EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0936

Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/936/ĠAI tat- 30 ta’ Novembru 2009 li tadotta r-regoli implimentattivi għar-reġistri ta’ ħidma ta’ analiżi tal-Europol

ĠU L 325, 11.12.2009, p. 14–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2017; Revokat u sostitwit bi 32016R0794

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/936/oj

11.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 325/14


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2009/936/ĠAI

tat-30 ta’ Novembru 2009

li tadotta r-regoli implimentattivi għar-reġistri ta’ ħidma ta’ analiżi tal-Europol

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (EUROPOL) (1) (id-“Deċiżjoni Europol”) u b’mod partikolari l-Artikoli 14(1) u 59(1)(b) tagħha,

Waqt li jieħu kont tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali, adottata mill-Kunsill tal-Ewropa fit-28 ta’ Jannar 1981,

Waqt li jieħu kont tar-Rakkomandazzjoni Nru R(87)15 tal-Kumitat tal-Ministri li tirregola l-użu ta’ data personali fis-settur tal-pulizija, adottata mill-Kunsill tal-Ewropa fis-17 ta’ Settembru 1987,

Wara li kkunsidra l-abbozz tar-regoli għar-reġistri ta’ ħidma ta’ analiżi tal-Europol ippreżentati mill-Bord ta’ Amministrazzjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi hija r-responsabbiltà tal-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, li jadotta regoli implimentattivi għar-reġistri ta’ ħidma ta’ analiżi tal-Europol (minn hawn ’il quddiem “ir-regoli”),

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dawn ir-regoli:

(a)

“data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli; “persuna identifikabbli” hija waħda li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal numru ta’ identifikazzjoni jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiku għall-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tagħha;

(b)

“reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi” tfisser reġsitru miftuħ għall-fini ta’ analiżi, kif imsemmi fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Europol;

(c)

“analiżi” tfisser il-ġbir, l-ipproċessar jew l-użu ta’ data bl-għan li jgħinu f’investigazzjonijiet kriminali, skont l-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni dwar l-Europol;

(d)

“parteċipanti fi grupp ta’ analiżi” tfisser analisti u persunal ieħor tal-Europol maħtur mid-Direttur, kif ukoll uffiċjali ta’ kollegament u/jew esperti mill-Istati Membri li jipprovdu l-informazzjoni jew li huma kkonċernati mill-analiżi fis-sens tal-Artikolu 14(4) tad-Deċiżjoni dwar l-Europol;

(e)

“proċessar ta’ data personali” jew “proċessar” tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet imwettqa fuq data personali, kemm jekk b’mezzi awtomatiċi kif ukoll jekk le, bħal kollezzjoni, reġistrar, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew alterazzjoni, irkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar permezz ta’ trasmissjoni, disseminazzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod ieħor, allinjament jew kombinazzjoni, imblukkar, tħassir jew qerda.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Ir-regoli stabbiliti f’din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw għall-ipproċessar ta’ data għall-finijiet ta’ analiżi kif imsemmi fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Europol.

Artikolu 3

Data fornuta għall-finijiet ta’ analiżi

1.   Skont l-Artikoli 8(2) u 14(3) tad-Deċiżjoni Europol, id-data fornuta għall-fini ta’ analiżi għandha tiġi kkomunikata f’forma strutturata jew f’forma mhux strutturata mill-unitajiet nazzjonali, jew, skont il-livell ta’ urġenza, tista’ tiġi trasmessa mill-awtoritajiet kompetenti maħturin lejn l-Europol, sabiex tiġi inkluża f’reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi. L-Istat Membru li jforni d-data għandu jinnotifika lill-Europol dwar il-fini li għaliha qed tiġi fornuta u dwar kwalunkwe restrizzjoni fuq l-użu, it-tħassir jew il-qerda tagħha, inklużi restrizzjonijiet possibbli għall-aċċess f’termini ġenerali jew speċifiċi. Dak l-Istat Membru jista’ wkoll jinforma lill-Europol bi kwalunkwe tali restrizzjoni fi stadju ulterjuri.

L-Europol għandu jiżgura li partijiet terzi li jfornu tali data jinnotifikaw lill-Europol dwar il-fini li għaliha qed tiġi fornuta d-data u dwar kwalunkwe restrizzjoni fuq l-użu tagħha.

Wara r-riċezzjoni ta’ tali data, għandu jiġi ddeterminat mill-aktar fis possibbli sa fejn id-data għandha tiġi inkluża f’reġsitru speċifiku.

2.   Skont l-Artikolu 29(1) tad-Deċiżjoni Europol, id-data msemmija fil-paragrafu 1 għandha tibqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru li forniha, u għandha tkun soġġetta għal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru, sakemm tkun ġiet inkluża f’reġsitru ta’ ħidma ta’ analiżi. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Europol għad-data kif deskritt fit-tieni u t-tielet subparagrafi.

L-Europol għandu jkun responsabbli biex jiżgura li tali data tkun tista’ tiġi kkonsultata biss mill-Istati Membri li jkunu fornewha, jew analisti u persunal ieħor tal-Europol maħtur mid-Direttur skont l-Artikolu 14(2)(a) tad-Deċiżjoni Europol, għall-fini li jiġi ddeterminat jekk id-data tistax tiġi inkluża f’reġsitru ta’ ħidma ta’ analiżi.

Jekk l-Europol, wara li ssir valutazzjoni tad-data fornuta, ikollu raġuni biex jassumi li din m’hijiex preċiża jew mhux aġġornata, huwa għandu jgħarraf lill-Istat Membru li forniha.

3.   Id-data li, wara li ssir valutazzjoni, ma tintgħażilx għall-inklużjoni f’reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi, kif ukoll ir-reġistri f’forma ta’ karta u dokumenti li jkun fihom data li tkun ġiet inkluża f’tali reġistru, għandom jibqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru li forna d-data skont l-Artikolu 29(1) tad-Deċiżjoni Europol, u għandha tkun soġġetta għal-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Europol kif deskritti fid-Deċiżjoni Europol.

L-Europol għandu jkun responsabbli biex jiżgura li d-data, ir-reġistri f’forma ta’ karta u d-dokumenti msemmija fl-ewwel subparagrafu jinħażnu b’mod separat mir-reġistri ta’ ħidma ta’ analiżi, u jistgħu jiġu kkonsultati biss mill-Istati Membri li jkunu fornew id-data, jew analisti u persunal ieħor tal-Europol maħtur mid-Direttur skont l-Artikolu 14(2)(a) tad-Deċiżjoni Europol, għall-finijiet ta’:

(a)

l-inklużjoni suċċessiva tagħhom f’reġsitru ta’ ħidma ta’ analiżi;

(b)

l-ivverifikar dwar jekk id-data li diġà ġiet inkluża f’reġistru ta’ analiżi hijiex preċiża u rilevanti; jew

(c)

l-ivverifikar dwar jekk ir-rekwiżiti li jinsabu f’dawn ir-regoli jew fid-Deċiżjoni tal-Europol ġewx sodisfatti.

Tali data tista’ tiġi kkonsultata wkoll fl-interessi tas-suġġett tad-data li jeħtieġ protezzjoni. F’dan il-każ, id-data għandha tintuża biss bil-kunsens tal-individwu kkonċernat.

Tali data, reġistri u dokumenti f’forma ta’ karta għandhom jiġu rritornati lill-Istat Membru li jkun fornihom, jew jitħassru jew jinqerdu, meta ma jkunux meħtieġa aktar għall-finijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. Fi kwalunkwe każ dawn għandhom jitħassru jew jinqerdu wara l-għeluq ta’ reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi.

4.   Meta d-data msemmija fil-paragrafu 1 tkun ġiet fornuta minn parti terza, l-Europol għandu jkun responsabbli għall-iżgurar li l-prinċipji stabbiliti f’dan l-Artikolu jiġu applikati għal tali data billi jiġu segwiti r-regoli stabbiliti skont l-Artikolu 26 tad-Deċiżjoni Europol.

Artikolu 4

Proċessar ta’ data

1.   Fejn ikun meħtieġ sabiex jinkiseb l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Europol, id-data personali msemmija fl-Artikoli 5 u 6 ta’ dawn ir-regoli tista’ tiġi proċessata mill-Europol sakemm tkun adegwata, preċiża, rilevanti, u mhux eċċessiva fir-rigward tal-fini tar-reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi li tkun inkluża fih, u bil-kondizzjoni li tinħażen għal mhux aktar minn dak li huwa meħtieġ għal din il-fini. Il-bżonn ta’ ħażna kontinwata tad-data għall-fini tar-reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi għandha tiġi riveduta regolarment skont l-Artikolu 7 ta’ dawn ir-regoli u l-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni Europol.

2.   Kull Stat Membru involut fi proġett ta’ analiżi għandu jiddeċiedi, skont il-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, dwar kemm hu jista’ jforni tali data, kif speċifikat fl-Artikolu 14(3) tad-Deċiżjoni Europol.

Artikolu 5

Ordnijiet biex jinfetħu reġistri ta’ ħidma ta’ analiżi

1.   F’kull ordni biex jinfetaħ reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi, kif imsemmi fl-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni Europol, id-Direttur għandu jispeċifika liema mill-kategoriji ta’ data personali elenkati fl-Artikolu 6 ta’ dawn ir-regoli huma kkunsidrati neċessarji għall-fini tar-reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi kkonċernat.

2.   Id-Direttur għandu jispeċifika wkoll fl-ordni msemmi fil-paragrafu 1 jekk id-data li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku jew sħubija trade-unjonistika u d-data dwar is-saħħa jew il-ħajja sesswali għandhiex tiġi inkluża fir-reġsitru ta’ ħidma ta’ analiżi taħt il-kategoriji elenkati fl-Artikolu 6, u għaliex tali data hija kkunsidrata strettament meħtieġa għall-finijiet tar-reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi kkonċernat. Tali data tista’ tiġi pproċessata biss meta tkun qed tiġi ssupplimentata data personali oħra li tkun diġà ġiet inkluża f’dak ir-reġistru.

Meta d-data msemmija fl-ewwel subparagrafu tirrigwarda kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 6(3) sa 6(6), għandhom jiġu inklużi mal-ordni biex jinfetaħ ir-reġistru, ir-raġunijiet speċifiċi għal tali talba, u tali data għandha tiġi pproċessata biss fuq talba espliċita ta’ żewġ Stati Membri jew aktar li jkunu qed jipparteċipaw fil-proġett ta’ analiżi. Id-data kkonċernata għandha titħassar meta ma tkunx aktar meħtieġa għall-finijiet li għalihom tkun inħażnet.

3.   L-ordnijiet tal ftuħ ta’ reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi, inklużi emendi sussegwenti għal dan, għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni Europol.

Artikolu 6

Data personali fir-reġistri ta’ ħidma ta’ analiżi

1.   Kull meta data personali tinħażen f’reġistri ta’ ħidma ta’ analiżi, għandha tiżdied nota li tirreferi għall-kategorija ta’ persuni li fuqha tinħażen id-data.

2.   Il-kategoriji ta’ data personali li ġejjin, inkluż data amministrattiva assoċjata, jistgħu jiġu pproċessati fuq il-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol:

(a)

Dettalji personali:

1.

Kunjom attwali u preċedenti

2.

Isem attwali u preċedenti

3.

Kunjom ta’ xebba

4.

Isem il-missier (fejn meħtieġ għall-fini ta’ identifikazzjoni)

5.

Isem l-omm (fejn meħtieġ għall-fini ta’ identifikazzjoni)

6.

Sess

7.

Data tat-twelid

8.

Post tat-twelid

9.

Nazzjonalità

10.

Stat ċivili

11.

Psewdonimu

12.

Laqam

13.

Isem assunt jew falz

14.

Residenza u/jew domiċilju attwali u ta’ qabel

(b)

Deskrizzjoni fiżika:

1.

Deskrizzjoni fiżika

2.

Karatteristiċi distintivi (marki/ċikatriċi/tattwaġġi eċċ.)

(c)

Mezzi ta’ identifikazzjoni:

1.

Dokumenti ta’ identità/liċenzja tas-sewqan

2.

Numri tal-karta tal-identità nazzjonali/tal-passaport

3.

Numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali/numru tas-sigurtà soċjali, jekk applikabbli

4.

Immaġnijiet viżivi u informazzjoni oħra dwar l-apparenza

5.

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni forensika bħal marki tas-swaba’, profil tad-DNA (stabbilit mill-parti non-kodifikanti tad-DNA), profil tal-vuċi, grupp tad-demm, informazzjoni dentali

(d)

Impjieg u ħiliet:

1.

Impjieg u xogħol attwali

2.

Impjieg u xogħol preċedenti

3.

Edukazzjoni (skola/università/professjonali)

4.

Kwalifiki

5.

Ħiliet u oqsma oħra ta’ għarfien (lingwa/oħrajn)

(e)

Informazzjoni ekonomika u finanzjarja:

1.

Data finanzjarja (kontijiet u kodiċijiet bankarji, karti ta’ kreditu eċċ.)

2.

Assi fi flus kontanti

3.

Titoli azzjonarji/assi oħrajn

4.

Data dwar il-proprjetà

5.

Rabtiet ma’ kumpanniji

6.

Kuntatti bankarji u ta’ kreditu

7.

Pożizzjoni fiskali

8.

Informazzjoni oħra li turi l-ġestjoni tal-affarijiet finanzjarji ta’ persuna

(f)

Data dwar l-imġiba:

1.

Stil ta’ ħajja (bħal infiq aktar milli wieħed jippermetti) u rutina

2.

Ċaqliq

3.

Postijiet iffrekwentati

4.

Armi u strumenti perikolużi oħra

5.

Rata ta’ perikolożità

6.

Riskji speċifiċi bħall-probabbiltà ta’ ħarba, l-użu ta’ aġenti doppji, ir-rabtiet ma’ persunal tal-infurzar tal-liġi

7.

Xejriet u profili relatati mal-kriminalità

8.

Abbuż mid-droga

(g)

Kuntatti u assoċjati, inkluż it-tip u n-natura tal-kuntatt jew assoċjazzjoni

(h)

Mezzi ta’ komunikazzjoni użati, bħal telefon (fiss/mobbli), fax, pager, posta elettronika, indirizzi postali, konnessjoni(jiet) tal-Internet

(i)

Mezzi ta’ trasport użati, bħal vetturi, dgħajjes, inġenji tal-ajru, inkluża informazzjoni li tidentifika dawn il-mezzi ta’ trasport (numri ta’ reġistrazzjoni)

(j)

Informazzjoni relatata ma’ attivitajiet kriminali li dwarhom l-Europol għandha kompetenza taħt l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Europol:

1.

Kundanni preċedenti

2.

Involviment suspettat f’attivitajiet kriminali

3.

Modi operandi

4.

Mezzi li ġew jew jistgħu jiġu użati biex jitħejjew u/jew jitwettqu reati

5.

Sħubija fi gruppi/organizzazzjonijiet kriminali u pożizzjoni fil-grupp/organizzazzjoni

6.

Rwol fl-organizzazzjoni kriminali

7.

Medda ġeografika ta’ attivitajiet kriminali

8.

Materjal miġbur matul investigazzjoni, bħal vidjo u immaġnijiet fotografiċi

(k)

Referenzi għal bażijiet ta’ data oħra li fihom hemm maħżuna informazzjoni dwar il-persuna:

1.

Europol

2.

Aġenziji tal-pulizija/doganali

3.

Aġenziji oħra ta’ infurzar

4.

Organizzazzjonijiet internazzjonali

5.

Entitajiet pubbliċi

6.

Entitajiet privati

(l)

Informazzjoni dwar persuni ġuridiċi assoċjati ma’ data msemmija fil-punti (e) u (j):

1.

Ħatra tal-persuna ġuridika

2.

Post

3.

Data u post ta’ stabbiliment

4.

Numru ta’ reġistrazzjoni amministrattiv

5.

Forma ġuridika

6.

Kapital

7.

Qasam ta’ attività

8.

Sussidjarji nazzjonali u internazzjonali

9.

Diretturi

10.

Rabtiet ma’ banek.

3.   “Kuntatti u assoċjati”, kif imsemmi fl-Artikolu 14(1)d tad-Deċiżjoni Europol, huma persuni li permezz tagħhom hemm raġuni suffiċjenti biex wieħed jemmen li l-informazzjoni, li tirreferi għall-persuni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u li hija rilevanti għall-analiżi, tista’ tinkiseb bil-kondizzjoni li mhumiex inklużi f’waħda mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fil-paragrafi 2, 4, 5 jew 6. “Kuntatti” huma dawk il-persuni li jkollhom kuntatt sporadiku ma’ persuni msemmija fil-paragrafu 2. “Assoċjati” huma dawk il-persuni li għandhom kuntatt regolari ma’ persuni msemmija fil-paragrafu 2.

Fir-rigward tal-kuntatti u l-assoċjati, id-data skont il-paragrafu 2 tista’ tinħażen kif ikun meħtieġ, bil-kondizzjoni li jkun hemm raġuni biex wieħed jassumi li tali data hija meħtieġa għall-analiżi tar-rwol ta’ tali persuni bħala kuntatti jew assoċjati.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat dan li ġej:

(a)

ir-relazzjoni ta’ dawn il-persuni mal-persuni imsemmija fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol għandha tiġi ċċarata malajr kemm jista’ jkun;

(b)

jekk tirriżulta infondata l-assunzjoni li teżisti relazzjoni bejn dawn il-persuni u l-persuni msemmija fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol, id-data għandha titħassar mingħajr dewmien;

(c)

jekk tali persuni jiġu suspettati li wettqu reat li għalih l-Europol għandu kompetenza taħt l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Europol, jew li ġew ikkundannati għal tali reat, jew jekk ikun hemm indikazzjonijiet fattwali jew motivazzjonijiet raġonevoli taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat biex wieħed jemmen li ser iwettqu tali reat, id-data kollha skont il-paragrafu 2 tista’ tinħażen;

(d)

data dwar il-kuntatti u l-assoċjati tal-kuntatti kif ukoll data dwar il-kuntatti u l-assoċjati ta’ assoċjati m’għandhiex tinħażen, bl-eċċezzjoni ta’ data dwar it-tip u n-natura tal-kuntatti jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom mal-persuni msemmija fil-paragrafu 2;

(e)

jekk kjarifika skont il-punti preċedenti mhijiex possibbli, dan għandu jiġi kkunsidrat meta tittieħed deċiżjoni dwar il-ħtieġa u l-limitu ta’ ħażna għal analiżi ulterjuri.

4.   Fir-rigward ta’ persuni li, kif imsemmi fl-Artikolu 14(1)(c) tad-Deċiżjoni Europol, kienu l-vittmi ta’ wieħed mir-reati li qed jiġu kkunsidrati jew li, ċerti fatti jagħtu lok biex wieħed jemmen, li jistgħu jkunu l-vittmi ta’ tali reat, id-data msemmija fil-paragrafu 2(a)(1) sa 2(c)(3) ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll il-kategoriji ta’ data li ġejjin, tista’ tinħażen:

(a)

Data tal-identifikazzjoni tal-vittma;

(b)

Raġuni għal vittimizzazzjoni;

(c)

Ħsara (fiżika/finanzjarja/psikoloġika/oħra);

(d)

Jekk l-anonimità għandhiex tiġi ggarantita;

(e)

Jekk hijiex possibbli parteċipazzjoni fi smigħ tal-qorti;

(f)

Informazzjoni relatata mal-kriminalità provduta minn jew permezz ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 14(1)(c) tad-Deċiżjoni Europol, inkluża informazzjoni dwar ir-relazzjoni tagħhom ma’ persuni oħra, fejn meħtieġ, biex jiġu identifikati l-persuni kif imsemmija fl-Artikolu 12(1) tad-Deċiżjoni Europol.

Data oħra skont il-paragrafu 2 tista’ tinħażen kif ikun meħtieġ, bil-kondizzjoni li jkun hemm raġuni biex wieħed jassumi li hija meħtieġa għall-analiżi tar-rwol ta’ persuna bħala vittma jew vittma potenzjali.

Id-data li mhix meħtieġa għal kwalunkwe analiżi ulterjuri għandha titħassar.

5.   Fir-rigward ta’ persuni li, kif imsemmi fl-Artikolu 14(1)(b) tad-Deċiżjoni Europol, jistgħu jissejħu biex jixhdu f’investigazzjoni f’rabta mar-reati taħt konsiderazzjoni jew fi proċeduri kriminali sussegwenti, id-data msemmija fil-paragrafu 2(a)(1) sa 2(c)(3) ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll il-kategoriji ta’ data li jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin, tista’ tinħażen:

(a)

informazzjoni relatata mal-kriminalità provduta minn tali persuni, inkluża informazzjoni dwar ir-relazzjoni tagħhom ma’ persuni oħra inklużi fir-reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi;

(b)

jekk l-anonimità għandhiex tiġi ggarantita;

(c)

jekk il-protezzjoni għandhiex tiġi ggarantita u minn min;

(d)

identità ġdida;

(e)

jekk hijiex possibbli parteċipazzjoni fi smigħ tal-qorti.

Data oħra skont il-paragrafu 2 tista’ tinħażen kif ikun meħtieġ, bil-kondizzjoni li jkun hemm raġuni biex wieħed jassumi li hija meħtieġa għall-analiżi tar-rwol ta’ tali persuni bħala xhieda.

Id-data li mhix meħtieġa għal kwalunkwe analiżi ulterjuri għandha titħassar.

6.   Fir-rigward ta’ persuni li, kif imsemmija fl-Artikolu 14(1)(e) tad-Deċiżjoni Europol, jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar ir-reati kriminali taħt konsiderazzjoni, id-data msemmija fil-paragrafu 2(a)(1) sa 2(c)(3) ta’ dan l-Artikolu tista’ tinħażen, kif ukoll il-kategoriji ta’ data li jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:

(a)

dettalji personali kodifikati;

(b)

tip ta’ informazzjoni fornuta;

(c)

jekk l-anonimità għandhiex tiġi ggarantita;

(d)

jekk il-protezzjoni għandhiex tiġi ggarantita u minn min;

(e)

identità ġdida;

(f)

jekk hijiex possibbli parteċipazzjoni fi smigħ tal-qorti;

(g)

esperjenzi negattivi;

(h)

rikumpens (finanzjarji/favuri).

Data oħra skont il-paragrafu 2 tista’ tinħażen kif ikun meħtieġ, bil-kondizzjoni li jkun hemm raġuni biex wieħed jassumi li hija meħtieġa għall-analiżi tar-rwol ta’ tali persuni bħala informaturi.

Id-data li mhix meħtieġa għal kwalunkwe analiżi ulterjuri għandha titħassar.

7.   Jekk, fi kwalunkwe mument matul analiżi, isir ċar abbażi ta’ indikazzjonijiet serji u korroborattivi li persuna inkluża f’reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi għandha titqiegħed taħt kategorija differenti ta’ persuni, kif definit f’dan l-Artikolu, mill-kategorija li ġiet mqegħda fiha dik il-persuna inizjalment, l-Europol jista’ jipproċessa biss id-data fuq dik il-persuna li hija permessa taħt dik il-kategorija l-ġdida, u d-data l-oħra kollha għandha titħassar.

Jekk, abbażi ta’ tali indikazzjonijiet, isir ċar li persuna għandha tiġi inkluża f’żewġ kategoriji differenti jew aktar kif definit f’dan l-Artikolu, id-data kollha permessa taħt tali kategoriji tista’ tiġi pproċessata mill-Europol.

Artikolu 7

Limiti ta’ żmien għall-eżami u t-tul ta’ żmien tal-ħażna

1.   Meta tittieħed deċiżjoni dwar jekk id-data personali għandhiex tkompli tinħażen taħt l-Artikolu 6 ta’ dawn ir-regoli, skont l-Aritkolu 20 tad-Deċiżjoni Europol, għandhom jiġu vvalutati l-interessi tal-Europol fit-twettiq tal-kompiti tiegħu fir-rigward tal-interessi leġittimi f’termini ta’ protezzjoni tad-data tal-persuna li għaliha tirreferi d-data maħżuna.

Il-ħtieġa għal ħażna kontinwata tad-data personali kollha inkluża fir-reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi għandha tiġi riveduta, skont l-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni Europol, mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul jew l-aħħar reviżjoni tad-data. Minkejja din ir-reviżjoni, il-ħtieġa għal ħażna kontinwata għandha tiġi riveduta jekk jinħolqu ċirkostanzi li jissuġġerixxu li d-data jkollha titħassar jew tiġi kkoreġuta.

Ir-reviżjoni għandha tieħu kont tal-ħtieġa li d-data tinżamm fid-dawl tal-konklużjoni ta’ investigazzjoni ta’ każ partikolari; deċiżjoni ġudizzjarja finali - b’mod partikolari liberazzjoni, ordni ta’ rijabilitazzjoni, kundanna esegwita u amnestija - l-età tas-suġġett tad-data u l- kategoriji partikolari ta’ data.

2.   Skont l-Artikolu 16(3) tad-Deċiżjoni Europol, l-Europol għandu jirrevedi l-ħtieġa għall-kontinwazzjoni ta’ reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi. Abbażi ta’ dik ir-reviżjoni, għandha titieħed deċiżjoni mid-Direttur dwar il-kontinwazzjoni tar-reġistru jew l-għeluq tiegħu. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni u l-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll għandhom minnufih jiġu mgħarrfin mid-Direttur bl-elementi fir-reġistru li jiġġustifikaw il-ħtieġa stretta għat-tkomplija tiegħu.

3.   Fejn il-proċedimenti kriminali kontra persuni msemmija fl-Artikolu 6(2) jiġu konklużi, mingħajr il-possibbiltà ta’ appell, jew b’deċiżjoni tal-qorti jew b’mod ieħor, u dik id-deċiżjoni tiġi notifikata lill-Europol mill-Istat Membru jew parti terza kkonċernata, l-Europol għandu jivverifika jekk id-data affettwata b’tali deċiżjoni tistax xorta tinħażen, tiġi modifikata jew użata. Jekk jista’ jiġi assunt mir-raġunijiet għad-deċiżjoni jew minn intelligence oħra li l-persuna kkonċernata ma kkommettietx, jew ma kkommettietx b’mod illegali r-reat, jew jekk ir-raġunijiet għad-deċiżjoni jħallu din il-mistoqsija miftuħa, id-data affettwata b’din id-deċiżjoni għandha titħassar, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet sostanzjali biex jiġi assunt li għadha rilevanti għall-fini tar-reġsitru ta’ ħidma ta’ analiżi. F’dak il-każ, l-informazzjoni li tikkonċerna d-deċiżjoni tal-qorti għandha tinżdied mad-data diġà inkluża fir-reġistru. Barra minn hekk, din id-data tista’ tiġi pproċessata u miżmuma biss b’rispett dovut għall-kuntest u d-dikjarazzjoni tad-deċiżjoni msemmija hawn fuq u għad-drittijiet li tagħti lill-persuna kkonċernata.

4.   Id-data personali ma tistax tinżamm għal perijodu itwal minn dak imsemmi fl-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni Europol. Fejn, bħala konsegwenza tal-kontinwazzjoni tar-reġistru ta’ analiżi, id-data li tikkonċerna persuni msemmija fl-Artikolu 6(3) sa 6(6) tinħażen f’reġistru għal perijodu li jaqbeż il-ħames snin, l-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll imsemmija fl-Artikolu 34(1) tad-Deċiżjoni Europol għandha tiġi mgħarrfa kif meħtieġ.

5.   Jekk, matul ir-reviżjoni tal-attivitajiet tal-Europol mill-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll jiġi skopert li d-data personali qed tinżamm bi ksur ta’ dawn ir-regoli, l-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll għandha tgħarraf lid-Direttur b’dan kif tħoss li jkun meħtieġ, skont l-Artikolu 34(4) tad-Deċiżjoni Europol.

Meta l-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll, skont l-Aritkolu 34(4) tad-Deċiżjoni Europol, tkun irreferiet kwistjoni li tirrigwarda l-ħażna, l-ipproċessar jew l-użu ta’ data personali lill-Bord ta’ Amministrazzjoni, it-trasmissjoni tad-data kkonċernata għandha tiġi projbita mingħajr l-awtorizzazjoni minn qabel tal-Bord ta’ Amministrazzjoni. F’każijiet eċċezzjonali, id-Direttur jista’ jawtorizza t-trasmissjoni ta’ dik id-data qabel l-approvazzjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni, fejn dan ikun ikkunsidrat assolutament meħtieġ għas-salvagwardja tal-interessi essenzjali tal-Istati Membri kkonċernati li jkunu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-objettivi tal-Europol, jew fl-interess tal-prevenzjoni ta’ periklu imminenti assoċjat ma’ kriminalità jew ma’ reati terroristiċi. F’tali każijiet, l-awtorizzazzjoni mid-Direttur għandha tiġi stabbilita f’dokument, li għandu jintbagħat lill-Bord ta’ Amministrazzjoni u lill-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll.

Artikolu 8

Assoċjazzjoni ta’ partijiet terzi

L-Europol jista’ jassoċja esperti ta’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji, kif imsemmi fl-Artikolu 22(1) tad-Deċiżjoni Europol, u esperti ta’ Stati terzi u organizzazjonijiet, kif imsemmi fl-Artikolu 23(1) ta’ dik id-Deċiżjoni, mal-attivitajiet ta’ grupp ta’ analiżi taħt il-kondizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 14(8) ta’ dik id-Deċiżjoni.

Id-Direttur għandu jikkonkludi arranġament ma’ kwalunkwe waħda mill-entitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu skont ir-regoli li jirregolaw tali arranġamenti, kif determinat mill-Bord ta’ Amministrazzjoni. Id-dettalji ta’ dawn l-arranġamenti għandhom jintbagħtu lill-Bord ta’ Amministrazzjoni u lill-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll. L-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll tista’ tindirizza kwalunkwe kumment li tqis meħtieġ lill-Bord ta’ Amministrazzjoni.

Artikolu 9

Ġbir u analiżi ta’ data

Id-data maħżuna f’reġistri għal finijiet ta’ analiżi għandha tiġi differenzjata skont il-grad ta’ valutazzjoni tas-sors u l-livell ta’ preċiżjoni jew affidabbiltà tal-informazzjoni, skont l-Artikolu 11. Id-data bbażata fuq il-fatti għandha tiġi differenzjata mid-data bbażata fuq opinjonijiet jew valutazzjonijiet personali.

Artikolu 10

Protezzjoni interna tad-data

Id-Direttur għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura konformità ma’ dawn ir-regoli u ma’ dispożizzjonijiet oħrajn għall-protezzjoni tad-data. Għal dan l-għan, id-Direttur għandu jfittex il-parir tal-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data, kif imsemmi fl-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni Europol.

KAPITOLU II

KLASSIFIKAZZJONI

Artikolu 11

Klassijiet ta’ reġistri ta’ ħidma ta’ analiżi

Ir-reġistri ta’ ħidma ta’ analiżi jistgħu jkunu:

(a)

ġenerali jew strateġiċi, fejn l-objettiv huwa li tiġi proċessata informazzjoni rilevanti dwar problema partikolari jew li jiġu żviluppati jew imtejba inizjattivi mill-awtoritajiet kompetenti, kif definiti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Europol;

(b)

operattivi, fejn lobjettiv huwa li tinkiseb informazzjoni dwar waħda jew aktar mill-attivitajiet kriminali msemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Europol, li tirrigwarda każ, persuna jew organizzazzjoni, sabiex jinbdew, jiġu assistiti jew jintemmu, skont l-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni Europol, investigazzjonijiet bilaterali jew multilaterail ta’ natura internazzjonali, bil-kondizzjoni li zewġ Stati Membri jew aktar ikunu fost il-partijiet ikkonċernati.

Artikolu 12

Valutazzjoni tas-sors u tal-informazzjoni

1.   Is-sors ta’ informazzjoni li joriġina minn Stat Membru għandu jiġi valutat kemm jista’ jkun mill-Istat Membru li jforni l-informazzjoni bl-użu tal-kodiċijiet għall-evalwazzjoni tas-sors li ġejjin:

(A)

:

fejn ma hemm l-ebda dubju dwar l-awtentiċità, l-affidabbiltà u l-kompetenza tas-sors, jew jekk l-informazzjoni hija fornuta minn sors li ta prova li huwa affidabbli fissitwazzjonijiet kollha;

(B)

:

fejn l-informazzjoni hija fornuta minn sors li f’ħafna mis-sitwazzjonijiet ta prova li mhuwiex affidabbli;

(C)

:

fejn l-informazzjoni hija fornuta minn sors li f’ħafna mis-sitwazzjonijiet ta prova li mhuwiex affidabbli;

(X)

:

fejn l-affidabbiltà tas-sors ma tistax tiġi valutata.

2.   L-informazzjoni li toriġina minn Stat Membru għandha tiġi valutata kemm jista’ jkun mill-Istat Membru li jforni l-informazzjoni abbażi tal-affidabbiltà tagħha bl-użu tal-kodiċijiet għall-evalwazzjoni ta’ informazzjoni li ġejjin:

(1)

:

informazzjoni li mhemmx dubju dwar il-preċiżjoni tagħha;

(2)

:

informazzjoni magħrufa personalment mis-sors iżda li mhijiex magħrufa personalment mill-uffiċjal li qed jgħaddiha;

(3)

:

informazzjoni li mhijiex magħrufa personalment mis-sors iżda korroborata minn informazzjoni oħra diġà rreġistrata;

(4)

:

informazzjoni li mhijiex magħrufa personalment mis-sors u li ma tistax tiġi korroborata.

3.   Jekk l-Europol, abbażi ta’ informazzjoni diġà fil-pussess tiegħu, jasal għal konklużjoni li l-valutazzjoni teħtieġ tiġi korretta, huwa għandu jinforma lill-Istat Membru kkonċernat u jfittex li jilħaq qbil dwar emenda għall-valutazzjoni. L-Europol m’għandux jibdel il-valutazzjoni mingħajr tali qbil.

4.   Jekk l-Europol jirċievi data jew informazzjoni minn Stat Membru mingħajr valutazzjoni, l-Europol għandu jipprova kemm jista’ jkun jivvaluta l-affidabbiltà tas-sors jew tal-informazzjoni abbażi ta’ informazzjoni diġà fil-pussess tiegħu. Il-valutazzjoni tad-data u l-informazzjoni speċifika għandha ssir bi qbil mal-Istat Membru fornitur. Stat Membru u l-Europol jistgħu jilħqu qbil ukoll f’termini ġenerali dwar il-valutazzjoni ta’ tipi speċifikati ta’ data u sorsi speċifikati. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jiġi mgħarraf dwar tali qbil ġenerali. Jekk id-data tkun ġiet fornuta lill-Europol abbażi ta’ tali qbil ġenerali, dan għandu jiġi nnotat mad-data.

Jekk ma jintlaħaq l-ebda qbil f’każ speċifiku, jew ma jeżisti l-ebda qbil f’termini ġenerali, l-Europol għandu jevalwa l-informazzjoni jew id-data u għandu jattribwixxi lil tali informazzjoni jew data l-kodiċi għall-evalwazzjoni (X) u (4), imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament.

5.   Jekk l-Europol jirċievi data jew informazzjoni minn parti terza, dan l-Artikolu għandu japplika kif meħtieġ.

6.   Fejn l-informazzjoni inkluża f’reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi hija r-riżultat ta’ analiżi, l-Europol għandu jivvaluta tali informazzjoni skont dan l-Artikolu, u fi qbil mal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-analiżi.

KAPITOLU III

REGOLI GĦALL-UŻU TAR-REĠISTRI TA’ ĦIDMA TA’ ANALIŻI U D-DATA TA’ ANALIŻI

Artikolu 13

Ftuħ ta’ reġsitri ta’ ħidma ta’ analiżi

1.   Ir-reġsitri ta’ ħidma ta’ analiżi għandhom jinfetħu fuq l-inizjattiva tal-Europol jew fuq it-talba tal-Istati Membri li jfornu d-data, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni Europol.

2.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni jista’ jistieden lir-rappreżentanti tal-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll biex jieħdu sehem fid-diskussjonijiet tiegħu dwar l-ordnijiet li jinfetħu reġistri ta’ ħidma ta’ analiżi.

3.   Skont l-Artikolu 16(2) tad-Deċiżjoni Europol, l-attivitajiet ta’ analiżi u d-disseminazzjoni ta’ riżultati ta’ analiżi jistgħu jinbdew minnufih wara li r-reġistri ta’ analiżi jkun infetaħ. Fil-każ li l-Bord ta’ Amministrazzjoni jagħti struzzjonijiet lid-Direttur tal-Europol sabiex jemenda ordni ta’ ftuħ jew jagħlaq ir-reġistru skont l-Artikolu 16(4) tad-Deċiżjoni Europol, id-data li ma tistax tkun inkluża fir-reġistru, jew, jekk ir-reġistru għandu jingħalaq, id-data kollha li tinsab f’dak ir-reġistru, għandha titħassar minnufih.

4.   Jekk, matul analiżi, isir meħtieġ li tiġi emendata l-ordni li tiftaħ reġsitru ta’ ħidma ta’ analiżi, il-proċeduri deskritti fl-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni Europol u dan l-Artikolu għandhom japplikaw kif meħtieġ.

Artikolu 14

Ksib ta’ data

1.   Skont l-Artikolu 14(2)(b) tad-Deċiżjoni Europol, il-ksib ta’ data mill-parteċipanti tal-proġett ta’ analiżi għandu jkun permess biss wara li huma jkunu ġew akkreditati mill-Europol u wara taħriġ dwar l-obbligi speċifiċi tagħhom taħt il-qafas legali tal-Europol.

2.   Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni Europol, il-parteċipanti kollha tal-grupp ta’ analiżi jistgħu jiksbu data mir-reġistrufajl. Il-grupp ta’ analiżi għandu jiddeċiedi b’mod unanimu dwar safejn jista’ jsir tali ġbir u kwalunkwe kondizzjoni u restrizzjoni li japplikaw.

Artikolu 15

Trasmissjoni ta’ data jew informazzjoni miżmuma f’reġistri ta’ ħidma ta’ analiżi

1.   It-trasmissjoni ta’ data personali li tinsab f’resġistri ta’ ħidma ta’ analiżi lil kwalunkwe Stat Membru jew parti terza għandha tiġi rreġistrata fir-reġistru kkonċernat.

F’kollaborazzjoni mal-Istat Membru jew il-parti terza li pprovdiet id-data, l-Europol għandu, fejn ikun meħtieġ u sa mhux aktar tard mill-mument tat-trasmissjoni, jivverifika li d-data hija preċiża u konsistenti mad-Deċiżjoni Europol.

Il-komunikazzjonijiet kollha għandhom jindikaw, kemm jista’ jkun, deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll deċiżjonijiet li mhux ser issir prosekuzzjoni. Qabel ma tiġi trasmessa data bbażata fuq opinjonijiet jew valutazzjonijiet personali u qabel ma jiġi indikat il-livell ta’ preċiżjoni jew affidabbiltà, tali data għandha tiġi verifikata f’kooperazzjoni mal-Istat Membru jew parti terza li fornietha.

L-Istat Membru riċevitur għandu jgħarraf lill-Istat Membru li qed jittrasmetti d-data, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, bl-użu li jkun sar mid-data trasmessa u r-riżultati li nkisbu sussegwentement, fejn il-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru riċevitur tippermetti dan.

Jekk ikun hemm xi restrizzjonijiet dwar l-użu ta’ data taħt l-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni Europol, tali restrizzjonijiet għandhom jiġu rreġistrati mad-data, u r-riċevituri tar-riżultati ta’ analiżi għandhom jiġu mgħarrfa dwar dan.

2.   Skont l-Artikolu 14(7) tad-Deċiżjoni Europol, f’dawk il-każijiet fejn l-Europol isib, wara l-mument ta’ inklużjoni ta’ data f’reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi, li dik id-data tirrigwarda persuna jew oġġett li dwarha diġà tkun iddaħħlet fir-reġistru data preżentata minn Stat Membru ieħor jew minn parti terza, kull Stat Membru kkonċernat jew parti terza kkonċernata għandhom jiġu mgħarrfa minnufih bil-konnessjoni identifikata.

Artikolu 16

Proċeduri ta’ kontroll

Sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ sigurtà tad-data mniżżla fl-Artikolu 35 tad-Deċiżjoni Europol u biex tiġi provduta assigurazzjoni għall-ipproċessar sigur ta’ data fit-tifsira ta’ dawn ir-regoli, il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jakkredita s-sistema ta’ analiżi, skont l-Artikolu 8 tar-Regoli dwar il-Konfidenzjalità tal-Informazzjoni tal-Europol adottati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/…/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 (2) wara konsultazzjoni minn qabel mal-Kumitat ta’ Sigurtà, kif previst mill-Artikolu 4(2) ta’ dawk ir-regoli. L-akkreditazzjoni għandha tingħata abbażi ta’ Rekwiżiti ta’ Sigurtà Speċifiċi għas-Sistema u dokumentazzjoni oħra dwar is-sigurtà meqjusa meħtieġa mill-Bord ta’ Amministrazzjoni.

Artikolu 17

Użu u ħażna tad-data ta’ analiżi u tar-riżultati tal-analiżi

1.   Id-data personali u r-riżultati tal-analiżi kollha trasmessi minn reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi jistgħu jintużaw biss skont il-fini tar-reġistru jew biex jiġu prevenuti u miġġielda forom serji oħra ta’ kriminalità, u għandhom ikunu f’konformità ma’ kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu kif speċifikat minn Stat Membru abbażi tal-Artikolu 19(2) tad-Deċiżjoni Europol. Id-data msemmija fl-Aritkolu 5(2) ta’ dawn ir-regoli tista’ tiġi trasmessa biss bi qbil mal-Istat Membru li forna tali data.

2.   Wara li reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi jingħalaq, id-data kollha li tinsab f’dak ir-reġistru għandha tinħażen mill-Europol f’reġistru separat, li għandu jkun aċċessibbli biss għall-finijiet ta’ kontroll intern jew estern. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20(4) tad-Deċiżjoni Europol, tali data m’għandhiex tinżamm għal aktar minn 18-il xahar wara li jingħalaq ir-reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi.

3.   Ir-riżultati ta’ reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi jistgħu jinħażnu mill-Europol f’forma elettronika għal perijodu massimu ta’ tliet snin mid-data li fiha jingħalaq ir-reġistru kkonċernat, bilkondizzjoni li jkunu maħżuna f’reġistru separat, u li ma tiżdied l-ebda data ġdida magħhom. Wara dan il-perijodu, ir-riżultati jistgħu jinħażnu biss fil-forma ta’ dokument f’forma ta’ karta.

Artikolu 18

Interkonnessjoni ta’ reġistri u komunikazzjoni bejn ir-reġistri

1.   Fejn isir apparenti li l-informazzjoni li tinsab f’reġistru ta’ ħidma ta’ analiżi tista’ wkoll tkun rilevanti għal reġistri ta’ ħidma ta’ analiżi differenti, għandhom jiġu segwiti l-proċeduri li ġejjin:

(a)

fejn tiġi proposta l-interkonnessjoni kompleta tal-informazzjoni f’żewġ reġistri, għandu jiġi stabbilit reġistru ġdid li jkun fih l-informazzjoni kollha fiż-żewġ reġistri skont l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni Europol. Id-deċiżjoni li ż-żewġ reġistri jiġu interkonnessi għandha ssir mill-parteċipanti kollha f’kull wieħed mir-reġistri oriġinali. F’dak il-każ, ir-reġistri oriġinali għandhom jingħalqu;

(b)

fejn parti mill-informazzjoni f’reġistru wieħed hija rilevanti għal fajl ieħor, il-fornituri ta’ dik l-informazzjoni għandhom jiddeċiedu jekk din l-informazzjoni tistax tiġi kkomunikata lir-reġistru tal-aħħar jew le.

2.   Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1, il-limiti ta’ żmien għar-reviżjoni tad-data komunikata minn reġistru ta’ analiżi ta’ ħidma għal ieħor m’għandhiex tkun affettwata minn tali trasferiment.

Artikolu 19

Mezzi tekniċi ġodda

Mezzi tekniċi ġodda għall-ipproċessar ta’ data għal finijiet ta’ analiżi jistgħu jiġu introdotti biss jekk ikunu ġew adottati l-miżuri raġonevoli kollha biex jiġi żgurat li l-użu tagħhom huwa konsistenti mar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali applikabbli għall-Europol. Id-Direttur għandu jikkonsulta lill-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll minn qabel fil-każijiet kollha fejn l-introduzzjoni ta’ tali mezzi tekniċi toħloq problemi għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ta’ protezzjoni ta’ data.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Reviżjoni tar-regoli

Sal-1 ta’ Jannar 2013, dawn ir-regoli għandhom jiġu evalwati taħt is-superviżjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni.

Kwalunkwe proposta għal emendi għal dawn ir-regoli għandha tiġi kkunsidrata mill-Bord ta’ Amministrazzjoni bil-ħsieb tal-adozzjoni tagħha mill-Kunsill skont il-proċedura prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Europol.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Dawn ir-regoli għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

B. ASK


(1)  ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.

(2)  Għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


Top