Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0358

    2009/358/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ April 2009 dwar l-armonizzazzjoni, it-trażmissjoni regolari tat-tagħrif u l-kwestjonarju msemmija fl-Artikoli 22(1)(a) u 18 tad-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tal-iskart mill-industriji tal-estrazzjoni (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 3011)

    ĠU L 110, 1.5.2009, p. 39–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/358/oj

    1.5.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 110/39


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tad-29 ta’ April 2009

    dwar l-armonizzazzjoni, it-trażmissjoni regolari tat-tagħrif u l-kwestjonarju msemmija fl-Artikoli 22(1)(a) u 18 tad-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tal-iskart mill-industriji tal-estrazzjoni

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 3011)

    (2009/358/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-immaniġġar [il-ġestjoni] ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (1), u b’mod partikulari l-Artikoli (22)(1)(a) u (18) tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi sabiex jiġi żgurat il-ġbir armonizzat, fil-ħin u xieraq tat-tagħrif imsemmi fl-Artikoli 7(5), 11(3) u 12(6) tad-Direttiva 2006/21/KE, flimkien mat-trażmissjoni tiegħu, jekk tintalab, u sabiex titwaqqaf il-bażi għall-kwestjonarju msemmi fl-Artikolu 18(1) tal-istess Direttiva.

    (2)

    It-trażmissjoni ta’ kull sena tat-tagħrif imsemmi fl-Artikoli 7(5), 11(3) u 12(6) tad-Direttiva 2006/21/KE għandu jkopri l-perjodu bejn l-1 ta’ Mejju u t-30 ta’ April tas-sena ta’ wara.

    (3)

    Ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2006/21/KE għandu jkopri, għall-ewwel darba, il-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2008 sat-30 ta’ April 2011 u għandu jintbagħat lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Frar 2012.

    (4)

    Sabiex ikun illimitat il-piż amministrattiv marbut mal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-lista tat-tagħrif meħtieġ għandha tkun illimitata għal dejta utli bil-għan li tittejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Bl-istess mod, it-trażmissjoni tat-tagħrif ta kull sena dwar l-avvenimenti msemmija fl-Artikoli 11(3) u 12(6) tad-Direttiva 2006/21/KE għandu jkun illimitat għall-Istati Membri li fihom ikunu seħħew dawn it-tipi ta’ avvenimenti matul il-perjodu kkunsidrat.

    (5)

    Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2006/21/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    It-tagħrif inkluż fil-permessi mogħtija skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/21/KE, li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tal-istatistika tal-Komunità jekk jintalab għal skopijiet tal-istatistika, qed jingħata fid-dettall fl-Anness I.

    Artikolu 2

    F’każ li fi Stat Membru jseħħ/u wieħed jew aktar mill-avvenimenti msemmija fl-Artikoli 11(3) u 12(6) tad-Direttiva 2006/21/KE, l-Istat Membru kkonċernat għandu jibgħat lill-Kummissjoni t-tagħrif mogħti fid-dettall fl-Anness II, fuq bażi ta’ kull sena, għal kull avveniment. Dan it-tagħrif għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Mejju sat-30 ta’ April tas-sena ta’ wara u għandu jintbagħat lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju ta’ dik is-sena partikulari.

    Artikolu 3

    Il-kwestjonarju mogħti fl-Anness III għandu jintuża mill-Istati Membri sabiex jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2006/21/KE.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 29 ta’ April 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Stavros DIMAS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15.


    ANNESS I

    It-tagħrif li għandu jkun inkluż fil-lista tal-permessi maħruġin skont id-Direttiva 2006/21/KE

    (1)

    L-isem u l-indirizz tal-faċilità, tal-awtorità kompetenti responsabbli għall-ħruġ tal-permess u tal-awtorità kompetenti responsabbli għall-ispezzjoni.

    (2)

    Tagħrif bażiku dwar il-permess maħruġ inkluż id-data tal-ħruġ, il-perjodu tal-validità tiegħu, il-kategorija tal-faċilità tal-iskart skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva, id-deskrizzjoni tal-istadju ta’ ħidma tal-istallazzjoni (l-istadju tat-tħaddim, l-istadju tal-għeluq, jew l-istadju ta’ wara l-għeluq).

    (3)

    Jekk ikun xieraq, tagħrif dwar it-tip ta’ skart u deskrizzjoni fil-qosor tal-istallazzjonijiet u tal-proċeduri ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll.


    ANNESS II

    It-tagħrif li għandu jintbagħat lill-Kummissjoni dwar l-avvenimenti msemmija fl-Artikoli 11(3) u 12(6) skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2006/21/KE

    Għall kull avveniment għandu jinġabar u jintbagħat it-tagħrif li ġej:

    1.

    L-isem u l-indirizz tal-faċilità, tal-awtorità kompetenti responsabbli għall-ħruġ tal-permess u tal-awtorità kompetenti responsabbli għall-ispezzjoni.

    2.

    Tagħrif dwar il-permess maħruġ inklużi d-data tal-ħruġ, il-perjodu tal-validità tiegħu, il-kategorija tal-faċilità tal-iskart skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva, it-tip ta’ skart u deskrizzjoni fil-qosor tal-istallazzjonijiet u tal-proċeduri ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll; id-deskrizzjoni tal-istadju ta’ ħidma tal-istallazzjoni (l-istadju tat-tħaddim, l-istadju tal-għeluq, jew l-istadju ta’ wara l-għeluq).

    3.

    Deskrizzjoni tal-avveniment inklużi:

    (a)

    In-natura tal-inċident u deskrizzjoni tiegħu; deskrizzjoni dwar kif kien żvelat l-avveniment; il-post u l-ħin tal-avveniment;

    (b)

    Il-ħin u d-deskrizzjoni tat-tagħrif li l-operatur bagħat lill-awtoritajiet kompetenti u tat-tagħrif mogħti lill-pubbliku, u jekk ikun rilevanti, lill-Istati Membri l-oħrajn li setgħu kienu potenzjalment ikkonċernati f’każ ta’ impatt potenzjali transkonfinali;

    (c)

    Il-valutazzjoni tal-impatti li jista’ jkun hemm fuq l-ambjent u fuq is-saħħa pubblika, u tal-konsegwenzi li jista’ jkun hemm fuq l-istabbiltà tal-faċilità tal-iskart;

    (d)

    L-analiżi tar-raġunijiet għala jista’ jkun li seħħ l-avveniment.

    4.

    Deskrizzjoni tal-miżuri korrettivi li ttieħdu biex jitranġa l-avveniment u b’mod partikulari:

    (a)

    Jekk ikun applikabbli, deskrizzjoni ta’ kif ikun ġie implimentat il-pjan ta’ emerġenza;

    (b)

    It-tipi ta’ struzzjonijiet li ngħataw mill-awtoritajiet kompetenti;

    (c)

    Miżuri oħrajn li għandhom jiġu speċifikati.

    5.

    Deskrizzjoni tal-miżuri li ttieħdu sabiex jiġi evitat inċident ieħor tal-istess tip u b’mod partikulari:

    (a)

    Il-kundizzjonijiet ġodda inklużi fil-permess;

    (b)

    L-adattament tas-sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll;

    (c)

    It-titjib fit-trażmisssjoni tat-tagħrif;

    (d)

    Miżuri oħrajn li għandhom jiġu speċifikati.

    6.

    Tagħrif ieħor li jista’ jkun utli għall-Istati Membri l-oħrajn u għall-Kummissjoni sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva.


    ANNESS III

    “Il-kwestjonarju għar-rapport tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/21/KE

    IL-PARTI A:   MISTOQSIJIET LI GĦANDHOM JITWIEĠBU DARBA BISS GĦALL-EWWEL PERJODU TA’ RRAPPURTAR

    1.   Arranġamenti amministrattivi u tagħrif ġenerali

    Jekk jogħġbok indika l-awtorità/l-awtoritajiet kompetenti responsabbli:

    (a)

    għall-verifika u għall-approvazzjoni tal-pjanijiet għall-ġestjoni tal-iskart proposti mill-operaturi;

    (b)

    biex jistabbilixxu l-pjanijiet esterni tal-emerġenza għall-istallazzjonijiet tal-Kategorija ‘A’;

    (c)

    biex joħorġu u jaġġornaw il-permessi u biex jistabbilixxu u jaġġornaw il-garanzija finanzjarja, u

    (d)

    biex jagħmlu spezzjonijiet tal-faċilitajiet tal-iskart.

    2.   Il-pjanijiet għall-ġestjoni tal-iskart u l-prevenzjoni ta’ inċidenti serji u t-tagħrif dwarhom

    (a)

    Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor: il-proċeduri li ġew stabbiliti għall-approvazzjoni tal-pjanijiet għall-ġestjoni tal-iskart kif imsemmi fl-Artikolu 5(6) tad-Direttiva.

    (b)

    Għall-istallazzjonijiet tal-kategorija ‘A’ li ma jaqgħux fi ħdan l-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ aċċidenti [inċidenti] kbar fl-użu ta’ [li jinvolvu] sustanzi perikolużi (1), jekk jogħġbok iddeskrivi l-miżuri li ttieħdu sabiex:

    jiġu identifikati l-perikli ta’ inċidenti kbar;

    jiġu inkorporati l-elementi meħtieġa fid-diżinn, fit-tħaddim u fl-għeluq tal-istallazzjoni; u,

    jiġu llimitati l-konsegwenzi negattivi fuq is-saħħa pubblika u/jew fuq l-ambjent.

    3.   Il-permess u l-garanzija finanzjarja

    (a)

    Jekk jogħġbok indika l-miżuri li ttieħdu sabiex ikun żgurat li l-faċilitajiet kollha li qed jitħaddmu jkunu koperti b’permess qabel l-1 ta’ Mejju 2012, f’konformità mad-Direttiva.

    (b)

    Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor l-azzjonijiet li ttieħdu sabiex l-awtoritajiet li huma responsabbli biex jistabbilixxu u jikkontrollaw il-permessi jsiru jafu dwar l-aħjar tekniki disponibbli.

    (c)

    Jekk jogħġbok indika jekk intużatx il-possibbiltà msemmija fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva dwar it-tnaqqis jew it-tneħħija tar-rekwiżiti għad-depożitu ta’ skart mhux perikoluż – inerti jew mhux, ħamrija jew pit mhux imniġġsa – jew le.

    (d)

    Jekk jogħġbok spjega l-miżuri li ttieħdu sabiex ikun żgurat li l-permessi jkunu aġġornati b’mod regolari kif previst fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva.

    (e)

    Jekk jogħġbok agħti dettalji dwar il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva, imwaqqfa sabiex tiġi stabbilita l-garanzija finanzjarja u l-aġġustament perjodiku tagħha. Kemm-il stallazzjoni hija diġà koperta b’garanzija skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva? Kif se jkun żgurat li l-istallazzjonijiet kollha se jkunu koperti b’garanzija qabel l-1 ta’ Mejju 2014?

    4.   Il-parteċipazzjoni tal-pubbliku u l-effetti transkonfinali

    (a)

    Jekk jogħġbok spjega kif se jiġu analizzati l-opinjoni pubblika u l-kummenti tal-pubbliku u kif dawn se jitqiesu qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar il-permessi u waqt it-tħejjija tal-pjanijiet esterni tal-emerġenza.

    (b)

    Għal stallazzjonijiet li jista’ jkollhom impatt transkonfinali, kif se jkun żgurat li t-tagħrif meħtieġ se jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istat Membru l-ieħor u għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kkonċernat għal perjodu ta’ żmien xieraq?

    (c)

    Għal stallazzjonijiet tal-Kategorija ‘A’ u f’każ ta’ inċidenti serji, x’inhuma l-arranġamenti prattiċi li ttieħdu sabiex ikun żgurat:

    li t-tagħrif meħtieġ jintbagħat minnufih mill-operatur lill-awtorità kompetenti?

    li t-tagħrif dwar il-miżuri tas-sikurezza u dwar l-azzjoni meħtieġa jingħata lill-pubbliku? u,

    li t-tagħrif li jkun ipprovda l-operatur jintbagħat lill-Istat Membru l-ieħor f’każ ta’ stallazzjoni li jista’ jkollha impatt transkonfinali?

    5.   Il-bini u l-ġestjoni tal-faċilitajiet tal-iskart

    (a)

    Jekk jogħġbok agħti dettalji dwar il-miżuri li ttieħdu sabiex ikun żgurat li l-ġestjoni tal-faċilitajiet tal-iskart tkun f’idejn ‘persuna kompetenti’ kif imsemmi fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva u li l-persunal jitħarreġ kif xieraq.

    (b)

    Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor il-proċedura mwaqqfa għan-notifika, fi żmien 48 siegħa, lill-awtorità, dwar kwalunkwe avveniment li x’aktarx jaffettwa l-istabbiltà tal-faċilità u dwar kwalunkwe effetti ambjentali sinifikanti żvelati mill-monitoraġġ.

    (c)

    Jekk jogħġbok iddeskrivi kif, skont l-Artikolu 11, l-awtorità kompetenti qed tivverifika li rapporti regolari dwar ir-riżultati tal-monitoraġġ qegħdin:

    jintbagħtu mill-operatur lill-awtorità;

    juru konformità mal-kundizzjonijiet relatati mal-permess.

    6.   Il-proċeduri tal-għeluq u ta’ wara l-għeluq u l-inventarju

    (a)

    Jekk jogħġbok spjega fil-qosor il-proċedura mwaqqfa sabiex ikun żgurat li wara l-għeluq tal-faċilità u meta l-awtorità tqis li hu meħtieġ, jitwettqu kontrolli regolari tal-istabbiltà u jittieħdu miżuri sabiex jitnaqqsu l-effetti ambjentali.

    (b)

    Jekk jogħġbok agħti dettalji dwar il-miżura li ttieħdet sabiex ikun żgurat li, sal-1 ta’ Mejju 2012, isir l-inventarju tal-faċilitajiet magħluqin, hekk kif previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva.

    7.   L-ispezzjonijiet

    (a)

    Jekk jogħġbok spjega fil-qosor jekk il-kriterji minimi għall-ispezzjoni ambjentali (2) humiex meqjusa f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontroll tal-faċilitajiet li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tad-Direttiva, u jekk dan huwa l-każ, kif dan qed iseħħ.

    (b)

    Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kif qed jiġu ppjanati l-attivitajiet ta’ spezzjoni. L-istallazzjonijiet prijoritarji għall-ispezzjoni qed jiġu identifikati, u skont liema kriterji qed isir dan? It-tip ta’ spezzjonijiet u l-frekwenza tagħhom huma adattati għar-riskji marbutin mal-istallazzjoni u mal-ambjent tagħha?

    (c)

    Jekk jogħġbok spjega x’azzjonijiet ta’ spezzjoni qed jitwettqu, bħal, pereżempju, rutina ta’ spezzjonijiet fuq il-post jew le, it-teħid ta’ kampjuni, il-kontroll tad-dejta tal-monitoraġġ imwettaq mill-faċilità stess, il-kontroll tar-reġistri ‘aġġornati’ tal-ħidmiet tal-ġestjoni tal-iskart.

    (d)

    Jekk jogħġbok spjega l-azzjonijiet li ttieħdu sabiex ikun żgurat li l-pjanijiet għall-ġestjoni tal-iskart li jkunu ġew approvati jkunu aġġornati u mmonitorjati b’mod regolari.

    (e)

    Liema huma r-regoli dwar il-pieni li japplikaw f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva?

    IL-PARTI B.   MISTOQSIJIET LI GĦANDHOM JITWIEĠBU GĦAL KULL PERJODU TA’ RRAPPURTAR

    1.   Arranġamenti amministrattivi u tagħrif ġenerali

    (a)

    Jekk jogħġbok indika l-Entità Amministrattiva li għandha f’idejha l-koordinazzjoni tat-tweġibiet għal dan il-kwestjonarju (l-isem, l-indirizz, il-persuna ta’ kuntatt, u l-indirizz elettroniku).

    (b)

    Jekk inhu possibbli, jekk jogħġbok agħti stima tal-għadd ta’ faċilitajiet għall-iskart mill-industriji tal-estrazzjoni li hemm fit-territorju tal-Istat Membru billi tuża t-tabella mogħtija fl-Anness.

    (c)

    Jekk jogħġbok indika l-għadd ta’ faċilitajiet tal-iskart tal-Kategorija ‘A’ li qed jitħaddmu fit-territorju tiegħek u li jista’ jkollhom impatt fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem fi Stat Membru ieħor.

    2.   Il-pjanijiet għall-ġestjoni tal-iskart u l-prevenzjoni ta’ inċidenti serji u t-tagħrif dwarhom

    (a)

    Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor:

    l-għadd ta’ pjanijiet għall-ġestjoni tal-iskart li ġew approvati jew irrifjutati b’mod temporanju jew b’mod definittiv matul il-perjodu ta’ rrappurtar; u

    jekk inhu rilevanti, u jekk inhu possibbli, ir-raġunijiet ewlenin għala xi pjan għall-ġestjoni tal-iskart ġie rrifjutat b’mod definittiv.

    (b)

    Jekk jogħġbok agħti lista tal-pjanijiet esterni tal-emerġenza msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva. Jekk l-istallazzjonijiet tal-Kategorija ‘A’ għadhom mhumiex kollha koperti minn pjan ta’ emerġenza, jekk jogħġbok indika l-għadd ta’ pjanijiet li għad jonqos u l-ippjanar sabiex dawn il-pjanijiet jiġu stabbiliti.

    (c)

    Jekk f’pajjiżek ġiet stabbilita lista tal-iskart inerti kif imsemmi fl-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/359/KE tat-30 ta’ April 2009 li tlesti d-definizzjoni tal-‘iskart inerti’ sabiex timplimenta l-Artikolu 22(1)(f) tad-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji tal-estrazzjoni (3), jekk jogħġbok agħti kopja ta’ dik il-lista inkluża deskrizzjoni fil-qosor tat-tagħrif u d-dejta użati sabiex ikun deċiż jekk l-iskart elenkat jistax jitqies bħala inerti.

    3.   Il-permess u l-garanzija finanzjarja

    Jekk jogħġbok indika l-għadd ta’ stallazzjonijiet li għalihom inħareġ permess f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, jekk inhu possibbli billi tuża t-tabella mogħtija fl-Anness.

    4.   Il-proċeduri tal-għeluq u ta’ wara l-għeluq u l-inventarju

    (a)

    Jekk jogħġbok indika kemm twettqu u/jew kemm ġew approvati proċeduri tal-għeluq, kif spjegat fid-dettall fl-Artikolu 12 tad-Direttiva, matul il-perjodu ta’ rrappurtar.

    (b)

    Kemm-il stallazzjoni hija magħluqa u mmonitorjata b’mod regolari f’pajjiżek?

    5.   L-ispezzjonijiet

    (a)

    Jekk jogħġbok indika l-għadd ta’ spezzjonijiet imwettqa matul il-perjodu ta’ rrappurtar, u jekk possibbli agħżel bejn l-ispezzjonijiet imwettqa:

    Fi stallazzjonijiet tal-Kategorija ‘A’ u dawk imwettqa fi stallazzjonijiet oħra;

    Fi stallazzjonijiet tal-iskart inerti; u

    Fi stallazzjonijiet tal-iskart mhux inerti u mhux perikoluż.

    Jekk tfassal programm ta’ spezzjoni fil-livell xieraq ġeografiku (fil-livell Nazzjonali/Reġjonali/Lokali), jekk jogħġbok agħti kopja ta’ dan il-programm (ta’ dawn il-programmi) fl-anness tar-rapport.

    (b)

    Kemm-il każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ġie identifikat? Jekk jogħġbok indika r-raġunijiet ewlenin għan-nuqqas ta’ konformità u l-azzjonijiet li ttieħdu sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva.

    6.   Tagħrif ieħor rilevanti

    (a)

    Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor id-diffikultajiet ewlenin li ħabbattu wiċċkom magħhom meta kontu qed timplimentaw id-Direttiva. Kif ingħelbu dawn il-problemi possibbli?

    (b)

    Jekk jogħġbok agħti kwalunkwe kumment, suġġeriment u tagħrif addizzjonali marbut mal-implimentazzjoni tad-Direttiva.

    ANNESS (4)

     

    L-istallazzjonijiet li qed jitħaddmu

    L-istallazzjonijiet li qed jitħaddmu u li għandhom permess (5)

    L-istallazzjonijiet li qegħdin fl-istadju ta’ tranżizzjoni (6)

    L-istallazzjonijiet li qegħdin fl-istadju tal-għeluq (7)

    L-istallazzjonijiet li ngħalqu jew li ġew abbandunati (8)

    L-istallazzjonijiet tal-Kategorija ‘A’ (9)

     

     

     

     

     

    L-istallazzjonijiet minn fosthom li huma tat-tip ‘Seveso’ (10)

     

     

     

     

     

    L-istallazzjonijiet li mhumiex tal-Kategorija ‘A’

     

     

     

     

     

    L-istallazzjonijiet tal-iskart inerti (11)

     

     

     

     

     

    L-istallazzjonijiet tal-iskart mhux inerti u mhux perikoluż

     

     

     

     

     

    It-total

     

     

     

     

     


    (1)  ĠU L 10, 14.1.1997, p. 13.

    (2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ April 2001 li tipprovdi għall-kriterji minimi għall-ispezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri (ĠU L 118, 27.4.2001, p. 41).

    (3)  ĠU L 110, 1.5.2009, p. 46.

    (4)  Jekk inhu possibbli, jekk jogħġbok agħti d-dettalji separati għal kull settur għas-setturi tal-minerali tal-bini, tal-minerali tal-metall, tal-minerali tal-industrija, tal-minerali tal-enerġija u għas-setturi l-oħrajn.

    (5)  L-għadd ta’ stallazzjonijiet li għandhom permess u li diġà jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva.

    (6)  L-għadd ta’ stallazzjonijiet li se jingħalqu sa qabel l-2010 u li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-Artikolu 24(4).

    (7)  L-għadd ta’ stallazzjonijiet li l-proċeduri tal-għeluq tagħhom għadhom għaddejjin (l-Artikolu 12).

    (8)  Jekk inhu possibbli, jekk jogħġbok agħti stima tal-għadd ta’ faċilitajiet li ngħalqu jew li ġew abbandunati, li jistgħu jkunu ta’ ħsara u li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-Artikolu 20 tad-Direttiva.

    (9)  L-istallazzjonijiet ikklassifikati bħala stallazzjonijiet tal-Kategorija ‘A’ skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva.

    (10)  L-istallazzjonijiet li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tad-Direttiva 96/82/KE.

    (11)  L-istallazzjonijiet li jittrattaw biss skart inerti kif iddefinit fid-Direttiva.”


    Top