Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0143

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 143/2008 tat- 12 ta’ Frar 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1798/2003 dwar l-introduzzjoni ta’ arranġamenti amministrattivi ta’ koperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fir-rigward tar-regoli li jikkonċernaw il-post tal-forniment ta’ servizzi, l-iskemi speċjali u l-proċedura ta’ rifużjoni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 44, 20.2.2008, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2012

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/143/oj

20.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 44/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 143/2008

tat-12 ta’ Frar 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1798/2003 dwar l-introduzzjoni ta’ arranġamenti amministrattivi ta’ koperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fir-rigward tar-regoli li jikkonċernaw il-post tal-forniment ta’ servizzi, l-iskemi speċjali u l-proċedura ta’ rifużjoni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (2),

Billi:

(1)

L-emendi introdotti fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi mid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar il-post tal-forniment ta’ servizzi (3) jfissru li s-servizzi lil persuni taxxabbli fornuti prinċipalment fejn ikun stabbilit ir-riċevitur. Fejn il-fornitur u r-riċevitur tas-servizzi huma stabbiliti fi Stati Membri differenti, il-mekkaniżmu tar-reverse charge huwa applikabbli b’mod aktar frekwenti milli kien s’issa.

(2)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq is-servizzi li huma soġġetti għall-mekkaniżmu tar-reverse charge, id-data miġbura mill-Istat Membru tal-fornitur għandha tiġi kkomunikata lill-Istat Membru fejn ikun stabbilit ir-riċevitur. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003 tas-7 ta’ Ottubru 2003 dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (4) għandu jipprevedi għal tali komunikazzjoni.

(3)

Id-Direttiva 2008/8/KE testendi wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-iskema speċjali għal servizzi elettroniċi fornuti minn persuni taxxabbli li m’humiex stabbiliti fi ħdan il-Komunità.

(4)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/EC, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor (5) tissimplifika l-proċedura ta’ rifużjoni tal-VAT fi Stat Membru li fih il-persuna taxxabbli kkonċernata m’hijiex identifikata għal raġunijiet ta’ VAT.

(5)

L-estensjoni ta’ l-ambitu ta’ l-iskema speċjali u l-emendi għall-proċedura ta’ rifużjoni għal persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni jfissru li jeħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jiskambjaw konsiderevolment aktar informazzjoni. L-iskambju meħtieġ m’għandux jagħmel domandi amministrattivi eċċessivi fuq l-Istat Membru kkonċernat. L-iskambju ta’ informazzjoni għandu għalhekk isir elettronikament taħt sistemi eżistenti sabiex isir skambju ta’ informazzjoni.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 1798/2003 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mill-1 ta’ Jannar 2010, ir-Regolament (KE) Nu 1798/2003 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(1), ir-raba' subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Għall-perijodu previst fl-Artikolu 357 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/EC tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (*), jistabbilixxi wkoll regoli u proċeduri għall-iskambju b’mezzi elettroniċi ta’ informazzjoni dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq is-servizzi skond l-iskemi speċjali previsti fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII ta’ din id-Direttiva 2006/112/KE, u wkoll għal kwalunkwe skambju sussegwenti ta’ informazzjoni u, safejn huma kkonċernati s-servizzi koperti minn dik l-iskema speċjali, għat-trasferiment ta’ flus bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri.

(*)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2008/8/KE (ĠU L 44, 20.2.2008, p. 11).”"

(2)

fl-Artikolu 2, il-punti (8) sa (11) għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“(8)

‘forniment intra-Komunitarju ta’ merkanzija’, tfisser kwalunkwe forniment ta’ merkanzija li għandu jiġi ddikjarat fid-dikjarazzjoni rikapitolattiva prevista fl-Artikolu 262 tad-Direttiva 2006/112/KE;

(9)

‘forniment intra-Komunitarju ta’ servizzi’, tfisser kwalunkwe forniment ta’ servizzi li għandu jiġi ddikjarat fid-dikjarazzjoni rikapitolattiva prevista fl-Artikolu 262 tad-Direttiva 2006/112/KE;

(10)

‘akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija’ tfisser l-akkwist tad-dritt skond l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/112/KE li tiddisponi bħala sid ta’ proprjetà tanġibbli mobbli;

(11)

‘numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT’ tfisser in-numru previst fl-Artikoli 214, 215 u 216 tad-Direttiva 2006/112/KE;”;

(3)

fl-Artikolu 22(1) l-ewwel subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Kull Stat Membru għandu jżomm database elettroniku li fih huwa jaħżen u jipproċessa l-informazzjoni li hu jiġbor skond il-Kapitolu 6 fit-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.”;

(4)

fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 23, il-punt (2) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(2)

il-valur totali tal-fornimenti intra-Komunitarji kollha ta’ merkanzija u l-valur totali tal-fornimenti intra-Komunitarji kollha ta’ servizzi lil persuni li għandhom numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT mill-operaturi kollha identifikati għall-finijiet ta’ VAT fl-Istat Membru li jipprovdi l-informazzjoni.”;

(5)

fl-Artikolu 24, l-ewwel paragrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Abbażi tad-data maħżuna skond l-Artikolu 22 u biss għall-prevenzjoni ta’ ksur tal-leġislazzjoni tal-VAT, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha, kull fejn tikkonsidra dan meħtieġ għall-kontroll ta’ l-akkwisti ta’ merkanzija intra-Komunitarja jew tal-fornimenti intra-Komunitarji ta’ servizzi taxxabbli fit-territorju tagħha, tikseb direttament u mingħajr dewmien, jew ikollha aċċess dirett b’mezzi elettroniċi għal kwalunkwe informazzjoni li ġejja:

(1)

in-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-persuni li wettqu il-fornimenti ta’ merkanzija u tas-servizzi msemmijin fil-punt 2 ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 23;

(2)

il-valur totali ta’ tali fornimenti ta’ merkanzija u tas-servizzi minn kull tali persuna lil kull persuna li għandha numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT imsemmi fil-punt 1 ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 23.”;

(6)

l-Artikolu 27(4) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“4.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru għandhom jiżguraw li persuni involuti fil-forniment intra-Komunitarju ta’ merkanzija jew ta’ servizzi u, għall-perijodu previst fl-Artikolu 357 tad-Direttiva 2006/112/KE, persuni taxxabbli mhux stabbiliti li jfornu servizzi fornuti elettronikament, partikolarment dawk imsemmija fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva, huma permessi jiksbu konferma tal-validità tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ta’ kwalunkwe persuna speċifikata.

Matul il-perijodu previst fl-Artikolu 357 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri għandhom jipprovdu tali konferma permezz ta’ mezzi elettroniċi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-Regolament.”;

(7)

l-intestatura tal-Kapitolu VI għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

 

“DISPOŻIZZJONIJIET DWAR L-ISKEMI SPEĊJALI FIL-KAPITOLU 6 TAT-TITOLU XII TAD-DIRETTIVA 2006/112/KE”;

(8)

l-Artikolu 28 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 28

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw fir-rigward ta’ l-iskemi speċjali previsti fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE. Id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 358 dik id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll għall-fini ta’ dan il-Kapitolu.”;

(9)

l-Artikolu 29 (1) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   L-informazzjoni provduta mill-persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fil-Komunità lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni meta tibda l-attivitajiet tagħha skond l-Artikolu 361 tad-Direttiva 2006/112/KE għandha tiġi ppreżentata b’mod elettroniku. Id-dettalji tekniċi, inkluż messaġġ elettroniku komuni, għandhom jiġu ddeterminati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-Regolament.”;

(10)

fl-Artikolu 30, l-ewwel subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Id-dikjarazzjoni bid-dettalji mniżżla fl-Artikoli 365 tad-Direttiva 2006/112/KE trid tiġi ppreżentata b’mod elettroniku. Id-dettalji tekniċi, inkluż messaġġ elettroniku komuni, għandhom jiġu ddeterminati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-Regolament.”;

(11)

l-Artikolu 31 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 31

Id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw ukoll għall-informazzjoni miġbura mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni b’mod konformi ma’ l-Artikoli 360, 361, 364 u 365 tad-Direttiva 2006/112/KE.”;

(12)

l-Artikolu 34 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 34

L-Artikoli 28 sa' 33 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-perijodu previst fl-Artikolu 357 tad-Direttiva 2006/112/KE.”;

(13)

għandu jiddaħħal il-Kapitolu VIa li ġej:

“KAPITOLU VIa

DISPOŻIZZJONIJIET RIGWARD L-ISKAMBJU U L-KONSERVAZZJONI TA’ INFORMAZZJONI FIL-KUNTEST TAL-PROĊEDURA PREVISTA FID-DIRETTIVA 2008/9/KE

Artikolu 34a

1.   Fejn l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment tirċievi applikazzjoni għal rifużjoni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/9/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/EC, lil persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor (**) u l-Artikolu 18 ta’ dik id-Direttiva ma jkunx applikabbli, hija għandha, fi żmien 15-il jum kalendarju mir-riċeviment tagħha u b’mezzi elettroniċi, tgħaddi l-applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru ta’ rifużjoni konċernat b’konferma li l-applikant, kif definit fil-punt (5) ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/9/KE, huwa persuna taxxabbli għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li n-numru ta’ identifikazzjoni jew reġistrazzjoni mogħti minn din il-persuna huwa validu għall-perijodu ta’ rifużjoni.

2.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru ta’ rifużjoni għandhom jinnotifikaw b’mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra bi kwalunkwe informazzjoni mitluba minnhom skond l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/9/KE. Id-dettalji tekniċi, inkluż messaġġ elettroniku komuni, li bih għandha tiġi trasmessa din l-informazzjoni, għandhom jiġu ddeterminati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 44(2).

3.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru ta’ rifużjoni għandhom jinnotifikaw b’mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra jekk huma jkunu jridu jagħmlu użu mill-għażla li jitolbu lill-applikant jipprovdi d-deskrizzjoni ta’ l-attività tan-negozju b’kodiċi armonizzati kif imsemmi fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/9/KE.

Il-kodiċi armonizzati msemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu ddeterminati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-Regolament abbażi tal-klassifika tan-NACE stabbilita bir-Regolament (KEE) Nru 3037/90.;”

(**)  ĠU L 44, 20.2.2008, p. 23."

(14)

fl-Artikolu 39, l-ewwel paragrafu għandu jinbidel b’dan kif ġej:

“Għall-perijodu previst fl-Artikolu 357 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali sistemi eżistenti jew ġodda ta’ skambju ta’ komunikazzjoni jew ta’ informazzjoni li huma meħtieġa sabiex jipprovdu għall-iskambji ta’ informazzjoni deskritti fl-Artikoli 29 u 30 ta’ dan ir-Regolament huma operattivi. Il-Kummissjoni ser tkun responsabbli għal kwalunkwe żvilupp tan-netwerk ta’ komunikazzjonijiet komuni/għaqda ta’ sistemi komuni (CCN/CSI) li jkun meħtieġ sabiex jippermetti l-iskambju ta’ din l-informazzjoni bejn l-Istati Membri. L-Istati Membri ser ikunu responsabbli għal kwalunkwe żvilupp tas-sistemi tagħhom li jkun meħtieġ sabiex jippermetti li din l-informazzjoni tiġi skambjata bl-użu tas-CCN/CSI.”.

Artikolu 2

Mill-1 ta’ Jannar 2015, ir-Regolament (KE) Nu 1798/2003 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(1), ir-raba' subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli u proċeduri għall-iskambju b’mezzi elettroniċi ta’ informazzjoni dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq is-servizzi skond l-iskemi speċjali previsti fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII ta’ din id-Direttiva 2006/112/KE, u wkoll għal kwalunkwe skambju sussegwenti ta’ informazzjoni u, safejn huma kkonċernati s-servizzi koperti minn dik l-iskema speċjali, għat-trasferiment ta’ flus bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri.”;

(2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu uniku għandu jiġi numerat “1” u għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“2.   Id-definizzjonijiet kontenuti fl-Artikoli 358, 358a u 369a tad-Direttiva 2006/112/KE għandhom japplikaw ukoll għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.”;

(3)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“3.   It-talba msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tinkludi talba raġunata għal inkjesta amministrattiva speċifika. Jekk l-Istat Membru jikkunsidra li l-ebda inkjesta mhi neċessarja, għandu jinforma immedjatament lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għal dan.

Madankollu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 40 ta’ dan ir-Regolament, talba għal informazzjoni dwar l-ammonti ddikjarati minn persuna taxxabbli b’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, servizzi tax-xandir u servizzi elettronikament fornuti li huma taxxabbli fl-Istat Membru li fih tinsab l-awtorità rikjedenti u li għalihom il-persuna taxxabbli tuża jew tagħżel li ma tużax l-iskema speċjali prevista fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE, tista’ tiġi rifjutata mill-awtorità rikjesta biss jekk l-informazzjoni dwar l-istess persuna taxxabbli, miksuba f’inkjesta amministrattiva miżmuma għal anqas minn sentejn preċedenti, tkun diġà ġiet fornuta lill-awtorità rikjedenti.

Madankollu, fir-rigward tat-talbiet imsemmija fit-tieni subparagrafu magħmulin mill-awtorità rikjedenti u valutati mill-awtorità rikjesta f’konformità ma’ Dikjarazzjoni ta’ l-Aħjar Prattiki dwar l-interazzjoni ta’ dan il-paragrafu u l-Artikolu 40(1) li għandha tiġi adottata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 44(2), Stat Membru li jirrifjuta li jwettaq inkjesta amministrattiva abbażi ta’ l-Artikolu 40 għandu jipprovdi lill-awtorità rikjedenti d-dati u l-valuri ta’ kwalunkwe fornimenti rilevanti magħmula matul l-aħħar sentejn mill-persuna taxxabbli fl-Istat Membru ta’ l-awtorità rikjedenti.”;

(4)

fl-Artikolu 17, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Għall-finijiet ta’ l-ewwel paragrafu, kull Stat Membru ta’ stabbiliment għandu jikkopera ma’ kull Stat Membru ta’ konsum sabiex ikun possibbli li jiġi aċċertat jekk il-persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tiegħu jiddikjarawx u jħallsux korrettament il-VAT dovuta fuq servizzi ta’ telekomunikazzjoni, servizzi tax-xandir u servizzi elettronikament fornuti li għalihom il-persuna taxxabbli tuża jew tagħżel li ma tużax l-iskema speċjali prevista fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE. L-Istat Membru ta’ stabbiliment għandu jgħarraf lill-Istat Membru tal-konsum bi kwalunkwe diskrepanza li jsir konxju tagħha.”;

(5)

fl-Artikolu 18, it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Kull Stat Membru għandu jiddetermina jekk hux ser jieħu sehem fl-iskambju ta’ kategorija partikolari ta’ informazzjoni, kif ukoll jekk dan hux ser isir b’mod awtomatiku jew b’mod awtomatiku strutturat. Madankollu, kull Stat Membru għandu jieħu sehem fi skambji ta’ l-informazzjoni li tkun disponibbli għalih servizzi ta’ telekomunikazzjoni, servizzi tax-xandir u servizzi elettronikament fornuti li għalihom il-persuna taxxabbli tuża jew tagħżel li ma tużax l-iskema speċjali prevista fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE.”;

(6)

l-Artikolu 27 (4) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“4.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru għandhom jiżguraw li persuni involuti fil-forniment intra-Komunitarju ta’ merkanzija jew ta’ servizzi u persuni taxxabbli mhux stabbiliti li jfornu servizzi ta’ telekomunikazzjoni, servizzi tax-xandir u servizzi fornuti elettronikament, partikolarment dawk imsemmija fl-Anness II tad-Direttiva 2006/112/KE, huma permessi jiksbu konferma tal-validità tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ta’ kwalunkwe persuna speċifikata.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu tali konferma b’mezzi elettroniċi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-Regolament.”;

(7)

L-intestatura tal-Kapitolu VI għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

 

“DISPOŻIZZJONIJIET DWAR L-ISKEMI SPEĊJALI FIL-KAPITOLU 6 TAT-TITOLU XII TAD-DIRETTIVA 2006/112/KE”;

(8)

l-Artikolu 28 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 28

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw fir-rigward ta’ l-iskemi speċjali previsti fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE.”;

(9)

l-Artikolu 29 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 29

1.   L-informazzjoni provduta mill-persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fil-Komunità lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni meta tibda l-attivitajiet tagħha skond l-Artikolu 361 tad-Direttiva 2006/112/KE għandha tiġi ppreżentata b’mod elettroniku. Id-dettalji tekniċi, inkluż messaġġ elettroniku komuni, għandhom jiġu ddeterminati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jittrasmetti l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 b’mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħrajn, fi żmien għaxart ijiem mill-aħħar tax-xahar li matulu kienet irċevuta l-informazzjoni mill-persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fil-Komunità. Dettalji simili għall-identifikazzjoni tal-persuna taxxabbli li tapplika l-iskema speċjali skond l-Artikolu 369b tad-Direttiva 2006/112/KE għandha tiġi trasmessa fi żmien għaxart ijiem mill-aħħar tax-xahar li matulu l-persuna taxxabbli tkun iddikjarat li l-attivitajiet taxxabbli tagħha taħt dik l-iskema jkunu nbdew. Bl-istess mod l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħrajn għandhom jiġu infurmati bin-numru ta’ identifikazzjoni allokat.

Id-dettalji tekniċi, inkluż messaġġ elettroniku komuni, li bih għandha tiġi trasmessa din l-informazzjoni, għandhom jiġu ddeterminati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu mingħajr dewmien jinforma b’mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħrajn jekk persuna taxxabbli mhux stabbilita fil-Komunità jew ta’ persuna taxxabbli fl-Istat Membru tal-konsum hija eskluża mill-iskema speċjali.”;

(10)

fl-Artikolu 30, l-ewwel u t-tieni subparagrafi għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“Id-dikjarazzjoni bid-dettalji mniżżla fl-Artikoli 365 u 369g tad-Direttiva 2006/112/KE trid tiġi ppreżentata b’mod elettroniku. Id-dettalji tekniċi, inkluż messaġġ elettroniku komuni, għandhom jiġu ddeterminati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-Regolament.

L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jittrasmetti din l-informazzjoni b’mezzi elettroniċi lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat mhux aktar tard minn 10 ijiem wara l-aħħar tax-xahar li fih ġiet irċevuta d-denunzja. L-informazzjoni prevista fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 369g tad-Direttiva 2006/112/KE, għandha tiġi trasmessa wkoll lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment ikkonċernat. L-Istati Membri li jesiġu li d-denunzja tat-taxxa ssir fil-munita nazzjonali għajr l-euro, għandhom jikkonvertu l-ammonti f’euro permezz tar-rata tal-kambju valida għall-aħħar ġurnata tal-perijodu ta’ rappurtaġġ. Il-kambju għandu jsir wara li jkunu ppublikati mill-Bank Ċentrali Ewropew ir-rati tal-kambju għal dik il-ġurnata, jew, jekk ma jkunx hemm pubblikazzjoni f’dik il-ġurnata, fil-ġurnata ta’ pubblikazzjoni li jmiss. Id-dettalji tekniċi għat-trasmissjoni ta’ l-informazzjoni għandhom ikunu determinati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-Regolament.”;

(11)

l-Artikolu 31 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 31

Id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 22 għandhom japplikaw ukoll għall-informazzjoni miġbura mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni b’mod konformi ma’ l-Artikoli 360, 361, 364, 365, 369ċ, 369f u 369g tad-Direttiva 2006/112/KE.”;

(12)

fl-Artikolu 32, il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

“Fir-rigward ta’ pagamenti li għandhom jiġu trasferiti lill-Istat Membru tal-konsum skond l-iskema speċjali prevista fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu l-jedd li, mill-ammonti msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, iżomm:

(a)

mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2016 - 30 %,

(b)

mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2018 - 15 %,

(ċ)

mill-1 ta’ Jannar 2019 - 0 %.”;

(13)

l-Artikolu 34 għandu jitħassar;

(14)

fl-Artikolu 39, l-ewwel paragrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali sistemi eżistenti jew ġodda ta’ skambju ta’ komunikazzjoni jew ta’ informazzjoni li huma meħtieġa sabiex jipprovdu għall-iskambji ta’ informazzjoni deskritti fl-Artikoli 29 u 30 huma operattivi. Il-Kummissjoni ser tkun responsabbli għal kwalunkwe żvilupp tan-netwerk ta’ komunikazzjonijiet komuni/għaqda ta’ sistemi komuni (CCN/CSI) li jkun meħtieġ sabiex jippermetti l-iskambju ta’ din l-informazzjoni bejn l-Istati Membri. L-Istati Membri ser ikunu responsabbli għal kwalunkwe żvilupp tas-sistemi tagħhom li jkun meħtieġ sabiex jippermetti li din l-informazzjoni tiġi skambjata bl-użu tas-CCN/CSI.”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 1 u 2 għandhom japplikaw mid-dati li ġejjin:

(a)

l-Artikolu 1, mill-1 ta’ Jannar 2010;

(b)

l-Artikolu 2, mill-1 ta’ Jannar 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Frar 2008.

Għall-Kunsil

Il-President

A. BAJUK


(1)  Opinjoni tas-7 ta’ Settembru 2005.

(2)  Opinjoni tat-12 ta’ Mejju 2005.

(3)  Ara paġna 11 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  ĠU L 264, 15.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(5)  Ara paġna 23 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


Top