EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0436

2009/436/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 5 ta’ Mejju 2009 li tikkoreġi d-Direttiva tal-Kunsill 2008/73/KE li tissimplifika l-proċeduri tal-elenkar u tal-pubblikazzjoni tat-tagħrif fl-oqsma veterinarji u żootekniċi

ĠU L 145, 10.6.2009, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/436/oj

10.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 145/43


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-5 ta’ Mejju 2009

li tikkoreġi d-Direttiva tal-Kunsill 2008/73/KE li tissimplifika l-proċeduri tal-elenkar u tal-pubblikazzjoni tat-tagħrif fl-oqsma veterinarji u żootekniċi

(2009/436/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2008/73/KE (2) emendat total ta’ 23 att tal-Kunsill biex tipprovdi, inter alia, għal proċeduri ssimplifikati tal-elenkar u tal-pubblikazzjoni tat-tagħrif fl-oqsma veterinarji u żooteknici.

(2)

Id-Direttiva 2008/73/KE daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Settembru 2008. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ dik id-Direttiva sal-1 ta’ Jannar 2010. Madankollu, dik id-Direttiva ma pprovdietx li l-Istati Membri kellhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn dik id-data.

(3)

Iċ-ċertezza legali teħtieġ li d-Direttiva 2008/73/KE tiġi kkoreġuta biex jiġi żgurat li l-emendi magħmula fid-diversi atti tal-Kunsill minn dik id-Direttiva, sabiex jipprovdu għal dawk il-proċeduri ssimplifikati, jiġu applikati b’mod uniformi mill-Istati Membri mill-1 ta’ Jannar 2010. Għaldaqstant, id-Direttiva 2008/73/KE għandha tiġi kkoreġuta biex tapplika wkoll minn dik id-data. Għalhekk, dik id-Direttiva għandha tiġi kkoreġuta wkoll sabiex tipprovdi li l-Istati Membri għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn dik id-data.

(4)

Madankollu, ċerti emendi oħra magħmula mid-Direttiva 2008/73/KEE fid-Direttivi 64/432/KEE (3) u 90/426/KEE (4) ma jikkonċernawx il-proċeduri ssimplifikati u għaldaqstant ma jeħtiġux id-data tal-applikazzjoni differita mill-Istati Membri tal-1 ta’ Jannar 2010. Dawk l-emendi jikkonċernaw rispettivament l-adozzjoni ta’ miżuri speċifici dwar is-saħħa tal-annimali skont il-proċedura stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (5) u jikkoreġu referenza skaduta.

(5)

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr xkiel għall-proċeduri ssimplifikati ġodda tal-elenkar u tal-pubblikazzjoni tat-tagħrif fl-oqsma verterinarji u żootekniċi, għandu jkun pprovdut li dispożizzjonijiet tranżitorji jistgħu jiġu adottati skont il-proċedura stabbilita fid-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(6)

Biex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-kontinwità, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mit-3 ta’ Settembru 2008, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2008/73/KE.

(7)

Għalhekk id-Direttiva 2008/73/KE għandha tiġi kkoreġuta kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2008/73/KE hija b’dan kkoreġuta kif ġej:

1.

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 20 għandu jitħassar.

2.

Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 23a

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Dispożizzjonijiet tranżitorji jistgħu jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 23b(2).

Artikolu 23b

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali mwaqqaf mill-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 (*).

2.   Fejn hemm referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

(*)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).”;"

3.

L-Artikolu 24(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sal-1 ta’ Jannar 2010. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2010.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’tali referenza mal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif trid issir din ir-referenza.”;

4.

L-Artikolu 25 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 25

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010, bl-eċċezzjoni għall-Artikolu 1(1) u (5) u l-Artikoli 7, 23a u 23b.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mit-3 ta’ Settembru 2008.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 5 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

M. KALOUSEK


(1)  Opinjoni tat-2 ta’ April 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 219, 14.8.2008, p. 40.

(3)  ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64.

(4)  OJ L 224, 18.8.1990, p. 42.

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


Top