Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0427

    2009/427/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 3 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi l-grupp ta’ esperti biex jagħti pariri tekniċi dwar il-produzzjoni organika

    ĠU L 139, 5.6.2009, p. 29–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/09/2021; Imħassar b' 32021D0826(01)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/427/oj

    5.6.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 139/29


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-3 ta’ Ġunju 2009

    li tistabbilixxi l-grupp ta’ esperti biex jagħti pariri tekniċi dwar il-produzzjoni organika

    (2009/427/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda [jħassar] ir-Regolament (KEE) Nru 2029/91 (1) jispjega l-għanijiet u l-prinċipji li japplikaw għall-produzzjoni organika u jistipula r-rekwiżiti bażiċi f’dak li għandu x’jaqsam mal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll tal-prodotti organiċi fil-produzzjoni tal-pjanti, tal-bhejjem u tal-akkwakultura.

    (2)

    Bil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Ikel u l-Biedja Organiċi li kienet adottata f’Ġunju 2004 (2), il-Kummissjoni beħsiebħa tivvaluta l-qagħda u tistipula l-bażi għall-iżvilupp tal-politika, u b’hekk tipprovdi viżjoni strateġika ġenerali għall-kontribut tal-biedja organika lill-politika agrikola komuni. B’mod partikulari, fl-azzjoni nru 11, il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Ikel u l-Biedja Organiċi jirrakkomanda li jitwaqqaf bord ta’ esperti indipendenti għall-pariri tekniċi.

    (3)

    Il-Kummissjoni tista’ tiġi bżonn pariri tekniċi sabiex tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tal-użu ta’ prodotti, sustanzi u tekniki fl-ipproċessar u fil-biedja organiċi, sabiex tiżviluppa jew ittejjeb ir-regoli dwar il-produzzjoni organika, u, b’mod ġenerali, dwar kwalunkwe kwistjoni oħra relatata mal-qasam tal-produzzjoni organika. Dawn huma eżerċizzji kumplessi u li jieħdu ħafna ħin, u li għandhom bżonn livell għoli ta’ speċjalizzazzjoni.

    (4)

    Għaldaqstant jeħtieġ li jitwaqqaf grupp ta’ esperti fil-qasam tal-produzzjoni organika u li jiġu ddefiniti ħidmietu u l-istruttura tiegħu.

    (5)

    Il-grupp għandu jgħin biex ikun żgurat aċċess faċli għall-għarfien espert tekniku u kkwalifikat sew, f’firxa wiesgħa ta’ oqsma li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni organika.

    (6)

    Il-grupp għandu jkun magħmul minn xjenzati u esperti oħrajn li għandhom kompetenzi li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni organika u għandu jagħti lill-Kummissjoni pariri tekniċi indipendenti, eċċellenti u trasparenti.

    (7)

    Għandu jkun hemm dispożizzjoni dwar ir-regoli dwar l-iżvelar tat-tagħrif mill-membri tal-grupp, li tkun bla ħsara għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà kif imniżżlin fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (3).

    (8)

    Id-dejta personali li għandha x’taqsam mal-membri tal-grupp għandha tkun ipproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18ota’oDiċembruo2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (4),

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-“Grupp ta’ esperti biex jagħti pariri tekniċi dwar il-produzzjoni organika”

    B’dan qed jitwaqqaf il-grupp ta’ esperti biex jagħti pariri tekniċi dwar il-produzzjoni organika, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-grupp”.

    Artikolu 2

    Kompiti

    Xogħol il-grupp se jkun li jgħin lill-Kummissjoni:

    (a)

    fl-evalwazzjoni tal-prodotti, is-sustanzi u t-tekniki li jistgħu jintużaw fil-produzzjoni organika, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet u l-prinċipji mniżżlin fir-Regolament (KE) Nru 834/2007,

    (b)

    fit-titjib tar-regoli eżistenti u fl-iżvilupp ta’ regoli ġodda tal-produzzjoni,

    (c)

    fil-ħolqien ta’ skambju tal-esperjenza u ta’ prattiki tajbin fil-qasam tal-produzzjoni organika.

    Artikolu 3

    Konsultazzjoni

    1.   Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta l-grupp dwar kwalunkwe kwistjoni li għandha x’taqsam mal-qasam tal-produzzjoni organika.

    2.   Il-President tal-grupp jista’ jagħti parir lill-Kummissjoni li jkun tajjeb li l-grupp jiġi kkonsultat dwar kwistjoni speċifika.

    Artikolu 4

    Sħubija – Ħatra

    1.   Il-grupp għandu jkun magħmul minn tlettax-il membru.

    2.   Il-membri tal-grupp għandhom jinħatru mill-Kummissjoni minn fost speċjalisti b’kompetenzi fl-oqsma msemmija fl-Artikoli 2 u 3(1) u li jkunu wieġbu għas-sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi wkoll lista li tiġbor fiha l-kandidati li ma setgħux jinħatru bħala membri permanenti minkejja li, matul il-proċedura tal-għażla, dawn ikunu tqiesu tajbin għal pożizzjoni fil-grupp.

    3.   Din il-lista ta’ kandidati tista’ tintuża biex jinħatru l-membri li jissostitwixxu l-membri tal-grupp jew biex jinħatru l-membri tas-sottogruppi.

    4.   Il-membri tal-grupp u tas-sottogruppi għandhom jinħatru f’kapaċità personali u għandhom jagħtu parir lill-Kummissjoni b’mod li jkun indipendenti minn kull influwenza esterna.

    5.   Il-membri tal-grupp jinħatru għal mandat ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded u ma jistgħux iservu għal iktar minn tliet mandati wara xulxin. Għandhom jibqgħu fil-kariga sa meta jiġu ssostitwiti skont il-paragrafu 6 jew sa meta jispiċċalhom il-mandat.

    6.   Il-membri li ma jibqgħux f’pożizzjoni li jikkontribwixxu b’mod effettiv fil-ħidmiet tal-grupp, li jippreżentaw ir-riżenja tagħhom jew li ma jirrispettawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikolu 287 tat-Trattat, jistgħu jiġu ssostitwiti għall-kumplament tal-mandat tagħhom.

    7.   Il-membri maħturin f’kapaċità personali għandhom jiffirmaw kull sena dikjarazzjoni li fiha jistqarru li huma qed jaġixxu fl-interess tal-pubbliku kif ukoll dikjarazzjoni li tikkonferma n-nuqqas jew l-eżistenza ta’ kull interess li jista’ jeffettwa l-oġġettività tagħhom. Huma għandhom jistqarru wkoll f’kull laqgħa kwalunkwe interess speċifiku li jista’ jitqies li jagħmel ħsara lill-indipendenza tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjonijiet li jkun hemm fl-aġenda.

    8.   L-ismijiet tal-membri maħturin f’kapaċità personali fil-grupp u fis-sottogruppi u dawk inklużi fil-lista ta’ kandidati għandhom ikunu ppubblikati fuq is-sit tal-Internet tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u fir-Reġistru tal-Gruppi tal-Esperti. Dawn l-ismijiet tal-membri għandhom jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

    Artikolu 5

    Operat

    1.   Il-grupp għandu jaħtar President u żewġ Viċi-Presidenti minn fost il-membri tiegħu permezz ta’ maġġoranza sempliċi.

    2.   Bi qbil mad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, jistgħu jitwaqqfu sottogruppi biex jeżaminaw mistoqsijiet speċifiċi skont termini ta’ referenza stabbiliti mill-grupp. Dawn il-gruppi għandhom jiġu xolti hekk kif jintemm il-mandat tagħhom. Is-sottogruppi għandhom ikunu magħmula minn għadd ta’ membri, li ma jistax jaqbeż is-sebgħa, minn fost il-membri tal-grupp jew mil-lista ta’ kandidati msemmija fl-Artikolu 4(3).

    3.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jistaqsi lill-esperti jew lill-osservaturi b’kompetenza speċifika f’suġġett li jkun fuq l-aġenda biex jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet tal-grupp jew tas-sottogrupp jekk dan ikun utli jew jekk ikun meħtieġ.

    4.   It-tagħrif miksub mill-parteċipazzjoni fid-deliberazzjonijiet tal-grupp jew tas-sottogrupp ma jistax jinkixef, jekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, dak it-tagħrif ikollu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet kunfidenzjali.

    5.   Normalment, il-grupp u s-sottogruppi tiegħu għandhom jiltaqgħu fl-istabbilimenti tal-Kummissjoni skont il-proċeduri u l-iskeda stabbilita minnha. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi ta’ segretarjat. Uffiċjali oħrajn tal-Kummissjoni li jkollhom interess fil-proċedimenti jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp u tas-sottogruppi tiegħu.

    6.   Il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura adottati mill-Kummissjoni (5).

    7.   Il-Kummissjoni tista’ tippubblika fuq l-Internet, bil-lingwa oriġinali tad-dokument ikkonċernat, l-aġenda, il-minuti, u kull sommarju, konklużjoni jew parti minn konklużjoni, jew dokument ta’ ħidma tal-grupp.

    Artikolu 6

    L-ispejjeż tal-laqgħat

    Il-Kummissjoni għandha tħallas lura l-ispejjeż tal-vjaġġi u, fejn ikun xieraq, l-ispejjeż tal-għajxien tal-membri u tal-esperti mġarrbin b’rabta mal-attivitajiet tal-grupp, f’konformità mar-regoli tal-Kummissjoni dwar il-kumpens għall-ispejjeż tal-esperti esterni.

    Ma għandu jingħata l-ebda ħlas bħala kumpens għas-servizzi mogħtija skont din id-Deċiżjoni.

    L-ispejjeż tal-laqgħat jitħallsu lura fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-grupp mis-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni.

    Artikolu 7

    Dħul fis-seħħ

    Id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 3 ta’ Ġunju 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

    (2)  SEC(2004) 739.

    (3)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.

    (4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (5)  SEC(2005) 1004.


    Top