Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0987

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 18 ta’ Diċembru 2009 li tagħti lill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja l-ġestjoni tal-għajnuna relatata mal-Komponent V – l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) għall-miżuri ta’ qabel l-adeżjoni 101, 103 u 302 fil-perjodu ta’ qabel l-adeżjoni

    ĠU L 338, 19.12.2009, p. 101–103 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/987/oj

    19.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 338/101


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-18 ta’ Diċembru 2009

    li tagħti lill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja l-ġestjoni tal-għajnuna relatata mal-Komponent V – l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) għall-miżuri ta’ qabel l-adeżjoni 101, 103 u 302 fil-perjodu ta’ qabel l-adeżjoni

    (2009/987/UE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar it-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) (1),

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007 tat-12 ta’ Ġunju 2007 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) (2) u b’mod partikolari l-Artikoli 18 u 186 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ: “ir-Regolament Finanzjarju”) (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 53c u l-Artikolu 56(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ: ir-Regoli Implimentattivi) (4) u b’mod partikolari l-Artikolu 35 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) jistabbilixxi l-għanijiet u l-prinċipji ewlenin għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni tal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali għall-perjodu mill-2007 sal-2013 u jagħti r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni.

    (2)

    L-Artikoli 11, 12, 13, 14, 18 u 186 tar-Regolament (KE) Nru 718/2007 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1085/2006 jagħtu lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tagħti s-setgħat ta’ ġestjoni lill-pajjiż benefiċjarju u jiddefinixxu r-rekwiżiti għat-tali għoti relatat mal-Komponent V - l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni.

    (3)

    Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 718/2007, il-Kummissjoni u l-pajjiż benefiċjarju għandhom jikkonkludu ftehim ta’ qafas, sabiex jistabbilixxu u jaqblu dwar ir-regoli għall-kooperazzjoni fir-rigward tal-assistenza finanzjarja tal-UE lill-pajjiż benefiċjarju. Fejn meħtieġ, il-ftehim ta’ qafas jista’ jiġi kkumplimentat bi ftehim settorjali, jew ftehimiet settorjali, li jkopri/u dispożizzjonijiet speċifiċi għall-komponenti.

    (4)

    Biex jingħataw is-setgħat ta’ ġestjoni lill-pajjiż benefiċjarju, iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 53c u fl-Artikolu 56(2) tar-Regolament Finanzjarju u fl-Artikolu 35 tar-Regolamenti Implimentattivi.

    (5)

    Il-Ftehim ta’ Qafas dwar ir-regoli għall-kooperazzjoni rigward l-assistenza finanzjarja tal-KE lill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-assistenza skont l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) bejn il-Gvern tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ġie konkluż fl-4 ta’ Marzu 2008.

    (6)

    Il-Programm għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja skont l-IPA (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ “il-Programm IPARD”), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 677 tal-25 ta’ Frar 2008, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1085/2006, u l-Artikolu 184 tar-Regolament (KE) Nru 718/2007, inkluda pjan għall-kontribuzzjonijiet Komunitarji annwali kif ukoll il-ftehim ta’ finanzjament.

    (7)

    Il-Ftehim Settorjali konkluż fid-29 ta’ Jannar 2009 bejn il-Kummissjoni tal-Komunità Ewropea, li taġixxi għal u f’isem il-Komunità Ewropea, u l-Gvern tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li jaġixxi f’isem il-Gvern tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, jikkumplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Qafas, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-Programm IPARD għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja skont l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA).

    (8)

    Il-Programm IPARD ġie emendat l-aħħar fit-23 ta’ Settembru 2009 bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009)7041.

    (9)

    Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 718/2007, il-pajjiż benefiċjarju għandu jaħtar entitajiet u awtoritajiet responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Programm IPARD: l-Uffiċjal Kompetenti tal-Akkreditazzjoni, l-Uffiċjal Nazzjonali Awtorizzanti, il-Fond Nazzjonali, l-Awtorità ta’ Ġestjoni, l-Aġenzija IPARD u l-Awtorità ta’ Verifika.

    (10)

    Il-Gvern tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ħatar il-Fond Nazzjonali, entità ċentrali tat-teżor fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, biex jaġixxi bħala l-Fond Nazzjonali, li se jwettaq il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet kif definiti fl-Anness I għall-Ftehim Settorjali.

    (11)

    Il-Gvern tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ħatar l-Aġenzija għall-Appoġġ Finanzjarju fl-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali biex taġixxi bħala l-Aġenzija IPARD, li se twettaq il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet kif definiti fl-Anness I għall-Ftehim Settorjali.

    (12)

    Il-Gvern tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ħatar l-Awtorità ta’ Ġestjoni, fi ħdan il-Ministeru tal-Agrikoltura, il-Foresterija u l-Ekonomija tal-Ilma, biex taġixxi bħala l-Awtorità ta’ Ġestjoni, li se twettaq il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet kif definiti fl-Anness I għall-Ftehim Settorjali.

    (13)

    Fit-18 ta’ Marzu 2009, l-Uffiċjal Kompetenti tal-Akkreditazzjoni nnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-akkreditazzjoni tal-Uffiċjal Nazzjonali Awtorizzanti u l-Fond Nazzjonali skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 718/2007.

    (14)

    Fit-18 ta’ Marzu 2009, l-Uffiċjal Nazzjonali Awtorizzanti nnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-akkreditazzjoni tal-istruttura operattiva responsabbli mill-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-Komponent V IPA - l-Iżvilupp Rurali, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 718/2007.

    (15)

    L-Aġenzija għall-Appoġġ Finanzjarju fl-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, li taġixxi bħala l-Aġenzija IPARD, u l-Awtorità ta’ Ġestjoni, li taġixxi bħala l-Awtorità ta’ Ġestjoni, se jkunu responsabbli mill-implimentazzjoni tat-tliet miżuri akkreditati mill-Uffiċjal Nazzjonali Awtorizzanti minn erbgħa mill-Programm IPARD: 101 “Investimenti f’intrapriżi agrikoli biex jirristrutturaw u jaġġornaw għall-istandards Komunitarji”, 103 “Investimenti fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli u tas-sajd biex jirristrutturaw dawn l-attivitajiet u jaġġornawhom għall-istandards Komunitarji” u 302 “Diversifikazzjoni u żvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi rurali” kif definit fil-Programm.

    (16)

    Fit-22 ta’ Ottubru 2008 u fl-24 ta’ Frar 2009, l-Awtoritajiet Nazzjonali ressqu lill-Kummissjoni l-lista ta’ nefqa eliġibbli f’konformità mal-Artikolu 32(3) tal-Ftehim Settorjali. Il-Kummissjoni approvat din il-lista fis-17 ta’ April 2009.

    (17)

    Sabiex jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti tal-Artikolu 19(1) tal-Ftehim ta’ Qafas, in-nefqa skont din id-Deċiżjoni għandha tkun eliġibbli biss għall-kofinanzjament Komunitarju jekk ma titħallasx qabel id-data tad-deċiżjoni ta’ konferiment, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż ġenerali msemmija fl-Artikolu 172(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 718/2007. In-nefqa għandha tkun eliġibbli jekk tkun skont il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, u b’mod partikolari, skont il-prinċipji ekonomiċi u dawk effettivi f’termini ta’ nfiq.

    (18)

    Ir-Regolament (KE) Nru 718/2007 jipprovdi li r-rekwiżit ta’ approvazzjoni ex-ante msemmi fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 718/2007 jista’ jiġi rinunzjat abbażi ta’ analiżi ta’ każ b’każ ta’ tħaddim effettiv tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll konċernata u jipprovdi għar-regoli dettaljati sabiex issir l-analiżi msemmija.

    (19)

    Skont l-Artikoli 14 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 718/2007, l-akkreditazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 11, 12 u 13 tar-Regolament (KE) Nru 718/2007 ġew riveduti; u l-proċeduri u l-istrutturi tal-entitajiet u l-awtoritajiet konċernati, kif stabbiliti fl-applikazzjoni mressqa mill-Uffiċjal Nazzjonali Awtorizzanti, ġew eżaminati, anke permezz ta’ verifiki fuq il-post.

    (20)

    Madankollu, il-verifiki li saru mill-Kummissjoni għall-miżura 101 “Investimenti f’intrapriżi agrikoli biex jirristrutturaw u jaġġornaw għall-istandards Komunitarji”, il-miżura 103 “Investimenti fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli u tas-sajd biex jirristrutturaw dawn l-attivitajiet u jaġġornawhom għall-istandards Komunitarji” u l-miżura 302 “Diversifikazzjoni u żvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi rurali” huma bbażati fuq sistema li hija operattiva, iżda li għadha mhux qed topera, fir-rigward tal-elementi rilevanti kollha.

    (21)

    Għalkemm l-Awtorità ta’ Verifika ma tagħmilx parti minn din id-Deċiżjoni, il-livell ta’ tlestija tagħha biex topera bħala entità ta’ verifika li taħdem indipendentament sa żmien it-tressiq tal-pakkett dwar l-akkreditazzjoni għall-għoti tal-ġestjoni lill-Kummissjoni, ġie evalwat permezz ta’ verifiki fuq il-post.

    (22)

    Il-konformità tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja mar-rekwiżiti tal-Artikolu 56(2) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikoli 11, 12 u 13 tar-Regolament (KE) Nru 718/2007 ġiet ivvalutata permezz ta’ verifiki fuq il-post.

    (23)

    Il-valutazzjoni wriet li l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tikkonforma mar-rekwiżiti għall-miżuri 101, 103 u 302.

    (24)

    Għalhekk, huwa xieraq li jiġu rinunzjati r-rekwiżiti ta’ approvazzjoni ex ante msemmija fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 718/2007 u l-Artikolu 165 tar-Regolament Finanzjarju u li l-Uffiċjal Nazzjonali Awtorizzanti, il-Fond Nazzjonali, l-Aġenzija IPARD u l-Awtorità ta’ Ġestjoni jingħataw is-setgħat ta’ ġestjoni relatati mal-miżuri 101, 103 u 302 tal-Programm għall-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fuq bażi deċentralizzata,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-ġestjoni tal-assistenza pprovduta skont l-IPA – il-Komponent V f’dak li għandu x’jaqsam mal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali għall-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) tingħata lill-entitajiet konċernati bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

    2.   Ir-rekwiżit għall-approvazzjoni ex ante mill-Kummissjoni għall-funzjonijiet ta’ ġestjoni, ta’ ħlas u ta’ implimentazzjoni għall-miżura 101 “Investimenti f’intrapriżi agrikoli biex jirristrutturaw u jaġġornaw għall-istandards Komunitarji”, il-miżura 103 “Investimenti fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli u tas-sajd biex jirristrutturaw dawn l-attivitajiet u jaġġornawhom għall-istandards Komunitarji” u l-miżura 302 “Diversifikazzjoni u żvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi rurali” mill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 718/2007, b’dan qed jiġi rinunzjat.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika abbażi tal-istrutturi, l-entitajiet u l-awtoritajiet li ġejjin maħtura mill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għall-ġestjoni tal-miżuri 101, 103 u 302 tal-Programm ipprovdut skont l-IPA – il-Komponent V:

    (a)

    l-Uffiċjal Nazzjonali Awtorizzanti;

    (b)

    il-Fond Nazzjonali;

    (c)

    l-Istruttura Operattiva għall-IPA – il-Komponent V:

    l-Awtorità ta’ Ġestjoni,

    l-Aġenija IPARD.

    Artikolu 3

    1.   Is-setgħat ta’ ġestjoni jingħataw lill-istrutturi, l-entitajiet u l-awtoritajiet kif speċifikat fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikomplu jagħmlu iktar verifiki fir-rigward tal-istrutturi, l-entitajiet u l-awtoritajiet stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni, sabiex jiżguraw li s-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll topera b’mod sodisfaċenti. Il-verifiki għandhom isiru qabel it-tressiq tal-ewwel Dikjarazzjoni tan-Nefqa li titlob rimbors relatat mal-miżuri mniżżla fl-Artikolu 1(2) ta’ hawn fuq.

    Artikolu 4

    1.   In-nefqa mħallsa qabel id-data ta’ din id-Deċiżjoni ma għandha fl-ebda każ tkun eliġibbli bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż ġenerali msemmija fl-Artikolu 172 (3c) tar-Regolament (KE) Nru 718/2007.

    2.   In-nefqa għandha tkun eliġibbli jekk tkun skont il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, u b’mod partikolari, skont il-prinċipji ekonomiċi u dawk effettivi f’termini ta’ nfiq.

    Artikolu 5

    Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni li tagħti l-għajnuna lill-benefiċjarji individwali skont il-Programm IPARD, ir-regoli għall-eleġibbiltà tan-nefqa proposti mill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja bl-ittra Nru 08-44/82 tat-22 ta’ Ottubru 2008 u bl-ittra Nru 08-77/16 tal-24 ta’ Frar 2009, irreġistrati fil-Kummissjoni rispettivament fil-21 ta’ Novembru 2008 bin-Nru A/31025 u fl-24 ta’ Marzu 2009 bin-Nru A/7937, għandhom japplikaw.

    Artikolu 6

    1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-konformità mar-rekwiżiti għall-għoti tas-setgħat ta’ ġestjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 718/2007.

    2.   Fi kwalunkwe ħin matul l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-obbligi tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja skont din id-Deċiżjoni ma għadhomx jintlaħqu, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirtira jew tissospendi l-għoti tas-setgħat ta’ ġestjoni.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2009.

    Għall-Kummissjoni

    José Manuel BARROSO

    Il-President


    (1)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.

    (2)  ĠU L 170, 29.6.2007, p. 1.

    (3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.


    Top