Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0039

    Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 6 ta’ Diċembru 2007 dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Konvenzjoni tat- 18 ta’ Diċembru 1997 , imfassla fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, dwar l-għajnuna reċiproka u l-koperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali

    ĠU L 9, 12.1.2008, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/39(1)/oj

    12.1.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 9/21


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-6 ta’ Diċembru 2007

    dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Konvenzjoni tat-18 ta’ Diċembru 1997, imfassla fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, dwar l-għajnuna reċiproka u l-koperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali

    (2008/39/ĠAI)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra t-Trattat ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija,

    Wara li kkunsidra l-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ l-“Att ta’ l-Adeżjoni”), u partikolarment l-Artikolu 3(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkommandazzjoni mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Il-Konvenzjoni mfassla fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, dwar l-għajnuna reċiproka u l-koperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali (2) (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Konvenzjoni”) ġiet iffirmata fi Brussell fit-18 ta’ Diċembru 1997 u tidħol fis-seħħ 90 jum wara n-notifika mill-Istat, Membru ta’ l-Unjoni Ewropea fiż-żmien ta’ l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ l-Att li jfassal din il-Konvenzjoni, li jkun l-aħħar wieħed li jwettaq dik il-formalità.

    (2)

    Konformement ma’ l-Artikolu 32(4) tal-Konvenzjoni, sa meta l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ, kull Stat Membru jista', meta jagħti n-notifika msemmija fl-Artikolu 32(2) tal-Konvenzjoni, jew fi kwalunkwe żmien ieħor wara dan, jiddikjara li f’dak li jirrigwarda lilu, il-Konvenzjoni għandha tapplika għar-relazzjonijiet tiegħu ma’ l-Istati Membri li għamlu l-istess dikjarazzjoni.

    (3)

    Wara l-adeżjoni tagħhom ma’ l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta’ adeżjoni mal-Konvenzjoni.

    (4)

    L-Artikolu 3(3) ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ 2005 jistipula li l-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jaċċedu mal-konvenzjonijiet u protokolli konklużi bejn l-Istati Membri u elenkati fl-Anness I ma’ l-Att ta’ l-Adeżjoni, li jinkludi, inter alia, il-Konvenzjoni dwar l-għajnuna reċiproka u l-koperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali. Dawk il-konvenzjonijiet u protokolli għandhom jidħlu fis-seħħ għall-Bulgarija u għar-Rumanija fid-data determinata mill-Kunsill.

    (5)

    Skond l-Artikolu 3 (4) ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni, il-Kunsill għandu jagħmel l-aġġustamenti kollha meħtieġa minħabba l-adeżjoni f’dawk il-konvenzjonijiet u protokolli,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni tat-18 ta’ Diċembru 1997, imfassla fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, dwar l-għajnuna reċiproka u l-koperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Din il-Konvenzjoni għandha tapplika għat-territorji ta’ l-Istati Membri inklużi fit-territorju doganali tal-Komunità kif ukoll, għar-Repubbika Federali tal-Ġermanja, il-Gżira ta’ Heligoland u t-territorju ta’ Büsingen (fil-qafas ta’, u skond, it-Trattat tat-23 ta’ Novembru 1964 bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-inklużjoni tal-komun ta’ Büsingen am Hochrhein fit-territorju doganali tal-Konfederazzjoni Żvizzera, jew il-verżjoni kurrenti tiegħu) u, għar-Repubblika Taljana, il-muniċipalitajiet ta’ Livigno u Campione d’Italia, u għall-ibħra territorjali, l-ibħra marittimi interni u l-ispazju ta’ l-ajru tat-territorji ta’ l-Istati Membri.”.

    Artikolu 2

    Il-Konvenzjoni, kif emendata b’din id-Deċiżjoni, għandha tidħol fis-seħħ għall-Bulgarija u għar-Rumanija fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 32(4) tal-Konvenzjoni.

    Artikolu 3

    Il-Konvenzjoni kif imfassla fil-lingwa Bulgara u fil-lingwa Rumena (3) għandha tkun awtentika taħt l-istess kundizzjonijiet bħat-testi l-oħra tal-Konvenzjoni.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tibda jkollha effett fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 6 ta’ Diċembru 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. COSTA


    (1)  Opinjoni ta’ l-24 ta’ Ottubru 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU C 24, 23.1.1998, p. 2.

    (3)  Il-verżjoni Bulgara u dik Rumena tal-Konvenzjoni għandhom jiġu ppubblikati fl-edizzjoni speċjali tal-ĠU f’data aktar tard.


    Top