.2.5, 4.2.3.1, 4.2.3.4 u 4.2.4.1.2.8 rispettivament) ma jistgħux jiġu applikati għall-vaguni konċernati minħabba l-limitazzjonijiet fl-għamla tagħhom implikati mit-tip speċjalizzat ta’ merkanzija ttrasportata. Fir-rigward tat-TSI għall-Istorbju u sabiex jilħqu l-prestazzjoni meħtieġa tal-brejkijiet, il-vaguni konċernati għandhom jużaw, flimkien ma’ pads magħmula minn materjal kompost, pads tal-brejkijiet tal-ħadid fondut li huma aktar storbjużi. Għalhekk sakemm tkun disponibbli teknoloġija anqas storbjuża, il-limiti tal-istorbju waqt it-transitu (taqsima 4.2.1.1 tat-TSI) ma jistgħux jintlaħqu.

(5)

L-impatt ekonomiku kumplessiv tal-applikazzjoni taż-żewġ TSIs, aktar speċifikament tat-taqsimiet 4.2.3.1 u 4.2.3.4 tat-TSI għall-Vaguni tal-Merkanzija, għall-vaguni tat-tip NA u AFA tal-kumpanija LOHR huwa stmat għal kważi EUR 204 miljuni. Dan l-ammont flimkien ma’ rekwiżiti oħra li jkun jeħtiġilhom jiġu applikati sabiex ikunu ssodisfati t-TSIs mhux biss jikkomprometti bil-kbir il-vijabbiltà ekonomika tal-proġett iżda jdewwem ħafna jew iġib fi tmiemha l-implimentazzjoni tiegħu.

(6)

Id-deroga qed tingħata għal perjodu ta’ żmien limitat li għandu jintuża mil-Lussemburgu sabiex iħaffef l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi xprunati mill-ispeċifikazzjonijiet armonizzati u f’konformità mat-TSIs konċernati.

(7)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2008/57/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-deroga parzjali mit-TSI għall-Istorbju u mit-TSI għall-Vaguni tal-Merkanzija mitluba mil-Lussemburgu fit-23 ta’ Settembru 2009 għall-vaguni LOHR tat-tip NA u AFA skont l-Artikolu 9(1)(d) tad-Direttiva 2008/57/KE qed tingħata bil-limitazzjonijiet li ġejjin:

(a)

fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-taqsima 4.2.1.1 tat-TSI għall-Istorbju, sakemm ma tkunx disponibbli soluzzjoni teknika sabiex tinkiseb il-konformità;

(b)

fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-taqsimiet 4.2.2.1.2.2, 4.2.2.3.2.4, 4.2.2.3.2.5 (it-tip NA biss), 4.2.3.1, 4.2.3.4, 4.2.4.1.2.8 tat-TSI għall-Vaguni tal-Merkanzija, sakemm tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni riveduta tat-TSI għall-Vaguni tal-Merkanzija.

Fi kwalunkwe każ, din id-deroga parzjali mhix valida għall-vaguni ta’ dawn iż-żewġ tipi li jidħlu fis-servizz wara l-1 ta’ Jannar 2015.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Magħmul fi Brussell, l-26 ta’ April 2010.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi President


(1)   ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1

(2)   ĠU L 37, 8.2.2006, p. 1.

(3)   ĠU L 344, 8.12.2006, p. 1.

(4)   ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1.


Top