EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1242

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1242/2007 ta’ l- 24 ta’ Ottubru 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 793/2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar ‘il bogħod ta' l-Unjoni

ĠU L 281, 25.10.2007, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/03/2014; Imħassar b' 32014R0179

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1242/oj

25.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 281/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1242/2007

ta’ l-24 ta’ Ottubru 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 793/2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar ‘il bogħod ta' l-Unjoni

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 tat-30 ta’ Jannar 2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar ‘il bogħod ta' l-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 793/2006 (2) jidher li xi dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adattati.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000 tad-9 ta' Ġunju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji ta' l-importazzjoni u ta' l-esportazzjoni u ta' ċertifikati ta' ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (3), jipprovdi għall-ħruġ u l-użu ta’ ċertifikati permezz ta' sistemi kompjuterizzati; referenzi għal din il-possibbiltà għandhom jiġu integrati fir-Regolament (KE) Nru 793/2006.

(3)

L-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 793/2006, jinkludi biss l-arranġamenti speċifiċi tal-provvista li għandhom jitħallsu fi kwalunkwe żmien tas-sena. Iridu jiżdiedu miżuri addizzjonali sabiex jiġi żgurat it-tħaddim xieraq u l-effiċjenza tal-programm. Għandu jkun għalhekk possibbli li jsiru ħlasijiet f’kull żmien tas-sena għall-importazzjoni u l-provvista ta' annimali ħajjin kif ukoll għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 50 ta' dak ir-Regolament.

(4)

Il-proċeduri għall-emendi għall-programmi pprovduti fl-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 793/2006 jridu jkunu aktar preċiżi. Jixraq li jiġu speċifikati r-regoli għat-tressiq tat-talbiet għall-emendi għall-programm kumplessiv u għall-approvazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni, kif ukoll il-kalendarju għall-applikazzjoni tagħhom. Minħabba regoli tal-baġit, l-emendi approvati għandhom jiġu implimentati sa mill-1 ta’ Jannar tas-sena wara t-talba għal emenda. Barra minn hekk, għandu jkun hemm distinzjoni bejn emendi ewlenin li jeħtieġu approvazzjoni minn Deċiżjoni tal-Kummissjoni u emendi minuri li għandhom jiġu nnotifikati biss lill-Kummissjoni għall-informazzjoni.

(5)

Il-kliem li hemm bħalissa fl-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 793/2006 iridu jiġu ċċarati b’mod aktar preċiż b’referenza għall-Artikolu relatat tar-Regolament (KE) Nru 247/2006.

(6)

Sabiex tiġi żgurata transizzjoni mingħajr intoppi mill-arranġamenti ta’ qabel li kienu japplikaw sa l-2006 fir-rigward tal-possibbiltà li jintużaw iċ-ċertifikati elettroniċi għall-iskopijiet ta’ l-għajnuna skond l-Arranġamenti Speċifiċi tal-Provvista u fir-rigward tal-possibbiltà li jsiru pagamenti tul is-sena għall-importazzjoni u l-provvista ta’ annimali ħajjin kif ukoll għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 793/2006, l-emendi għall-Artikolu 5(2), 7(2) u 29 għandhom ikunu applikabbli mid-data li fiha l-Kummissjoni tkun innotifikat l-approvazzjoni tagħha tal-programm kumplessiv ta' l-Istat Membru rilevanti skond l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 247/2006.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 793/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(8)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 793/2006 hu emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 5(2), it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

“L-Artikoli 8(5), 13, 15, 17, 18, 19, 21, 23, 26, 27, 29 sa 33 u 36 sa 41 tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000 għandhom jgħoddu, mutatis mutandis, bla ħsara għal dan ir-Regolament.”

(2)

Fl-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

“L-Artikoli 8(5), 13, 15, 17, 18, 19, 21, 23, 26, 27, 29 sa 33 u 36 sa 41 tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000 għandhom jgħoddu, mutatis mutandis, bla ħsara għal dan ir-Regolament.”

(3)

L-ewwel inċiż fl-Artikolu 29 jinbidel b'dan li ġej:

“—

Fil-każ ta’ l-arranġamenti speċifiċi tal-provvista, tal-miżuri ta’ l-importazzjoni u l-provvista ta’ annimali ħajjin u tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 50, tul is-sena,”

(4)

L-Artikolu 49 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 49

Emendi għall-programmi

1.   L-emendi għall-programmi kumplessivi approvati skond l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 247/2006 għandhom jitressqu lill-Kummissjoni u għandhom jiġu ssostanzjati kif xieraq, partikolarment billi jingħata t-tagħrif li ġej:

(a)

ir-raġunijiet u kull problema ta' implimentazzjoni li jiġġustifikaw l-emendar tal-programm kumplessiv;

(b)

l-effetti li wieħed jistenna mill-emenda;

(c)

il-konsegwenzi fuq il-finanzjament u l-kontroll ta' l-impenji.

Ħlief f’każi ta’ forza maġġuri jew ċirkostanzi eċċezzjonali, l-Istati Membri għandhom iressqu talbiet għal emendi lill-programm mhux aktar minn darba kull sena kalendarja għal kull programm u mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru ta' kull sena.

Jekk il-Kummissjoni ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni għall-emendi mitluba, dawk l-emendi għandhom japplikaw mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena wara dik li fiha ġew innotifikati.

Dawn l-emendi jistgħu japplikaw qabel jekk il-Kummissjoni tikkonferma bil-miktub lill-Istat Membru qabel id-data msemmija fit-tielet subparagrafu li l-emendi nnotifikati jikkonformaw mal-leġislazzjoni Komunitarja.

Jekk l-emenda nnotifikata ma tikkonformax mal-leġislazzjoni Komunitarja, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru b’dan u l-emenda ma tapplikax sakemm il-Kummissjoni tirċievi emenda li tista’ tiġi ddikjarata bħala konformi.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, għall-emendi li ġejjin, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-proposti ta’ l-Istati Membri u tiddeċiedi dwar l-approvazzjoni tagħhom fi żmien mhux aktar minn erba' xhur mit-tressiq tagħhom skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (KE) Nru 247/2006:

(a)

l-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda jew skemi ta’ għajnuna fil-programm kumplessiv; u

(b)

iż-żieda tal-livell unitarju ta’ appoġġ diġà approvat għal kull miżura jew skema ta’ għajnuna eżistenti b’aktar minn 50 % ta' l-ammont applikabbli fiż-żmien meta ġiet ippreżentata t-talba għall-emenda.

3.   L-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jagħmlu l-emendi li ġejjin, mingħajr rikors għall-proċedura stipulata fil-paragrafu 1, dejjem sakemm l-emendi jkunu nnotifikati lill-Kummissjoni:

(a)

fil-każ ta’ previżjonijiet ta’ bilanċi tal-provvista, bidliet fil-livell individwali ta’ l-għajnuna sa 20 % jew bidliet fil-kwantitajiet tal-prodotti kkonċernati koperti mill-aranġamenti tal-provvista u, konsegwentement, l-ammont globali ta’ għajnuna allokat biex jappoġġa kull linja ta’ prodotti; u

(b)

fil-każ ta' programmi ta' appoġġ Komunitarji għall-produzzjoni lokali, aġġustamenti sa 20 % ta’ l-allokazzjoni finanzjarja għal kull miżura individwali jew aġġustamenti sa 20 % ta’ l-ammont unitarju ta’ l-għajnuna ’l fuq minn jew taħt l-ammonti applikabbli fiż-żmien meta tiġi ppreżentata t-talba għall-emenda.

(c)

emendi li jsegwu emendi għal kodiċijiet u deskrizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (*) użati biex jidentifikaw il-prodotti li jibbenefikaw mill-għajnuna, dejjem sakemm dawn l-emendi ma jinvolvux bidla fil-prodotti nfushom.

Dawn l-emendi m’għandhomx japplikaw qabel id-data li fiha jaslu għand il-Kummissjoni. Jistgħu jiġu implimentati darba fis-sena biss fil-każ ta' forza maġġuri jew ċirkostanzi eċċezzjonali, modifika tal-kwantitajiet tal-prodotti koperti mill-arranġamenti ta' provvista u modifika tan-nomenklatura statistika u tal-kodiċijiet tat-Tariffa Doganali Komuni kif ipprovdut fir-Regolament (KEE) Nru 2658/87.

(*)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.”"

(5)

L-Artikolu 50 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 50

Iffinanzjar ta’ studji, proġetti ta’ dimostrazzjoni, taħriġ jew miżuri ta’ għajnuna teknika

L-ammont meħtieġ għall-iffinanzjar ta’ studji, proġetti ta’ dimostrazzjoni, taħriġ u assistenza teknika pprovduti fi programm approvat skond l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 247/2006 għall-iskop ta’ l-implimentazzjoni ta’ dak il-programm ma jistgħux jaqbżu l-1 % ta’ l-ammont totali ta’ iffinanzjar allokat lil kull programm skond l-Artikolu 23(2) ta' dak ir-Regolament.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-Artikoli 1(1), 1(2) u 1(3) għandhom japplikaw għal kull Stat Membru kkonċernat sa mid-data li fiha l-Kummissjoni tkun innotifikat l-approvazzjoni tagħha tal-programm kumplessiv ta’ l-Istat Membru rilevanti skond l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 247/2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 42, 14.2.2006, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2013/2006 (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 13).

(2)  ĠU L 145, 31.5.2006, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 852/2006 (ĠU L 158, 10.6.2006, p. 9).

(3)  ĠU L 152, 24.6.2000, p. 1, kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2006 (ĠU L 365, 21.12.2006, p. 52).


Top