27.4.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 105/112 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-26 ta’ April 2010
li tagħti lil-Lussemburgu deroga parzjali mid-Deċiżjoni 2006/66/KE dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-subsistema ta’ “mezzi fuq il-binarji – storbju” tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (traduzzjoni mhux uffiċjali) u mid-Deċiżjoni 2006/861/KE dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-subsistema ta’ “mezzi fuq il-binarji – vaguni tal-merkanzija” tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (traduzzjoni mhux uffiċjali)
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 2546)
(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)
(2010/234/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tagħha,
Wara li kkunsidrat it-talba li ressaq il-Lussemburgu fit-23 ta’ Settembru 2009,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 9(1)(d) tad-Direttiva 2008/57/KE, fit-23 ta’ Settembru 2009 il-Lussemburgu ressaq talba għal deroga parzjali mid-Deċiżjoni tal-Kumissjoni 2006/66/KE (2) (TSI għall-Istorbju) u mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/861/KE (3) (TSI għall-Vaguni tal-Merkanzija), għal vaguni tat-tip NA u AFA tal-kumpanija LOHR. |
(2) |
Din it-talba għal deroga tikkonċerna l-vaguni tal-merkanzija użati għat-trasport ta’ trakkijiet tat-triq u li saru skont diżinn li kien jeżisti qabel id-dħul fis-seħħ taż-żewġ TSIs. |
(3) |
Fis-16 ta’ Diċembru 2009 l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea tat l-opinjoni teknika tagħha dwar it-talba għal deroga parzjali skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
(4) |
L-opinjoni tindika li d-dispożizzjonijiet ta’ sitt taqsimiet tat-TSI għall-Vaguni tal-Merkanzija li jiddeskrivu l-armar tal-ġbid, l-irfigħ u l-iġġakkjar, żjidiet għal tagħmir, il-qisien ċinematiki, ir-reazzjoni dinamika tal-vettura u l-brejk tal-ipparkjar (fit-taqsimiet 4.2.2.1.2.2, 4.2.2.3.2.4, 4.2.2.3.2.5, 4.2.3.1, 4.2.3.4 u 4.2.4.1.2.8 rispettivament) ma jistgħux jiġu applikati għall-vaguni konċernati minħabba l-limitazzjonijiet fl-għamla tagħhom implikati mit-tip speċjalizzat ta’ merkanzija ttrasportata. Fir-rigward tat-TSI għall-Istorbju u sabiex jilħqu l-prestazzjoni meħtieġa tal-brejkijiet, il-vaguni konċernati għandhom jużaw, flimkien ma’ pads magħmula minn materjal kompost, pads tal-brejkijiet tal-ħadid fondut li huma aktar storbjużi. Għalhekk sakemm tkun disponibbli teknoloġija anqas storbjuża, il-limiti tal-istorbju waqt it-transitu (taqsima 4.2.1.1 tat-TSI) ma jistgħux jintlaħqu. |
(5) |
L-impatt ekonomiku kumplessiv tal-applikazzjoni taż-żewġ TSIs, aktar speċifikament tat-taqsimiet 4.2.3.1 u 4.2.3.4 tat-TSI għall-Vaguni tal-Merkanzija, għall-vaguni tat-tip NA u AFA tal-kumpanija LOHR huwa stmat għal kważi EUR 204 miljuni. Dan l-ammont flimkien ma’ rekwiżiti oħra li jkun jeħtiġilhom jiġu applikati sabiex ikunu ssodisfati t-TSIs mhux biss jikkomprometti bil-kbir il-vijabbiltà ekonomika tal-proġett iżda jdewwem ħafna jew iġib fi tmiemha l-implimentazzjoni tiegħu. |
(6) |
Id-deroga qed tingħata għal perjodu ta’ żmien limitat li għandu jintuża mil-Lussemburgu sabiex iħaffef l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi xprunati mill-ispeċifikazzjonijiet armonizzati u f’konformità mat-TSIs konċernati. |
(7) |
Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2008/57/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-deroga parzjali mit-TSI għall-Istorbju u mit-TSI għall-Vaguni tal-Merkanzija mitluba mil-Lussemburgu fit-23 ta’ Settembru 2009 għall-vaguni LOHR tat-tip NA u AFA skont l-Artikolu 9(1)(d) tad-Direttiva 2008/57/KE qed tingħata bil-limitazzjonijiet li ġejjin:
(a) |
fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-taqsima 4.2.1.1 tat-TSI għall-Istorbju, sakemm ma tkunx disponibbli soluzzjoni teknika sabiex tinkiseb il-konformità; |
(b) |
fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-taqsimiet 4.2.2.1.2.2, 4.2.2.3.2.4, 4.2.2.3.2.5 (it-tip NA biss), 4.2.3.1, 4.2.3.4, 4.2.4.1.2.8 tat-TSI għall-Vaguni tal-Merkanzija, sakemm tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni riveduta tat-TSI għall-Vaguni tal-Merkanzija. |
Fi kwalunkwe każ, din id-deroga parzjali mhix valida għall-vaguni ta’ dawn iż-żewġ tipi li jidħlu fis-servizz wara l-1 ta’ Jannar 2015.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
Magħmul fi Brussell, l-26 ta’ April 2010.
Għall-Kummissjoni
Siim KALLAS
Viċi President
(3) ĠU L 344, 8.12.2006, p. 1.
(4) ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1.