EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009H0060

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat- 23 ta’ Jannar 2009 dwar il-linji gwidi għall-aħjar prattika tal-infurzar rigward kontrolli ta' tagħmir ta' reġistrazzjoni li se jsiru permezz ta' kontrolli fit-triq u ta' garaxxijiet awtorizzati (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 108) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 21, 24.1.2009, p. 87–99 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2009/60/oj

24.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 21/87


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ Jannar 2009

dwar il-linji gwidi għall-aħjar prattika tal-infurzar rigward kontrolli ta' tagħmir ta' reġistrazzjoni li se jsiru permezz ta' kontrolli fit-triq u ta' garaxxijiet awtorizzati

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 108)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/60/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam ma' attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 11 (1) tad-Direttiva 2006/22/KE, il-Kummissjoni se tistabbilixxi linji gwidi dwar l-aħjar prattika tal-infurzar rigward kontrolli ta' vetturi li se jsiru minn uffiċjali tal-kontroll jew fit-triq, jew fil-post tal-impriża, jew minn garaxxijiet awtorizzati u nies tas-sengħa.

(2)

It-tagħmir tar-reġistrazzjoni fit-trasport bit-triq huwa meħtieġ biex jindika l-perjodi ta' ħin li s-sewwieqa jagħmlu jsuqu u jistrieħu, u kif wkoll biex jiżgura li jkunu jistgħu jsiru l-kontrolli effettivi tal-leġiżlazzjoni soċjali fit-trasport bit-triq minn korpi kompetenti ta' kontroll nazzjonali.

(3)

Biex jiġi żgurat li tali tagħmir ta' reġistrazzjoni jiffunzjona b'mod korrett u affidabbli, u li r-reġistrazzjoni u l-ħażna tad-dejta jkunu jistgħu jiġu ggarantiti, huma meħtieġa kontrolli u spezzjonijiet perjodiċi wara li jkun ġie installat it-tagħmir ta' reġistrazzjoni.

(4)

Madankollu, il-kontrolli u l-ispezzjonijiet perjodiċi ma jidhrux li huma frekwenti biżżejjed biex ikunu ta' deterrent effikaċi għal dawk is-sewwieqa u l-operaturi li jfittxu li jabbużaw mis-sistema billi jużaw strumenti ta' manipulazzjoni jew mezzi oħrajn simili.

(5)

Ir-riċerka u l-informazzjoni minn esperti stabbilixxew li saru ħafna attentati ta' frodi tas-sistema tat-takografu fuq vetturi mgħammra b'takografi analogi; issa qed isiru attakki u theddid simili lis-sistema tat-takografu diġitali.

(6)

L-istess riċerka wriet li għadd ta' manipulazzjonijiet huma possibli u magħrufa li jeżistu fis-settur tat-trasport bit-triq għall-attentat ta' frodi fuq it-takografu, partikolarment fuq is-sistema tat-takografu diġitali.

(7)

Tali attentati u theddid joħolqu riskju serju għas-sikurezza fuq it-triq u għandhom ukoll impatti negattivi mhux aċċettabbli fuq il-kompetizzjoni ġusta u fuq il-kondizzjonijiet soċjali tas-sewwieqa tat-trasport bit-triq.

(8)

Bħala riżultat tas-sikurezza mtejba tat-takografu diġitali għall-kuntrarju tat-takografu analogu, it-theddid u l-attentati ta' attakki lis-sistema jistgħu jinstabu b'aktar faċilità, u b'hekk ir-riskju li sewwieqa u operaturi bla skrupli jinqabdu b'tali strumenti b'dan il-mod jiżdied u għandu jservi bħala deterrent sinifikanti.

(9)

Din ir-Rakkomandazzjoni b'dan il-mod għandha l-għan li tinkoraġġixxi u tappoġġa lill-Istati Membri biex jadottaw il-proċeduri u l-metodi li, abbażi tar-riċerka u tal-esperjenza teknika mill-industrija, ittejjeb konsiderevolment il-possibilitajiet li jiġu evitati u li jinstabu tali attentati ta' frodi.

(10)

Partikolarment, din ir-Rakkomandazzjoni tistabilixxi l-aħjar prattika tal-infurzar, kif identifikata fir-riċerka mwettqa miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.

(11)

Din ir-Rakkomandazzjoni tifforma, flimkien ma' Direttiva proposta dwar kontrolli addizzjonali li jsiru fit-triq, pakkett ta' miżuri tal-infurzar bil-għan li jitjiebu konsiderevolment ir-rilevament u l-prevenzjoni ta' strumenti użati biex isir frodi tas-sistema tat-takografu diġitali.

(12)

Il-miżuri pprovduti f'din ir-Rakkomandazzjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 18 (1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 (2),

B'DAN TIRRAKKOMANDA LI:

1.

Jiġu adottati u applikati l-linji gwidi tal-aħjar prattika stabbiliti fl-Anness għal din ir-Rakkomandazzjoni li jikkonċernaw il-kontrolli fuq il-vetturi li jsiru minn uffiċjali tal-kontroll fit-triq, jew fil-post tal-impriżi, jew minn nies tas-sengħa u tekniċi f’garaxxijiet approvati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, għar-rilevament u l-prevenzjoni tal-użu ta' strumenti manipulattivi fit-tagħmir ta' reġistrazzjoni użat fit-trasport bit-triq.

2.

Jiġu applikati dawn il-linji gwida, fejn ikun xieraq, fil-kuntest tal-istrateġiji nazzjonali tal-infurzar imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/22/KE.

Magħmula fi Brussell, 23 ta’ Jannar 2009.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 35.

(2)  ĠU L 370, 31.12.1985, p. 8.


ANNESS

IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTRAMIŻURI LI SE JIĠU ADOTTATI MILL-ISTATI MEMBRI GĦAR-RILEVAMENT U L-PREVENZJONI TAL-UŻU TA' STRUMENTI TA' MANIPULAZZJONI

WERREJ

KAPITOLU 1:

INTRODUZZJONI

KAPITOLU 2:

IL-KONTROLLI EFFETTIVI FIT-TRIQ

A

L-organizzazzjoni u t-tagħmir

B

Il-metodi tal-punti ta' kontroll doppji bl-analiżi tal veloċità reali u tad-distanza tal- vetturi

C

Il-metodi tal-punti ta' kontroll waħdieni bbażati fuq l-analiżi dettaljata tad-dejta mniżżla

D

Il-punt ta' kontroll wieħed ibbażat fuq il-kontroll tekniku tas-siġilli

E

Meta vettura tintbagħat għand garaxx

F

Il-kontroll tal-vetturi jew tad-dejta fil-post tal-impriża

KAPITOLU 3:

TAĦRIĠ U L-AQWA PRATTIKA

KAPITOLU 4:

L-ISPEZZJONIJIET TAL-GARAXXIJIET

A

Il-bażi ġuridika

B

Is-siġilli miksura jew in-nuqqas tagħhom

C

L-analiżi tar-reġistri tad-dejta

D

Il-kontroll tat-tqabbil f'par bejn is-sonda tal-moviment u l-unità tal-vetturi

E

Il-proċeduri speċjali b'riżultat ta' kontroll fit triq

KAPITOLU 5:

IR-RAPPORT U L-VERIFIKA TAL-GARAXXIJIET

KAPITOLU 6:

ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Kapitolu 1:   Introduzzjoni

1.1   Din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tispjega x'jistgħu l-Istati Membri jiġu mħeġġa biex jagħmlu sabiex jilħqu t-theddid maħluq bl-użu ta' strumenti ta' manipulazzjoni tat-takografi u fl-istess ħin jitħeġġu u jiġu appoġġati kontramiżuri fost l-Istati Membri biex jiġu indirizzati dawn it-theddid.

1.2   Il-preżenza ta' strumenti ta' manipulazzjoni f'vetturi bl-intenzjoni li jinterferixxu mal-operazzjoni u mat-tħaddim korrett tas-sistema tat-takografu diġitali tirrapreżenta waħda mill-aktar theddid serju għas-sigurtà tas-sistema. L-użu, jew l-intenzjoni li jiġi użat, strumenti tali jxekkel il-kompetizzjoni ġusta, billi jagħti vantaġġ kummerċjali inġust lill-operaturi u lis-sewwieqa; u joħloq impatti soċjali negattivi mhux aċċettabbli għas-sewwieqa billi jippermettilhom, jew iġiegħlhom, isuqu għal perjodi ħafna itwal milli hemm permess bil-liġi. Il-konsegwenza potenzjali ta' dawn il-fatturi hi li tiddgħajjef is-sikurezza fit-triq, għal kull min juża t-triq, u li l-Kummissjoni hija impenjata biex ittejjeb matul is-snin li ġejjin.

1.3   Barra minn hekk, l-operaturi u s-sewwieqa li jħarsu l-liġi għandhom ikunu kapaċi jafdaw it-takografu diġitali, u l-korpi nazzjonali ta' kontroll fil-Komunità kollha għandhom ikunu kapaċi jafdaw fuq l-awtentiċità u l-integrità tad-dejta rreġistrata u maħżuna mit-tagħmir, irrispettivament jekk ġietx imniżżla u analizzata mill-unità tal-vettura inkella mill-kard tas-sewwieq. Sabiex l-affidabilità tad-dejta tiġi ggarantita, iridu jsiru kontrolli u spezzjonijiet regolari tat-tagħmir biex jiġi żgurata l-korrettezza fit-tħaddim u fl-operazzjoni tagħha.

1.4   Fil-medda t-twila, is-sigurtà totali tas-sistema u l-komponenti tagħha hija essenzjali biex jiġu żgurati l-integrità u l-awtentiċità tad-dejta rreġistrata. Sabiex jitwaqqfu kompletament dawk l-abbużi u l-attentati ta' frodi fuq is-sistema l-aktar komuni, il-Kummissjoni se teżamina kif jixraq il-possibilità li tindroduċi aktar miżuri leġiżlattivi iżjed dettaljati fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) 3821/85 u l-annessi tiegħu.

1.5   Madankollu, fit-terminu qasir, il-miżuri xierqa u effettivi jistgħu jiġu żviluppati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex ir-rilevament tat-tagħmir ta' manipulazzjoni issir ħafna aktar possibbli, b'hekk jitnaqqsu r-riskji li strumenti tali jintużaw mill-operaturi u mis-sewwieqa.

1.6   Filwaqt li l-Istati Membri għandhom responsabbiltà legali li jeħtieġu li l-kontrolli u l-ispezzjonijiet jitwettqu b'mod tali li jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni soċjali Komunitarja fit-trasport bit-triq, tali kontrolli perjodiċi ma jistgħux jiggarantixxu li l-istrumenti ma jiġux installati u użati aktar tard, wara li jkunu tlestew il-kontrolli. L-esperjenza uriet li tali strumenti għandhom ħafna aktar ċans li jinstabu matul kontrolli fit-triq meta l-vettura tkun tista' tiġi spezzjonata aktar mill-qrib. Il-frekwenza u n-natura ta' dawn il-kontrolli mill-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa sabiex jiżdied b'mod sinifikanti l-fattur ta' deterrent billi jiżdied ir-riskju li jinstabu strumenti tali..

1.7   L-Appendiċi 10 (Miri ta' Sigurtà Ġenerika) tal-Anness 1B tar-Regolament (KEE) 3821/85 jistabbilixxi l-għan tal-funzjonijiet tal-infurzar tas-sigurtà meħtieġa biex tiġi żgurata l-integrità tas-sistema tat-takografu diġitali. L-objettivi ta' sigurtà ta', u t-theddid lis-sistema sħiħa għandhom jiġu indirizzati b'taħlita ta' soluzzjonijiet tekniċi, bl-approvazzjoni tal-ITSEC, kif ukoll permezz ta' mezzi fiżiċi, tal-personal u dawk proċedurali, u l-implimentazzjoni tagħhom taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri u tal-manufatturi tat-takografu. Hija għalhekk l-intenzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, li tissuġġerixxi lill-Istati Membri l-aktar proċeduri effettivi, abbażi kemm tar-riċerka kif ukoll tal-aħjar prattiċi magħrufa, biex jappoġġaw dawk il-mezzi proċedurali u dawk tal-personal.

1.8   Madankollu, din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ma għandix titqies li qed tieħu post dawk is-soluzzjonijiet tekniċi provduti mill-ITSEC (1), u filfatt, idealment, tista' tintuża faċilment flimkien magħhom u bħala appoġġ għalihom.

1.9   Ir-rapport provdut miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (2) stabbilixxa t-tipi ta' attakki magħrufa u dawk potenzjali lis-sigurtà tat-takografu diġitali Għalhekk, dan ir-rapport jista' jintuża mill-Istati Membri bħala l-bażi biex jitqiegħdu f'posthom il-passi u l-azzjonijiet meħtieġa li jiżguraw li l-informazzjoni u l-gwida xierqa tista tiġi provduta lill-uffiċjali tal-kontroll nazzjonali sabiex meta jsiru l-kontrolli u l-ispezzjonijiet tal-vetturi fit-triq, dawn ikunu jistgħu jwettquhom. Barra minn hekk, informazzjoni u gwida simili tista' tiġi provduta lin-nies tas-sengħa u lill-garaxxijiet li jagħmlu l-installazzjonijiet, l-ispezzjonijiet, il-kontrolli u t-tiswijiet statutorji tat-tagħmir ta' reġistrazzjoni fit-trasport bit-triq. Il-gwida tista' tkun ta' ambitu biżżejjed li tiżgura li tali persuni jistgħu jwettqu bis-sħiħ u b'mod kompetenti l-kontrolli spjegati f'dan l-anness u li l-Istati Membri jkunu kapaċi jaġixxu billi jħarrku lil dawk identifikati li qed jabbużaw, jew għamlu attentat ta' abbuż, mis-sistema.

1.10   Il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin mhumiex eżawrjenti u jista' jkun hemm ċirkostanzi fejn l-applikazzjoni ta' tali rakkomandazzjonijiet ma tkunx tista' tikseb ir-riżultat mixtieq (pereżempju, f'każijiet fejn il-cable ta' referenza ma jkunx jista' jiġi konness mas-sonda tal-moviment). F'tali ċirkostanzi, l-Istati Membri jistgħu jiġu mħeġġa biex jiżviluppaw metodi alternattivi li jkunu jistgħu jiġu verifikati bħala effettivi. Tali miżuri alternattivi jistgħu jitqassmu b'mod aktar wiesa' fost il-komunità tal-infurzar.

1.11   Barra minn hekk, għalkemm din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni hija intenzjonata li tindirizza ż-żewġ tipi ta' takografi kif definiti mir-Regolament (KE) 3821/85 u l-annessi tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jkollhom metodi, proċeduri u linji gwidi diġà stabbiliti li jikkonċernaw il-kontrolli ta' takografi analogi u r-rilevament tal-istrumenti ta' manipulazzjoni. Għalhekk, din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ma għandiex tidher li qed tieħu post jew tnaqqas minn dawk il-miżuri diġà stabbiliti, iżda li qed tkun ta' appoġġ ulterjuri għalihom, b'mod partikolari b'referenza għat-takografu diġitali, meta l-metodoloġija tista' tkun differenti, iżda l-objettiv jibqa' l-istess. Huwa rakkomandat li meta miżuri huma diġà f'posthom biex jikkontrollaw takografi analogi, jistgħu, fejn hu xieraq, jiġu estiżi li jinkludu dawk diġitali wkoll (pereżempju, is-sitwazzjonijiet li jikkonċernaw il-ħlas lill-garaxxijiet talli wettqu l-kompiti speċifiċi magħżula għalihom mingħand uffiċjali tal-kontroll wara li jkunu bagħtu vettura għand garaxx awtorizzat, kif spjegat fis-Sezzjoni F).

1.12   L-Istati Membri għandhom ikunu kunfidenti u appoġġati fit-tfassil tal-istrateġiji tal-infurzar nazzjonali tagħhom, il-metodi u l-proċessi tagħhom fl-indirizzar tal-theddid li qed jiżviluppaw lis-sistema takografika. L-aħjar prattika bħal din għandha titqassam bejn l-Istati Membri.

Kapitolu 2:   Il-kontrolli effettivi fit-triq

A   L-organizzazzjoni u t-tagħmir

2.1   Sabiex isiru kontrolli b'mod sħiħ u effettiv, l-uffiċjali tal-kontroll għandhom ikunu mgħammra b'mod sħiħ u mħarrġa kif suppost. Huma mill-inqas għandhom ikollhom fil-pussess tagħhom kards tal-kontroll u jkollhom l-għodda relevanti biex iniżżlu fajls tad-dejta tal-unità ta' vettura u l-kard tas-sewwieq u li jkunu kapaċi janalizzaw tali fajls tad-dejta u folji stampati mit-tagħmir ta' reġistrazzjoni tat-tip tal-Anness IB flimkien ma' folji jew karti tat-tip tal-Anness 1. L-uffiċjali tal-kontroll għandhom ikunu mgħammra wkoll b'software bil-kapaċità li janalizza tali dejta b'mod mgħaġġel u bl-inqas inkonvenjenza, peress li hu rikonoxxut li, għall-għan li jinstabu l-istrumenti ta' manipulazzjoni, il-folji stampati ma jistgħux jiġu analizzati fit-triq minħabba t-tul u l-kontenut ta' xi wħud mill-fajls li jridu jiġu stampati.

2.2   Sa fejn hu possibbli, meta l-uffiċjali tal-kontroll iwettqu l-kontrolli, kemm jekk fit-triq jew fil-post tal-impriża, u kemm jekk humiex qed jikkontrollaw l-konformità tas-sigħat tas-sewwieq, jew it-testijiet dwar jekk il-vetturi hijiex tajba għat-triq jew xi tipi oħra ta' kontrolli, huma jistgħu jieħdu l-opportunità ppreżentata mill-ħin biex jittestjaw it-tħaddim u l-użu korrett tat-takografu, u jkunu kapaċi jsibu l-użu ta' strumenti ta' manipulazzjoni minn tali kontrolli.

2.3.   Għal dan l-iskop, huwa rakkomandat li l-Istati Membri jippruvaw jorganizzaw il-kontrolli ta' vetturi għal strumenti ta' manipulazzjoni, flimkien ma' kontrolli oħra (bħat-testijiet dwar jekk il-vetturi hijiex tajba għat-triq, il-konformità tar-Regoli tas-Sigħat tas-Sewwieq, etc.) u li, b'mod indikattiv, mill-inqas 10 % tan-numru totali tal-vetturi kkontrollati jiġu kkontrollati għall-preżenza ta' strumenti ta' manipulazzjoni. Tibqa' r-responsabbiltà tal-Istati Membri biex jiddeterminaw il-metodoloġija u ċ-ċirkostanzi xierqa għal meta jitwettqu tali kontrolli addizzjonali, iżda il-kontenut jista' jiġi rifless fl-istrateġija nazzjonali ġenerali tal-infurzar.

2.4   Kontroll effettiv jista' jitwettaq billi jsir użu, pereżempju, mill-metodi li ġejjin:

 

punti ta' kontroll doppji bl-analiżi tal-veloċità jew tad-distanza (ara B);

 

punt ta' kontroll wieħed bl-analiżi dettaljata tad-dejta (ara C);

 

punt ta' kontroll wieħed ibbażat fuq il-kontroll tekniku (ara D).

2.5   Jekk uffiċjal tal-kontroll jidhirlu li ġabar biżżejjed evidenza, hu jista' jibgħat lill-vettura għand garaxx biex isiru testijiet ulterjuri (ara E).

2.6   Ovvjament, l-Istati Membri dejjem jistgħu jistabbilixxu metodi addizzjonali, jew alternattivi, ta' kif isiru l-kontrolli tal-vetturi.

B   Il-metodi tal-punti ta' kontroll doppji bl-analiżi tal veloċità reali u tad-distanza tal-vetturi

2.7   Il-kontroll tal-veloċità f'ħin speċifiku: biex jiġi applikat dan il-metodu, l-uffiċjali tal-kontroll, bl-użu ta' kameras fissi jew mobbli, jew speed-guns, jistgħu jkejlu l-veloċità reali tal-vettura qabel iwaqqfuha fil-kontrolli fit-triq f'ħin speċifiku. Huma imbagħad jistgħu jniżżlu l-Fajl Dettaljat tal-Veloċità ta' 24-Siegħa mill-Unità tal-Vettura u jqabblu l-veloċità reġistrata f'dan il-ħin speċifiku ma' dak imkejjel ftit kilometri qabel. Fil-punt tal-kontroll, dan il-metodu jeħtieġ biss li jiġu mqabbla żewġ ċifri wara li jkun tniżżel il-Fajl Dettaljat tal-Veloċità ta' 24-Siegħa;

2.8.   Il-kontroll tad-distanza fissa f'ħin speċifiku: biex jiġi applikat dan il-metodu, il-punt tal-kontroll jista' jintgħażel f'distanza magħrufa minn post speċifiku fejn l-uffiċjali tal-kontroll ikollhom il-faċilitajiet jew il-mezzi biex jieħdu nota tal-ħin meta vettura identifikata waqfet jew qasmet dan il-punt speċifiku (biljetti tat-taxxi tat-toroq, reġistrazzjonijiet tal-kamera, rapporti ta' kontrolli bejn il-fruntieri, etc). Imbagħad fil-punt tal-kontroll, dawk li qed jinfurzaw jistgħu jniżżlu l-Fajl Dettaljat tal-Veloċità ta' 24-Siegħa mill-Unità tal-Vettura u jqabblu malajr il-veloċità medja reġistrata bejn il-punt tal-kontroll u l-post speċifiku ma' dak ikkalkulat mid-distanza magħrufa u mill-ħin meħtieġ biex jintlaħaq il-punt tal-kontroll.

2.9   Fiż-żewġ metodi, dawk li qed jinfurzaw fil-punti tal-kontroll jeħtieġu li jqablu biss żewġ ċifri wara li jkunu niżżlu l-Fajl Dettaljat tal-Veloċità ta' 24-Siegħa u kejlu jew ikkalkulaw il-veloċità medja reali. Kwalunkwe differenza sinifikanti tista' twassal lill-uffiċjal tal-kontroll biex jissuspetta li jkun intuża strument. L-uffiċjal tal-kontroll imbagħad jista' jibgħat lis-sewwieq u lill-vettura għand garaxx mingħajr il-bżonn li jwettaq kontrolli ulterjuri fil-post.

2.10   Rigward id-dejta mit-tip ta' takografi tal-Anness IB., il-fajls kollha li jitniżżlu mit-tagħmir ta' reġistrazzjoni jew permezz tiegħu, għandhom jiġu akkumpanjati bil-firma diġitali xierqa li tkun ġiet iġġenerata oriġinarjament mill-unità tal-vettura jew mill-kard tas-sewwieq sabiex tiġi vverifikata l-awtentiċità u l-integrità tad-dejta u l-uffiċjali tal-kontroll jistgħu jikkontrollaw ukoll li din l-informazzjoni tniżżlet ukoll.

C   Il-metodi tal-punti ta' kontroll waħdieni bbażati fuq l-analiżi dettaljata tad-dejta mniżżla

2.11   Jekk ikun qed jiġi użat strument ta' manipulazzjoni waqt li jkun qed isir kontroll fit-triq, jew kien qed jiġi użat sa ftit ħin qabel il-kontroll, l-indikazzjonijiet ta' manipulazzjoni jistgħu jinstabu permezz ta' għadd ta' proċeduri sempliċi.

2.12   Sabiex jiġi stabbilit is-suspett tal-preżenza ta' strument ta' manipulazzjoni, li jkun jiġġustifika kwalunkwe azzjoni min-naħa tal-uffiċjali tal-kontroll li jaraw xierqa biex dan jinstab, l-uffiċjali tal-kontroll jistgħu:

Iqabblu l-attivitajiet tas-sewwieq imniżżla mill-kard u mill-unità tal-vettura ma' kwalunkwe dokumenti fil-vettura u dokumenti tas-sewwieqa. L-inkonsistenza bejn dawn id-dejta tista' tikkonstitwixxi l-bidu ta' suspett. F'dak il-każ, dak li qed jinfurza jista' jagħmel investigazjonijiet ulterjuri.

Jeżaminaw il- Il-Fajl tal-Każijiet u tad-Difetti maħżun fuq l-unità tal-vettura, u speċjalment għal dawn l-aħħar għaxart ijiem:

Attentati ta' ksur tas-sigurtà

L-interuzzjoni tal-provvista tal-elettriku (l-itwal avveniment)

U żball tad-dejta ta' moviment (l-itwal avveniment)

Ħsara fis-sonda

Jekk is-sewwieq ma jkunx kapaċi jispjega u jiġġustifika ir-raġunijiet ta' kull avveniment jew difett, dak li-qed jinforza jista' jagħmel investigazzjonijiet ulterjuri.

Jeżaminaw il-Fajls tad-Dejta Teknika maħżuna fuq l-unità tal-vettura, u speċjalment:

Id-dejta tal-aġġustament tal-ħin

Id-dejta tal-kalibrazzjoni (l-aktar 5 kalibrazzjonijiet riċenti, l-isem tal-garaxx u n-numru tal-kard tagħhom)

Id-dejta tal-aħħar hija utli biex jinstabu wisq azzjonijiet ta' kalibrazzjoni li jimplikaw li dawn ikunu twettqu b'kard ta' garaxx użata (jew b'kard ta' garaxx irrapurtata bħala mitlufa). Huwa rakkomandat li l-uffiċjali tal-kontroll jivverifikaw mal-Awtorità tal-Ħruġ ta' Kards (3) l-istatus ta' tali kards tal-garaxxijiet li jkunu ġew identifikati, u jekk kienux validi fil-ħin li ntużaw biex tiġi kkalibrata l-unità tal-vettura.

2.13   Jekk, wara li tkun ġiet eżaminata d-dejta kollha msemmija minn 2.14 – 2.19, l-uffiċjal tal-kontroll xorta jikkonsidra li hemm xi ħaġa ħażina, jista' jniżżel il-Fajl Dettaljat tal-Veloċità ta' 24-Siegħa u jivverifika, xorta waħda bl-għajnuna tas-software tiegħu, jekk hemmx żidiet jew tnaqqis mhux realistiċi fl-aċċelerazzjoni tal-vettura u, fejn jixraq, jekk il-profil tal-vjaġġ huwa konsistenti mad-dokumenti l-oħra fil-vettura u mad-dokumenti tas-sewwieq (l-għadd ta' waqfien, il-veloċità fir-reġjun tal-muntanja jew f'dak urban...). Din l-evidenza miġbura ma' dik ta' qabel jistgħu jiġġustifikaw bażi ta' suspett li hemm preżenti strument ta' manipulazzjoni.

2.14   Fil-punt ta' kontroll, dan il-metodu jeħtieġ software xieraq, kapaċi li jiġġenera wirja ċara tal-profil ta' ħin tal-veloċità biex jiġu mmarkati varjazzjonijiet mhux tas-soltu fl-aċċelerazzjoni jew fit-tnaqqis tal-veloċità, u b'mod aktar ġenerali biex awtomatikament jimmarka:

iż-żidiet jew it-tnaqqis mhux realistiċi fl-aċċelerazzjoni tal-vetturi;

kwalunkwe kalibrazzjonijiet suspettużi tal-unità tal-vettura;

l-interruzzjoni fil-provvista tal-elettriku.

D   Il-punt ta' kontroll wieħed ibbażat fuq il-kontroll tekniku tas-siġilli

2.15   Meta possibli, u meta ma hemmx periklu biex dan isir, l-uffiċjal tal-kontroll jista' jikkontrolla s-siġilli. Jekk is-siġilli mhumiex hemm, ikissrin jew b'xi ħsara, is-sewwieq għandu jiġi mistoqsi biex jiġġustifika din is-sitwazzjoni.

2.16   Jekk is-sewwieq ikun kapaċi jipprovdi stqarrija bil-miktub li fiha jkun hemm ir-raġuni għal azzjoni tali kif previst f'Kapitolu V sezzjoni 4 tal-Anness 1, jew rekwiżit 253 tal-Anness IB għar-Regolament (KEE) 3821/85, imbagħad l-uffiċjal tal-kontroll jista' jitlob lis-sewwieq biex imur għand garaxx biex tiġi ssiġillata mill-ġdid is-sistema u ssir kalibrazzjoni mill-ġdid tat-tagħmir.

2.17   Jekk le, dan jista' jfisser ksur u huwa rakkomandat li s-sewwieq, bil-vettura tiegħu, jintbagħtu minnufih għand garaxx awtorizzat akkumpanjati mill-uffiċjal tal-kontroll għal kontroll tat-tagħmir kif previst fil-Kapitolu 3 li ġej.

E   Meta vettura tintbagħat għand garaxx

2.18   Jekk wara kontroll fit-triq fejn intużaw il-metodi msemmija aktar qabel, għad hemm is-suspett ragonevoli li ġie mwaħħal strument ta' manipulazzjoni, l-uffiċjal tal-kontroll jista' jibgħat il-vettura għand garaxx awtorizzat. L-uffiċjali tal-kontroll, jew l-awtorità nazzjonali xierqa, tista' tingħata s-setgħa biex tordna lill-garaxxijiet awtorizzati biex iwettqu testijiet speċifiċi mfasslin biex jeżaminaw għall-preżenza ta' strumenti ta' manipulazzjoni.

2.19   Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dawn it-testijiet speċifiċi jippermettu, li jinstab tqabbil f'pari ħażin ta' sensorji ta' moviment ma' unitajiet tal-vettura, u li jistgħu jindikaw il-preżenza ta' strumenti ta' manipulazzjoni. Tali testijiet jistgħu jinkludu (ara l-ispjegazzjoni f' Kapitolu 3):

spezzjoni tas-siġilli u tal-plakka ta' installazjoni;

test tal-cable ta' referenza;

analiżi tal-fajls tad-dejta mniżżla.

2.20   Jekk jinstabu strumenti ta' manipulazzjoni, kemm jekk ġew użati mis-sewwieq kif ukoll jekk le, it-tagħmir (u dan jinkludi l-istrument innifsu, l-unità tal-vettura jew il-komponenti tagħha, u l-kard tas-sewwieq) jistgħu jitneħħew mill-vettura u jintużaw bħala evidenza.

2.21   Barra minn hekk, il-garaxxijiet awtorizzati jistgħu jiġu rikjesti biex jikkontrollaw li t-tagħmir ta' reġistrazzjoni: (a) jaħdem kif suppost: (b) jirreġistra u jaħżen id-dejta b'mod korrett u; (c) li l-parametri ta' kalibrazzjoni huma korretti.

2.22   Huwa rakkomandat li, għal vetturi mgħammra bit-tip ta' tagħmir ta' reġistrazzjoni tal-Anness IB, li qabel ma t-tagħmir ta' reġistrazzjoni jiġi kkalibrat mill-ġdid b'mod sħiħ u tittwaħħallu l-plakka ġdida ta' installazzjoni, ikunu tniżżlu l-fajls tad-dejta kollha u ġew analizzati (bil-firem diġitali tagħhom intatti), u jkun ġie ċċekkjat li ma hemm l-ebda strument ta' manipulazzjoni. Barra minn hekk, huwa rakkomandat li l-garaxx rakkomandat jissiġilla mill-ġdid is-sistema dejjem taħt id-direzzjoni tal-korp ta' kontroll.

2.23   Rigward it-tagħmir ta' reġistrazzjoni li jikkonforma mal-Anness 1, it-tagħmir jista', wara li jitneħħa kwalunkwe strument ta' manipulazzjoni, jiġi kkontrollat għall-funzjoni proprja u għat-tħaddim korrett tiegħu, u jiġi kkalibrat mill-ġdid b'mod sħiħ u titwaħħallu plakka tal-installazzjoni ġdida. Huwa rakkomandat li l-garaxx awtorizzat jista' jissiġilla mill-ġdid is-sistema dejjem taħt id-direzzjoni tal-korp ta' kontroll.

F   Il-kontroll tal-vetturi jew tad-dejta fil-post tal-impriża.

2.24   Huwa rakkomandat li l-Awtoritajiet Kompetenti tal-Istati Membri jieħdu vantaġġ mill-possibiltà li jikkontrollaw il-vetturi (u l-unitajiet tal-vetturi) u s-sewwieqa (u l-kards tas-sewwieqa) li jistgħu jkunu fuq il-post matul il-kontroll fil-post tal-impriża.

2.25   Id-dejta ġestita mill-impriża hija meħtieġa li tinżamm għall-sena mill-inqas u li tkun disponibbli għal kontroll kull meta jitlobha l-uffiċjal tal-kontroll. Għalhekk, bħala parti mill-proċedura il-proċeduri standard ta' kontroll, l-uffiċjali tal-kontroll jistgħu jikkontrollaw kwalunkwe vettura li jsibu fil-post tal-impriża, u li jagħmlu l-kontrolli kollha li jidrulhom xierqa, waqt li, fl-istess ħin, d-dewmien għas-sewwieqa u l-vetturi jkun mill-inqas.

2.26   Tali kontrolli fil-post tal-impriża jistgħu jqisu l-possibiltà li jista' jkun hemm taħlita ta' vetturi u reġistrazzjonijiet li jirrelataw għat-tagħmir ta' reġistrazzjoni kemm tat-tip ta' Anness I kif ukoll għat-tip ta' Anness 1B, u jkun xieraq li l-uffiċjali tal-kontroll ikunu ppreparati u mgħammra kif suppost għal din l-eventwalità.

IL-KAXXA SOMMARJA
IL-PREVENZJONI TA' ATTAKKI KONTRA T-TAKOGRAFU DIĠITALI IL-KONTROLLI FIT-TRIQ JEW FIL-POST TAL-IMPRIŻA
L-istrateġiji nazzjonali tal-infurzar jistgħu jiġu żviluppati biex jiġu promossi l-kontrolli effettivi tal-infurzar u l-ispezzjonijiet kemm fit-triq kif ukoll matul il-kontrolli fil-post tal-impriżi, ta' vetturi li jistgħu jkunu ġew mgħammra bi strumenti ta' manipulazzjoni.
L-uffiċjali tal-kontroll imħarrġa u mgħammra kif suppost jkunu kapaċi li jkollhom aċċess malajr, iniżżlu u janalizzaw id-dejta mill-unitajiet tal-vetturi u li jwettqu kontrolli malajr, u li jkunu kapaċi jwettqu analiżi simili tad-dejta maħżuna elettronikament, jew flimkien ma' folji, karti jew folji stampati.
Sal-2010 l-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw strateġiji li jiżguraw biex, meta l-vetturi jkunu qed jiġu kkontrollati għall-preżenza ta' strumenti ta' manipulazzjoni, tali vetturi jistgħu jiġu kkontrollati b'wieħed minn dawn il-metodi li ġejjin:

il-punti ta' kontroll doppji bl-analiżi tal veloċità reali u tad-distanza;

il-punt ta' kontroll wieħed bl-analiżi dettaljata tad-dejta mniżżla;

il-punt ta' kontroll wieħed ibbażat fuq il-kontroll tekniku tas-siġilli
B'mod indikattiv, mill-inqas 10 % tal-vetturi kkontrollati (kemm jekk għall-testijiet dwar jekk il-vetturi humiex tajbin għat-triq, il-konformità tas-Sigħat tas-Sewwieq jew kemm jekk għal xi kontrolli oħra) jkunu jistgħu jiġu kkontrollati għall-preżenza ta' strumenti ta' manipulazzjoni, għalkemm tibqa' r-responsabbiltà tal-Istati Membri biex jiżviluppaw l-aktar mezz effiċjenti, u biex tkun spjegata fl-istrateġiji tagħhom.
Jekk tinsab biżżejjed evidenza li twassal għal suspett raġonevoli, l-uffiċjali tal-kontroll jistgħu jibagħtu l-vettura għand garaxx awtorizzat biex isiru testijiet ulterjuri.
Jekk jinstabu strumenti ta' manipulazzjoni, kemm jekk ġew użati mis-sewwieq kif ukoll jekk le, huwa rakkomandat li t-tagħmir jitneħħa mill-vettura u jintuża bħala evidenza, b'konformità mar-regoli nazzjonali ta' proċedura relatata mat-trattament ta’ evidenza. L-uffiċjali tal-kontroll jistgħu japplikaw il-proċessi u l-penali xierqa assoċjati kull meta jiġi stabbiliti l-użu ta' tagħmir tali, peress li dan jikkonstitwixxi l-aktar ksur serju.

Kapitolu 3:   it-taħriġ, it-tagħmir u l-aħjar prattika

3.1   Filwaqt li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċjali tal-kontroll huma mħarrġa kif suppost biex iwettqu xogħolhom, jista' jkun hemm taħriġ xieraq għall-partijiet l-oħra kollha relevanti; ikun ta' vantaġġ u ferm mixtieq jekk jiġu organizzati żjarat u koordinazzjoni konġunti għall-uffiċjali tal-kontroll bejn l-Istati Membri biex jiġu armonizzati l-aħjar prattiċi u jinxtered it-tagħlim miksub mill-esperjenza fost il-prattikanti.

3.2   L-uffiċjali tal-kontroll għandhom ikollhom it-tagħmir li jeħtieġu biex ikunu jistgħu iwettqu l-medda ta' kontrolli relatati mat-takografu diġitali. Dan ifisser li huma għandhom ikollhom l-għodda xierqa disponibbli biex ikunu jistgħu jaqraw, jistampaw u iniżżlu d-dejta minn tali tagħmir ta' reġistrazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-isforzi biex jiżguraw li għadd biżżejjed mill-uffiċjali tal-kontroll ikunu mgħammra b'dan il-mod.

3.3   L-aħjar prattiċi għas-sejba u l-prevenzjoni, kemm matul il-kontrolli fit-triq kif ukoll dawk fil-post tal-impriża (bħall-użu tal-cable ta' referenza, it-teknika tad-distanza fissa, ir-rilevament ta' traċċi ta' veloċità jew profili ta' distanza mhux normali, qtugħ fil-provvista tal-elettriku, siġilli imkissrin) jistgħu jitqassmu u jiġu promossi fil-komunità tal-infurzar.

Kapitolu 4:   L-ispezzjonijiet tal-garaxxijiet

Il-garaxxijiet u nies tas-sengħa jipprovdu konnessjoni kruċjali fis-sigurtà tas-sistema tat-takografu, irrispettivament jekk it-tagħmir huwiex takografu analogu jew wieħed diġitali. L-approvazzjoni u l-awtorizzazzjoni tagħhom għandha tkun ibbażata fuq sett ċar ta' kriterji nazzjonali li jistabbilixxi l-affidabilità u l-kredibilità tagħhom. Għal dan l-għan qed jiġi rakkomandat li l-Istati Membri jiżguraw li l-garaxxijiet awtorizzati biex jinstallaw, jattivaw, jikkalibraw, jispezzjonaw u jsewwu t-tagħmir huma approvati, ikkontrollati regolarment, iċċertifikati u provvduti bl-aġġornamenti u bl-informazzjoni rilevanti fil-ħin. Huwa rakkomandat ukoll li l-Awtoritajiet Kompetenti jipprovdu n-nies tas-sengħa u garaxxijiet b'istruzzjonijiet u gwida ċara dwar id-doveri u r-responsabbiltajiet tagħhom, partikolarment il-ftehim tagħhom tar-rwol tagħhom fil-kuntest tas-sigurtà ġenerali tas-sistema. Huwa rakkomandat ukoll li dawk l-awtoritajiet li japprovaw lill-garaxxijiet u lill-ħaddiema tas-sengħa jipprovdu, permezz tal-Kummissjoni, lill-Istati Membri kollha, l-informazzjoni aġġornata regolarment dwar il-marki fuq is-siġilli u d-dettalji u l-istatus ta' kull garaxx fuq it-territorju tagħhom.

A   Il-bażi ġuridika

4.1   Il-vetturi normalment ikunu rikjesti li jmorru għand garaxx għal spezzjoni kull meta:

(a)

it-takografu jeħtieġ li ssirlu spezzjoni b'konformità mal-annessi għar-Regolament (KE) 3821/85;

(b)

il-vettura ssirilha l-ispezzjoni annwali dwar jekk hijiex tajba għat-triq skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness II għad-Direttiva 96/96/KE;

(c)

l-uffiċjali tal-kontroll jibagħtu l-vettura għand garaxx biex issirilha spezzjoni aktar dettaljata tat-tagħmir ta' reġistrazzjoni;

(d)

it-tagħmir ta' reġistrazzjoni jeħtieġ li jissewwa jew jinbidel.

4.2   F'dawn l-okkażjonijiet kollha, il-garaxxijiet jew il-ħaddiema tas-sengħa jistgħu jiġu ordnati biex jikkontrollaw viżwalment jew fiżikament li t-tagħmir ta' reġistrazzjoni huwa ssiġillat u li t-tagħmir ta' reġistrazzjoni għandu kemm il-plakka spjegattiva tal-manufattur kif ukoll il-plakka tal-installazzjoni.

4.3   Il-garaxxijiet jistgħu jiġu mfakkra regolarment mill-Awtorità Kompetenti tal-Istat Membru tagħha li kull meta jispezzjonaw u jissiġillaw mill-ġdid sistema tat-takografu, u titwaħħal plakka ta' installazzjoni, b'dan il-mod il-garaxx ikun, effettivament, jikkonferma li s-sistema hija sigura, li taħdem b'mod korrett, li tirreġistra kif suppost u li ma hemmx strumenti ta' manipulazzjoni mwaħħla mat-tagħmir.

4.4   Il-garaxxijiet jistgħu jiġu mfakkra li jistgħu jkunu qed jikkommettu ksur serju jekk konxjament jissiġillaw mill-ġdid is-sistema takografika mingħajr ma jneħħu l-istrumenti ta' manipulazzjoni l-ewwel li jkunu sabu huma stess jew jekk jitolbu li l-istrument ta' manipulazzjoni jitneħħa qabel ma jsir is-siġill mill-ġdid. Jekk iktar tard jiġi stabbilit li hemm preżenti strument ta' manipulazzjoni, irrispettivament jekk dan kienx użat jew le, u li l-garaxx issiġilla s-sistema, u waħħal plakka ta' installazzjoni, imbagħad il-garaxx u l-ħaddiema tas-sengħa individwali jistgħu jinżammu responsabbli għal ksur serju.

4.5   Huwa rakkomandat li, fid-dawl tar-rwol importanti li għandhom il-garaxxijiet u l-ħaddiema tas-sengħa rigward is-sigurtà tas-sistema, l-Awtoritajiet Kompetenti tal-Istat Membru jikkunsidraw sanzjonijiet xierqa li jafu jwasslu saħansitra għat-telf ta' approvazzjoni jew tal-awtorità biex tagħmel ix-xogħol fuq it-takografu, ladarba l-garaxx mhux ta' min jafda fuqu aktar.

4.6   Bil-maqlub, l-Istati Membri jistgħu jfakkru lill-garaxxijiet li huma għandhom id-dritt li jtemmu kwalunkwe spezzjoni jew kalibrazzjoni fuq kwalunkwe vettura jekk huma jissuspettaw, jew jafu, li hemm strument ta' manipulazzjoni preżenti fuq dik il-vettura. Il-garaxxijiet jistgħu jingħataw appoġġ mill-Awtorità Kompeteti jekk il-garaxx jinsisti li qabel ma titkompla l-ispezzjoni, l-ewwel jitneħħa l-istrument ta' manipulazzjoni. Il-garaxx dejjem jista' jirrifjuta li jissiġilla mill-ġdid il-konnessjonijiet tal-interface, jew iwaħħal kwalunkwe plakka sakemm l-istrument jinqala'.

4.7   Dawk l-Istati Membri li jikkunsidrawha bħala xierqa jistgħu jitolbu li garaxx awtorizzat jirraporta tali fatti kif spjegat minn 4.4 sa' 4.6.

4.8   Alternattivament, l-Istati Membri li ma jikkunsidrawx tali azzjoni minn garaxx bħala xierqa jistgħu minflok jordnaw lill-ħantu tax-xogħol li tali rapporti jinżammu għall-perjodu speċifiku u jkunu disponibbli għall-Awtorità Kompetenti meta jintalbu. Dan il-perjodu ta' żmien jista' jkun minimu ta' 24 xahar li jkun f'konformità mal-perjodu minimu bejn l-ispezzjonijiet tat-tagħmir.

4.9   Il-garaxxijiet jistgħu jiġu mfakkra wkoll li sempliċi tneħħija ta' strument ta' manipulazzjoni minn vettura mhux neċessarjament jeżonera lill-operatur jew lis-sewwieq minn kwalunkwe ksur, peress li x'aktarx id-dejta li ġiet reġistrata u maħżuna qabel fuq il-vettura tal-unità u fuq il-kards tas-sewwieq individwali tista' tkun diġà ġiet manipulata. Jekk ma jirrapurtawx il-każ, il-garaxxijiet infushom jistgħu jkunu qed jagħtu l-kontribut tagħhom għal kull kwalunkwe offiża mwettqa minn dawk l-operaturi jew is-sewwieqa u jistgħu jistennew li jeħlu l-istess kastigi jekk jinqabdu.

4.10   Madankollu, il-garaxxijiet u l-ħaddiema tas-sengħa jistgħu jirraportaw l-użu jew il-preżenza ta' strumenti ta' manipulazzjoni lill-Awtorità Kompetenta tagħhom li, min-naħa tagħha, tista', pereżempju, tikkunsidra kumpens jew skemi ta' inċentiv biex tħeġġeġ lill-garaxxijiet biex jipprovdu informazzjoni li tikkontribwixxi għar-rilevament u l-prevenzjoni ta' strumenti ta' manipulazzjoni jew kwalunkwe tip ieħor ta' attakki fuq is-sistema.

4.11   Il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin mhumiex eżawrjenti u jista' jkun hemm ċirkostanzi fejn l-applikazzjoni ta' tali rakkomandazzjonijiet ma tkunx tista' tikseb ir-riżultat mixtieq (pereżempju, f'każijiet fejn il-cable ta' referenza (sezzjoni 1.23) ma jkunx jista' jiġi konness mas-sonda tal-moviment). F'tali ċirkustanzi, l-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw metodi alternattivi li huma effettivi daqshom. Tali miżuri alternattivi jistgħu jitqassmu b'mod aktar wiesa' fost il-komunità tal-infurzar.

4.12   Barra minn hekk, peress li dawn il-linjigwida jkopru ż-żewġ tipi ta' takografi kif definiti bir-Regolament (KE) 3821/85 u l-annessi tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jkollhom metodi, proċeduri u linji gwidi diġà stabbiliti li jikkonċernaw il-kontrolli ta' takografi analogi u r-rilevament ta' strumenti ta' manipulazzjoni. Il-linjigwida f'din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ma għandhiex, għalhekk, tidher li qed tieħu post jew tnaqqas minn dawk il-miżuri diġà stabbiliti, iżda tkun ta' appoġġ ulterjuri għalihom, b'mod partikolari b'referenza għat-takografu diġitali, meta l-metodoloġija tista' tkun differenti, iżda l-objettiv jibqa' l-istess. Huwa rakkomandat li fejn il-miżuri għall-kontroll tat-takografi analogi diġà jinsabu fis-seħħ, jistgħu, fejn jixraq, jiġu estiżi biex jinkludu dawk diġitali wkoll. Pereżempju, is-sitwazzjonijiet li jikkonċernaw il-ħlas lill-garaxxijiet għat-twettiq ta' xogħol speċifiku mogħti lilhom mill-uffiċjali tal-kontroll li jkunu bagħtu vetturi għand garaxx awtorizzat.

B   Is-siġilli miksura jew in-nuqqas tagħhom

4.13   Il-garaxxijiet jistgħu jikkontrollaw jekk hemmx siġilli nieqsa, miksura jew bil-ħsara.

4.14   Il-vettura ma għandix, taħt l-ebda ċirkustanza, tiġi ssiġillata mill-ġdid jew tinħarġilha plakka ta' installazzjoni sakemm din is-sistema ma tkun ġiet irrestawrata biex tilħaq il-ħtiġiet tar-Regolament.

4.15   Il-garaxxijiet jistgħu jirreġistraw il-fatt li s-siġilli huma nieqsa fuq ir-rapport ta' spezzjoni jew ir-reġistru u jwettqu kontrolli ulterjuri (bħall kontroll tal-cable ta' referenza) u spezzjonijiet biex jassiguraw li ma hemmx strumenti ta' manipulazzjoni preżenti fuq il-vettura.

4.16   Jekk, kif previst minn Kapitolu V (4) tal-Anness I, u r-Rekwiżit 252 tal-Anness IB għar-Regolament (KEE) 3821/85, is-siġilli jkunu tneħħew f'każ ta' emerġenza jew biex jiġi installat jew jissewwa strument li jillimita l-veloċità, għal kull okkażjoni li jkun tkisser siġill, trid tiġi ppreparata stqarrija bil-miktub li tagħti r-raġuni għal azzjoni tali u trid tkun disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti.

4.17   Jekk dan ma jsirx, il-garaxx jista' jwettaq kontroll komplut, b'dawn il-metodi rakkomandati u jirraporta lill-Awtorità Kompetenti xi jkun sar eżattament u xi jkun instab.

C   L-analiżi tar-reġistri tad-dejta

4.18   Speċifikament għat-takografu diġitali, id-dejta li tkun tniżżlet, bil-firma diġitali fejn possibli, fil-garaxx u inkorporata fir-rapport ta' verifika għanda taqbel mar-rekwiżiti li jinsabu fis-sezzjoni 4.4 (Il-Miri ta' Sigurtà tas-Sonda ta' Moviment) u s-sezzjoni 4.4 (Il-Miri ta' Sigurtà tal-Unità tal-Vettura) tal-l-Appendiċi 10 tal-Anness IB għar-Regolament (KEE) 3821/85. L-Appendiċi 1 jipprovdi l-lista sħiħa tal-informazzjoni fir-rapport ta' verifika.

4.19   Il-garaxx jista' jniżżel ukoll u janalizza il-Fajl ta’ Dejta tal-Avvenimenti u l-Ħsarat, li hemm dwar l-unità tal-vettura. Dawn l-avvenimenti u d-difetti jinkludu pereżempju (ara wkoll il-lista sħiħa fl-Appendiċi 2):

l-attentati ta' ksur tas-sigurtà;

difett fl-awtentikazzjoni tas-sonda tal-moviment;

tibdil mhux awtorizzat tas-sonda tal-moviment;

ftuħ mhux awtorizzat tal-kaxxa;

interruzzjonijiet tal-provvista tal-elettriku

jew difett tas-sonda.

4.20   Is-sejba tal-użu ta' strument ta' manipulazzjoni wara li jkun tneħħa hija wkoll diffiċli biex tistabbilixxi. Madankollu, kontroll tal-Il-Fajl tal-Avvenimenti u d-difetti jista' juri okkażjonijiet fejn kien hemm interruzzjonijiet tal-provvista tal-elettriku, li ma jistgħux jiġu spjegati. Barra minn hekk, studju tat-traċċa ta' veloċità dettaljata jista' jindika anormalitajiet tas-sinjal tal-veloċità. Tnaqqis tal-veloċità u aċċelerazzjonijiet mhux realistiċi jistgħu jkunu sintomi li ġejjin meta wieħed jitfi u jixgħel strument ta' manipulazzjoni

4.21   Fiċ-ċirkustanzi kollha l-garaxxijiet jistgħu jistampaw u jwaħħlu l-karta stampata mar-rapport ta' spezzjoni jew mar-reġistru (ara Kapitolu 4) u, fejn xieraq, jirreferu għal kwalunkwe dejta li tniżżlet permezz tal-kard tal-garaxx.

4.22   Jekk id-dejta mill-unità tal-vettura ma tistax titniżżel permezz tal-kard tal-garaxx, l-unità tal-vettura tista' tiġi kkunsidrata li għandha l-ħsara jew imkissra. F'każijiet tali il-garaxxijiet jistgħu jippruvaw jirranġaw it-tagħmir. Jekk tali attentati ta' tiswija xorta ma jwasslux għall-possibbiltà li tniżżel id-dejta, għandu jinħareġ ċertifikat ta' nuqqas ta' kapaċità li tniżżel.

4.23   Huwa rakkomandat ukoll li s-sewwieqa jżommu magħhom kwalunkwe ċertifikat ta' nuqqas ta' kapaċità li tniżżel maħruġ lilhom mill-garaxx, f'każ li jiġu kkontrollati aktar tard meta jkunu qed jużaw vettura b'takografu diġitali bil-ħsara. Barra minn hekk huwa rakkomandat li, jekk is-sewwieq ibiddel l-vetturi, tali ċertifikati jibqgħu mal-vetturi sakemm l-impriża tat-trasport tkun tista' tieħu l-irċevuta taċ-ċertifikat bħala parti mill-obbligi ġenerali taż-żamma tar-reġistri u jkun jista' jsewwi t-tagħmir.

D   Il-kontroll tat-tqabbil f'par bejn is-sonda tal-moviment u l-unità tal-vetturi

4.24   Jekk mill-aħħar spezzjoni li tkun saret tinstab xi dejta spjegata fis-sezzjoni ta' qabel, il-garaxx jkun jista' jqabbel bejn id-dejta ta' identifikazzjoni tas-sonda ta' moviment mis-sonda ta' moviment li hemm mqabbda mal-gearbox ma' dik tas-sonda ta' moviment ma’ dik imqabbda f’par rreġistrat fl-unità tal-vettura.

4.25   L-użu ta' cable ta' referenza huwa mezz effettiv ta' kif jista' jiġi eżaminat jekk kinux ġew installati ċerti tipi ta' strumenti ta' manipulazzjoni fil-karozza. Il-cable ta' referenza huwa mqabbad fuq wara tal-unità tal-vettura, u t-tarf l-ieħor konness mas-sonda ta' moviment. Jekk is-sonda ta' moviment fil-gearbox ma tkunx tqabbdet f'par mal-unità tal-vettura, dan iwassal għal “każ ta' żball fid-dejta tal-moviment” jew għal difett fis-sonda. Dan il-messaġġ se jindika il-preżenza ta' strument ta' manipulazzjoni. F'każ bħal dan, il-vettura tista' tiġi kkontrollata għal strumenti moħbija.

4.26   Alternattivament, matul il-kontroll, is-sonda ta' moviment tista’ tinqala' jew titneħħa. Jekk is-sistema tat-takografu diġitali ma tkunx imbagħbsa, jidher messaġġ ta' żball (sonda ta' moviment mhux preżenti). Jekk, madankollu, ma jkunx hemm tali messaġġ ta' żball, dan ikun jindika l-preżenza ta' sonda ta' moviment ieħor moħbi jew xi strument ta' manipulazzjoni elettroniku ieħor.

4.27   Ta' min jinnota li qabel ma titnuża t-teknika tal-cable ta' referenza, tekniċi tal-garaxx (jew uffiċjali tal-kontroll) għandhom idaħħlu il-kard tal-garaxx tagħhom (jew il-kard tal-kontroll) sabiex tkun provduta spjegazzjoni ta' għala ġie stimulat “każ ta' interruzzjoni tal-provvista tal-elettriku” u għala ġie rreġistrat fuq il-Fajl tal-Każijiet u tal-Ħsarat tal-unità tal-vettura. Jekk dan ma jsirx tista' tingħata indikazzjoni żbaljata matul spezzjoni fil-ġejjieni li jew is-sewwieq jew l-operatur setgħu għamlu attentat ta' attakk fuq is-sigurtà tas-sonda ta' moviment.

4.28   Alternattivament, għalkemm mhux dejjem possibli, il-marki fuq is-sonda tal-moviment fuq il-gearbox jistgħu jitqabblu mad-dejta ta' identifikazzjoni tas-sonda ta' moviment, tas-sonda tal-moviment mqabbda f'par irreġistrata fl-unità tal-vettura. Għalhekk il-garaxxijiet jistgħu jieħdu waħda minn dawn l-azzjonijiet:

Iqabblu l-informazzjoni rreġistrata fuq il-plakka ta' installazzjoni mal-informazzjoni li hemm fir-reġistru tal unità tal-vettura. Jekk jinstab xi nuqqas ta' qbil f'dik l-informazzjoni, jistgħu jiġu infurmati l-Awtoritajiet tal-Infurzar tal-Istat Membru u l-inċident jiġi reġistrat fuq ir-rapport ta' spezzjoni u r-reġistru ta' spezzjoni.

Jitqabbel in-numru ta' identifikazzjoni tas-sonda tal-moviment stampat fuq il-qafas tas-sonda ta' moviment bl-informazzjoni li hemm fir-reġistru tal-unità tal-vettura. Jekk hemm bżonn tista' tintuża għodda għal eżami elettroniku biex tivverifika l-identifikazzjoni elettronika tas-sonda tal-moviment. Fejn jinstab xi nuqqas ta' qbil tan-numri ta' identifikazzjoni wieħed jista' jassumi li hemm imqabbad strument ta' manipulazzjoni. L-Awtoritajiet tal-Infurzar tal-Istat Membru jistgħu jiġu infurmati u l-inċident jiġi reġistrat fuq ir-rapport ta' spezzjoni u r-reġistru ta' spezzjoni.

E   Il-proċeduri speċjali b'riżultat ta' kontroll fit triq

4.29   l-Uffiċjali tal-Kontroll setgħu jkunu bagħtu vettura suspettuża għand garaxx. Fit-tali ċirkustanzi, l-uffiċjali tal-kontroll jistgħu l-ewwel jordnaw lill-garaxxijiet u lin-nies tas-sengħa biex iniżżlu kull fajl ta' dejta mill-unità tal-vettura. Dawn il-fajls jinkludu l-Fajl Ġenerali, il-Fajl Dettaljat tal-Veloċità, il-Fajl Tekniku, u il-Fajl tal-Avvenimenti u d-Difetti. Il-firma diġitali xierqa trid takkumpanja fajls tali.

4.30   Tista' ssir verifika sħiħa tad-dejta reġistrata kif ukoll tal-mezzi tekniċi (cable tar-referenza, verifika tas-siġilli...).

4.31   Jekk jinstabu inkonsistenzi serji iżda mingħajr ma jinstabu l-istrumenti ta' manipulazzjoni, jista' jiġi konkluż li ġie użat u mneħħi strument ta' manipulazzjoni. F'każ tali, l-uffiċjal ta' kontroll għandu jinforma lill-korp għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-infurzar, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/22/KE u/jew il-korp għar-relazzjonijiet intra-komunitarji, skont l-Art 7 tal-istess Direttiva, jekk il-vettura hi reġistrata fi Stat Membru ieħor. Dan jista' jwassal għal investigazzjoni ulterjuri safejn tikkonċerna l-vettura tal-impriża.

Kapitolu 5:   Ir-rapport u l-verifika tal-garaxxijiet

5.1   Il-garaxxijiet jistgħu ifasslu rapport ta' spezzjoni għal kull spezzjoni ta' vettura waħda meta jeħtieġ li jiġi spezzjonat tagħmir ta' reġistrazzjoni, kemm jekk l-ispezzjoni hija parti minn spezzjoni perjodika, kif ukoll jekk hi talba speċifika tal-awtorità nazzjonali kompetenti. Huma jistgħu jirreġistraw ukoll il-lista tar-rapporti ta' spezzjonijiet f'reġistru.

5.2   Ir-rapport ta' spezzjoni jista' jinżamm mill-garaxx għall-perjodu minimu ta' sentejn minn meta jkun sar ir-rapport u, kull meta jkun mitlub li jsir hekk mill-awtorità nazzjonali kompetenti, iqiegħed għad-dispożizzjoni ir-reġistrazzjonijiet kollha tal-ispezzjonijiet u tal-kalibrazzjonijiet għal dak il-perjodu.

5.3   Sejbiet tali magħmula mill-garaxxijiet awtorizzati, (reġistrazzjonijiet ta' siġilli miksura, bil-ħsara jew dawk neqsin; plakek neqsin; informazzjoni mhux kompluta jew dik li ma taqbilx ma' dak li ġie rreġistrat fuq l-unità tal-vettura u dak li kien hemm fuq is-sonda tal-moviment u; kwalunkwe skoperta ta' strumenti ta' manipulazzjoni; kopji tal-karti stampati relatati mal-Fajl tal-Każijiet u tad-Difetti u kwalunkwe karta stampata rilevanti oħra, pereżempju, jiffurmaw parti mill-format ta' rappurtaġġ regolari u l-Awtoritajiet Kompetenti tal-Istat Membru huma mħeġġa biex jiżguraw li fil-fatt dan hu l-każ.

5.4   In-nuqqas li l-garaxxijiet ma jipprovdux rapporti ta' spezzjoni kompluti kif suppost jista' jiġi kkunsidrat mill-Istati Membri bħala ksur tar-regoli li jista' jwassal għat-tneħħija tal-awtorizzazzjoni tal-garaxx.

5.5   L-Istati Membri jistgħu jwettqu verifiki tar-rapporti tal-ispezzjonijiet u r-reġistri tal-garaxxijiet mill-inqas darba kull sentejn. Tali verifiki jistgħu jinkludu kontrolli każwali tar-rapporti ta' spezzjoni relatati mal-ispezzjoni u l-kalibrazzjoni tat-takografi diġitali. Il-kards tal-garaxxijiet jistgħu jiġu vverifikati, u mniżżla regolarment biex jiġi evitat li d-dejta tintilef jew titħassar peress ssir reġistrazzjoni ġdida fuqha.

IL-KAXXA SOMMARJA
JIĠU EVITATI ATTAKKI KONTRA T-TAKOGRAFU DIĠITALI WAQT L-ISPEZZJONI TAL-GARAXX
Waqt l-approvazzjoni u l-kontrolli regolari tal-garaxxijiet, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-istaff tagħhom huma mħarrġin kif suppost u li għandhom l-aċċess għat-tagħmir neċessarju kollu biex iniżżlu d-dejta u jwettqu ċerti eżamijiet speċifiċi.
Il-garaxxijiet jistgħu jiġu ordnati mill-Awtorità Kompetenti tagħhom biex ma jissiġillawx mill-ġdid takografu diġitali fejn ikun instab strument ta' manipulazzjoni sakemm l-istrument ma jitneħħiex, u sakemm it-takografu ma jiġix ikkalibrat mill-ġdid u b'mod sħiħ biex jirreġistra b'mod korrett. Barra minn hekk, il-garaxxijiet jistgħu jiġu ordnati mill-Awtorità Kompetenti biex tneħħi il-plakka ta' installazzjoni.
L-ispezzjonijiet mill-garaxxijiet jistgħu jinkludu:

kontrolli fiżiċi tas-siġilli, il-plakek tal-installazzjoni u tal-manufattur

analiżi tal-fajls tad-dejta mniżżla, speċjalment il-Fajl tal-Każijiet u tad-Difetti

jew fejn jixraq eżami bit-teknika tal-cable ta' referenza
F'rapport ta' spezzjoni l-garaxxijiet jistgħu jirreġistraw is-siġilli neqsin jew bil-ħsara u jehmżu karti stampati tal-fajls imniżżla mar-rapport. L-awtoritajiet nazzjonali jista' jkollhom aċċess għar-rapporti tal-ispezzjoni għal sentejn.
Il-kontrolli regolari tal-ħwieet tax-xogħol mill-Istati Membri jistgħu jinkludu verifika tal-proċeduri tal-ispezzjoni, fosthom kontroll każwali tar-rapporti tal-ispezzjoni
L-Istati Membri jistgħu jassiguraw li l-garaxxijiet jinfurmaw lill-awtorità kompetenti kull meta jsibu strumenti ta' manipulazzjoni jew isibu inkonsistenzi serji li jissuġġerixxu li qabel kien ġie użat strument ta' manipulazzjoni biex jitneħħa.
F'każ tali u meta il-vettura tkun irreġistrata fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri jistgħu jinfurmaw lill-korp għar-relazzjonijiet intra-komunitarji, sabiex jipproċedu bl-investigazzjonijiet ulterjuri safejn tikkonċerna l-vettura tal-impriża.

Kapitolu 6:   Id-dispożizzjonijiet finali

6.1   Ir-rilevament u l-prevenzjoni tal-użu ta' strumenti biex isiru atti ta' frodi fuq is-sitema tat-takografu huwa proċess kontinwu u wieħed li jeħtieġ viġilanza kostanti fl-indirizzar. Hekk kif it-teknoloġija qed tavvanza, l-istess jagħmlu l-metodi u theddid maħluqa biex jegħlbu s-sistema Għal dan il-għan dawk kollha involuti fis-sigurtà tas-sistema tat-takografu, kemm jekk huma uffiċjali tal-kontroll, garaxxijiet u nies tas-sengħa approvati, u anki jekk huma operaturi u sewwieqa leġittimi u jirrispettaw il-liġi, kollha għandhom rwol.

6.2   F'livell nazzjonali l-Istati Membri għandhom jitħeġġu biex jakkwistaw kemm jistgħu informazzjoni, sabiex jiżviluppaw l-istrateġiji tagħhom fl-indirizzar ta' theddid tali, u għandhom jiġu appoġġati bis-saħħa fit-tqassim ta' informazzjoni tali. Theddidiet ġodda jew differenti jew attentati ta' frodi fuq is-sistema għandhom jinġiebu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni.

6.3   F'livell Komunitarju, il-Kummissjoni se tkompli teżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni, u l-applikazzjoni tar-regoli, u tfittex l-appoġġ u l-kooperazzjoni tal-Istati Membri kollha u tal-partijiet interessati tal-industrija.


(1)  ITSEC - Kriterji ta' Evalwazzjoni tas-Sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informatika, 1991.Verżjoni 1.2

(2)  Noti Tekniċi taċ-ĊKR. “Ir-rapport dwar l-attakki fuq is-sigurtà tat-takografu diġitali u dwar ir-riskju assoċjat mal-introduzzjoni ta' adapters li jitwaħħlu f'vetturi żgħar”. Ċirkolazzjoni limitata għall–amministraturi tar-riskju nazzjonali (29 ta' Novembru 2007)

(3)  Għandu jintuża t-TACHONET biex jintbagħtu talbiet lil awtoritajiet oħra li joħorġu l-kards


Top