Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1055

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1055/2008 tas- 27 ta’ Ottubru 2008 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ kriterji tal-kwalità u rappurtar tal-kwalità għall-istatistiċi ta’ bilanċ tal-pagamenti

ĠU L 283, 28.10.2008, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 07/08/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1055/oj

28.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 283/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1055/2008

tas-27 ta’ Ottubru 2008

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ kriterji tal-kwalità u rappurtar tal-kwalità għall-istatistiċi ta’ bilanċ tal-pagamenti

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni sistematika tal-istatistika tal-Komunità li tikkonċerna l-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali f’servizzi u l-investiment dirett barrani.

(2)

Jeħtieġ li jkunu speċifikati l-istandards tal-kwalità komuni, kif ukoll il-kontenut u l-perjodiċità tar-rapporti tal-kwalità, skond l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 184/2005.

(3)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Bilanċ tal-Pagamenti stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 184/2005,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jipprovdu, fuq bażi annwali, rapport tal-kwalità mfassal skond ir-regoli stipulati fl-Anness.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rapporti tagħhom tal-kwalità sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 35, 8.2.2005, p. 23.


ANNESS

1.   Introduzzjoni

Ir-rapport tal-kwalità għandu jinkludi kemm indikaturi kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi tal-kwalità. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha tipprovdi r-riżultati tal-indikaturi kwantitattivi għal kull Stat Membru, ikkalkulati fuq il-bażi tad-dejta pprovduta. L-Istati Membri għandhom jinterpretaw u jikkummentaw dwarhom fid-dawl tal-metodoloġija tal-ġabra tagħhom.

2.   Il-qafas taż-żmien

Kull sena, qabel tmiem Ottubru, il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha tipprovdi lill-Istati Membri b’abbozzi ta’ dokumenti għar-rapporti tal-kwalità, li diġà jinkludu, parzjalment, il-biċċa l-kbira tal-indikaturi kwantitattivi u informazzjoni oħra disponibbli lill-Kummissjoni (il-Eurostat).

Kull sena, qabel it-30 ta’ Novembru, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (il-Eurostat) r-rapporti kompluti tal-kwalità.

3.   Kriterji ta’ kwalità

Il-kriterji ta’ kwalità li ġejjin ġew identifikati bħala rilevanti: ir-rappurtar tad-dejta u dejta fil-ħin, il-validità metodoloġika, l-istabilità, il-plawżibilità, il-konsistenza u l-akkuratezza. Il-komponent tal-“akkuratezza”, għalkemm rilevanti fil-kunċett, għandu jkun ittrattat separatament, bħala komponent sekondarju, minħabba li hu relatat mal-kwalità fuq in-naħa tad-dħul.

3.1.   Ir-rappurtar tad-dejta u dejta fil-ħin imwassla lill-Kummissjoni (il-Eurostat)

Dan il-komponent jirreferi għar-rispett tad-dati ta’ skadenza tat-twassil tad-dejta kif ukoll għad-disponibilità tad-dejta skont il-perjodi ta’ referenza u l-ispjega dettaljata skont il-ġeografija, l-oġġett u l-attività.

3.2.   Il-validità metodoloġika

Il-validità metodoloġika tirreferi għall-konformità ma’ standards aċċettati internazzjonalment, linji gwida u prattiki tajbin.

Dan il-komponent għandu jinkludi numru limitat ta’ mistoqsijiet, li jvarjaw minn sena għal sena, fil-qasam tal-metodoloġija, u li għandhom jiffukaw fuq il-konformità mal-istandards miftiehma internazzjonalment. L-Istati Membri għandhom ukoll jiddeskrivu l-akbar bidliet metodoloġiċi li jkunu seħħew waqt il-perjodu ta’ referenza u kif dawn jaffettwaw il-kwalità tad-dejta.

3.3.   L-istabilità

L-istabilità tirreferi għall-qrubija tal-valur kif stimat fil-bidu mal-valur finali.

Dan jikkonsisti fl-eżaminazzjoni tal-qies tar-reviżjonijiet, id-direzzjoni tagħhom u l-konformità bejn ix-xejriet li joħorġu mill-istimi tal-bidu u dawk finali.

3.4.   Il-plawżibilità

Il-plawżibilità tirreferi għall-assenza ta’ bidliet bla spjegazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jevalwaw il-proċeduri interni ta’ kontroll tagħhom (il-punti b’saħħithom u dawk dgħajfa) u jiddeskrivu pjanijiet oħra għat-titjib.

3.5.   Il-konsistenza

Il-konsistenza tanalizza l-koerenza kemm fi ħdan il-ġabra ta’ dejta mwassla (konsistenza interna) kif ukoll mal-ġabra ta’ dejta rilevanti oħra ta’ natura simili (konsistenza esterna).

3.6.   L-akkuratezza

L-akkuratezza tirreferi għall-qrubija tal-istima (finali) mal-valur tal-popolazzjoni proprju.

Għandha tinkludi analiżi deskrittiva tal-isfidi prinċipali biex jitjieb ir-rappurtar tad-dejta, ibbażata fuq sett ta’ parametri. Dan il-kriterju għandu jkun ittrattat bħala komponent ta’ kwalità addizzjonali u m’għandux jiġi kkunsidrat għall-valutazzjoni komprensiva dwar il-kwalità.


Top